Skrittura
1 Nefi 15


Kapitlu 15

Nisel Leħi sejjer jirċievi l‑evanġelju mingħand il‑Ġentili fl‑aħħar żminijiet—Il‑ġabra ta’ Iżrael tixbah lil siġra taż‑żebbuġ li l‑friegħi naturali tagħha se jerġgħu jitlaqqmu mill‑ġdid—Nefi jinterpreta d‑dehra tas‑siġra tal‑ħajja u jitkellem dwar il‑ġustizzja ta’ Alla fil‑mod li huwa se jifred lill‑ħżiena mit‑twajbin. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara li wara li jiena, Nefi, ġejt meħud fl‑Ispirtu, u rajt dawn il‑ħwejjeġ kollha, jien erġajt lura fit‑tinda ta’ missieri.

2 U ġara li jiena rajt lil ħuti, u huma kienu qed jargumentaw bejniethom dwar il‑ħwejjeġ li kellimhom dwarhom missieri.

3 Għax huwa kellimhom sewwasew dwar bosta ħwejjeġ kbar, li kien diffiċli li bniedem jifhimhom, sakemm ma jistaqsix lill‑Mulej; u għax kellhom qalbhom iebsa, għalhekk huma ma darux lejn il‑Mulej kif kellhom jagħmlu.

4 U issa jiena, Nefi, ħassejtni mnikket minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom, kif ukoll minħabba l‑ħwejjeġ li jiena rajt, u jien kont naf li inevitabbilment kienu se jiġu fis‑seħħ minħabba l‑ħażen kbir ta’ wlied il‑bnedmin.

5 U ġara li jiena ħassejtni maħkum minħabba l‑hemm tiegħi, għaliex kont narah jiżboq kull hemm ieħor, minħabba l‑qerda ta’ niesi, għax il‑waqgħa tagħhom jiena rajt.

6 U ġara li wara li ġejt f’tiegħi jien mort inkellem lil ħuti, fejn xtaqt inkun naf mingħandhom għalfejn bdew jargumentaw.

7 U huma qaluli: Ara, aħna ma nistgħux nifhmu l‑kliem li qal missierna dwar il‑friegħi naturali tas‑siġra taż‑żebbuġ, kif ukoll dwar il‑Ġentili.

8 U jien għidtilhom: Intom staqsejtuh lill‑Mulej?

9 U huma qaluli: Le, ma staqsejniehx; għax il‑Mulej lilna ma juriniex ħwejjeġ bħal dawn.

10 U jien għidtilhom: Araw, għalfejn intom ma tħarsux il‑kmandamenti tal‑Mulej? Għalfejn sejrin tintilfu, minħabba l‑ebusija ta’ qalbkom?

11 Ma tiftakrux il‑ħwejjeġ li qal il‑Mulej?—Jekk ma twebbsux qalbkom, u tistaqsuni bil‑fidi, u temmnu li sejrin taqilgħu, u tħarsu bir‑reqqa l‑kmandamenti tiegħi, żgur li dawn il‑ħwejjeġ jiġu żvelati lilkom.

12 Araw, jiena ngħidilkom, li d‑dar ta’ Iżrael ġiet imqabbla ma’ siġra taż‑żebbuġ, mill‑Ispirtu tal‑Mulej li kien jinsab f’missierna; u araw, m’aħniex aħna mqaċċtin mid‑dar ta’ Iżrael, u m’aħniex aħna fergħa mid‑dar ta’ Iżrael?

13 U issa, dak li ried ifisser missierna dwar it‑tilqim tal‑friegħi naturali permezz tal‑milja tal‑Ġentili, hu, li fl‑aħħar żminijiet, meta n‑nisel tagħna jkun ilu li tilef il‑fidi, iva, għal ħafna snin, u ħafna ġenerazzjonijiet wara li l‑Messija se jidher fil‑ġisem fost ulied il‑bnedmin, imbagħad il‑milja tal‑evanġelju tal‑Messija se tasal għand il‑Ġentili, u mill‑Ġentili għal għand il‑fdal tan‑nisel tagħna—

14 U f’dak il‑jum il‑fdal tan‑nisel tagħna sejrin ikunu jafu li huma parti mid‑dar ta’ Iżrael, u li huma l‑poplu tal‑patt tal‑Mulej; u mbagħad huma se jkunu jafu u se jitgħallmu dwar missirijiethom, u se jitgħallmu wkoll dwar l‑evanġelju tal‑Feddej tagħhom, li wasal għand missirijiethom permezz tal‑ministeru tiegħu; għalhekk, huma jaslu biex jagħrfu lill‑Feddej tagħhom u l‑elementi meħtieġa tad‑duttrina tiegħu, biex huma jkunu jafu kif jistgħu jersqu lejh u jsalvaw.

15 U mbagħad f’dak il‑jum huma mhumiex se jithennew u jinfexxu jfaħħru lil Alla ta’ dejjem tagħhom, il‑blata u s‑salvazzjoni tagħhom? Iva, f’dak il‑jum, huma mhumiex se jiksbu l‑qawwa u n‑nutriment mid‑dielja vera? Iva, huma mhumiex se jersqu lejn il‑merħla vera ta’ Alla?

16 Araw, jiena ngħidilkom, Iva; huma se jitqiesu għal darb’oħra bħala parti mid‑dar ta’ Iżrael; u minħabba li huma fergħa naturali mis‑siġra taż‑żebbuġ, huma se jiġu mlaqqma fis‑siġra vera taż‑żebbuġ.

17 U dan hu dak li jrid ifisser missierna; u li jrid ifisser hu li dan mhuwiex se jiġi fis‑seħħ qabel ma l‑ewwel huma jiġu mxerrda mill‑Ġentili; u huwa jrid ifisser li dan se jiġi fis‑seħħ permezz tal‑Ġentili, biex il‑Mulej ikun jista’ juri l‑qawwa tiegħu lill‑Ġentili, minħabba li huwa sejjer jiġi mwarrab mil‑Lhud, jew aħjar mid‑dar ta’ Iżrael.

18 Għalhekk, missierna ma kienx qed jitkellem biss dwar in‑nisel tagħna, imma wkoll dwar id‑dar kollha ta’ Iżrael, fejn hu enfasizza l‑patt li se jiġi fis‑seħħ fl‑aħħar żminijiet; liema patt il‑Mulej għamel ma’ missierna Abraham, meta qallu: F’nislek jitbierku l‑ġnus kollha tal‑art.

19 U ġara li jiena, Nefi, kellimthom ħafna dwar dawn il‑ħwejjeġ, iva, jiena kellimthom dwar ir‑restawrazzjoni tal‑Lhud fl‑aħħar żminijiet.

20 U jiena tennejtilhom kliem Isaija, li tkellem dwar ir‑restawrazzjoni tal‑Lhud, jew aħjar tad‑dar ta’ Iżrael; u wara li jiġu rrestawrati huma qatt aktar ma jiġu umiljati, u lanqas mhuma se jerġgħu jiġu mxerrdin. U ġara li lil ħuti għidtilhom bosta ħwejjeġ, tant li spiċċaw biex ikkalmaw u waslu sabiex umiljaw ruħhom quddiem il‑Mulej.

21 U ġara li huma reġgħu kellmuni mill‑ġdid u qaluli: Xi tfisser din il‑ħaġa li missierna ra f’ħolma? Xi tfisser is‑siġra li huwa ra?

22 U jien għidtilhom: Hija rappreżentazzjoni tas‑siġra tal‑ħajja.

23 U huma qaluli: Xi jfisser il‑bastun tal‑ħadid li missierna ra, li jwassal għas‑siġra?

24 U jien għidtilhom li kien il‑kelma ta’ Alla; u li dawk kollha li jagħtu widen għall‑kelma ta’ Alla, u jżommu sew magħha, ma jintilfu qatt; lanqas it‑tiġrib u l‑vleġeġ kollha nar tal‑avversarju ma jkunu jistgħu jegħlbuhom b’tali mod li jispiċċaw jagħmew, u jitwasslu għall‑qerda.

25 Għalhekk, jiena, Nefi, ħeġġiġthom biex jagħtu widen għall‑kelma tal‑Mulej; iva, jiena ħeġġiġthom bil‑qawwa kollha ta’ ruħi, u bil‑fakultà kollha li kont nippossedi, biex huma jagħtu widen għall‑kelma ta’ Alla u jiftakru dejjem li jħarsu l‑kmandamenti tiegħu f’kull ħaġa.

26 U huma qaluli: Xi tfisser ix‑xmara tal‑ilma li ra missierna?

27 U jien għidtilhom li l‑ilma li ra missieri kien ħmieġ; u moħħu tant kien okkupat bi ħwejjeġ oħra li l‑ħmieġ tal‑ilma ma ndunax bih.

28 U jien għidtilhom li x‑xmara kienet abbiss tal‑biża’, li kien jifred lill‑ħżiena mis‑siġra tal‑ħajja, kif ukoll mill‑qaddisin ta’ Alla.

29 U jien għidtilhom li l‑abbiss kien rappreżentazzjoni ta’ dak l‑infern tal‑biża’, li l‑anġlu qalli li kien ġie mħejji għall‑ħżiena.

30 U jien għidtilhom li missierna ra wkoll li l‑ġustizzja ta’ Alla kienet tifred ukoll il‑ħżiena mit‑twajbin; u d‑dija tagħha kienet tixbah lid‑dija tan‑nar iħeġġeġ, li jitla’ ’l fuq ħdejn Alla għal dejjem ta’ dejjem, u ma jintemm qatt.

31 U huma qaluli: Allura din il‑ħaġa tfisser it‑turment tal‑ġisem fil‑jiem ta’ prova, jew tfisser l‑istat finali tar‑ruħ wara l‑mewt tal‑ġisem temporali, jew forsi qed tirreferi għall‑ħwejjeġ li huma temporali?

32 U ġara li jien għidtilhom li kienet rappreżentazzjoni ta’ ħwejjeġ kemm temporali kif ukoll spiritwali; għax għad jasal il‑jum li fih huma se jiġu ġġudikati skont għemilhom, iva, sewwasew skont l‑għemejjel li huma wettqu permezz tal‑ġisem temporali fil‑jiem ta’ prova tagħhom.

33 Għalhekk, jekk imutu fi ħżunithom huma jitwarrbu wkoll, fir‑rigward tal‑ħwejjeġ spiritwali, li jappartjenu għas‑sewwa; għalhekk, huma għandhom jinġiebu biex jieqfu quddiem Alla, ħalli jiġu ġġudikati skont għemilhom; u jekk l‑għemejjel tagħhom kienu maħmuġin m’hemmx dubju li anke huma maħmuġin; u jekk ikunu maħmuġin ma jistgħux jgħammru fis‑saltna ta’ Alla; għax inkella, is‑saltna ta’ Alla hi maħmuġa wkoll.

34 Iżda araw, jien ngħidilkom, li s‑saltna ta’ Alla mhijiex maħmuġa, u l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tidħol fis‑saltna ta’ Alla; għalhekk jeħtieġ li jkun hemm post għall‑ħmieġ imħejji għal dak li hu maħmuġ.

35 U iva, hemm post li ġie mħejji, sewwasew dak l‑infern tal‑biża’ li jiena tkellimt dwaru, u hu ġie mħejji mix‑xitan; għalhekk l‑istat finali ta’ ruħ il‑bnedmin hu li hija tgħammar fis‑saltna ta’ Alla, jew li hija tintrema ’l barra minħabba dik il‑ġustizzja li jiena tkellimt dwarha.

36 Għalhekk, il‑ħżiena jitwarrbu minn mat‑twajbin, kif ukoll minn dik is‑siġra tal‑ħajja, li frottha hu mill‑aktar prezzjuż u hu ta’ min jixtiequ aktar minn kull frott ieħor; iva, u hi l‑akbar fost ir‑rigali kollha ta’ Alla. U kien b’dan il‑mod li jiena kellimt lil ħuti. Ammen.