Skrittura
1 Nefi 16


Kapitlu 16

Il‑ħżiena jsibuha diffiċli li jaċċettaw il‑verità—L‑ulied subien ta’ Leħi jiżżewġu lill‑ulied bniet ta’ Ismagħel—Il‑Liahona tiggwidahom fil‑mixja tagħhom fid‑deżert—Jiġu miktubin minn żmien għall‑ieħor messaġġi mill‑Mulej fuq il‑Liahona—Ismagħel imut; membri tal‑familja tiegħu jilmentaw minħabba t‑tbatija. Madwar 600–592 Q.K.

1 U issa ġara li wara li jien, Nefi, waqaft inkellem lil ħuti, araw huma qaluli: Inti għidtilna kliem iebes, wisq aktar milli aħna kapaċi nġarrbu.

2 U ġara li jien għidtilhom li jien kont naf li jiena kont għidtilhom kliem iebes kontra l‑ħżiena, skont dak li hu veru; u lit‑twajbin jiena ġġustifikajt, u stqarrejt li huma sejrin jiġu mgħollija ’l fuq fl‑aħħar jum; għalhekk, il‑ħatja jsibuha diffiċli jaċċettaw il‑verità, għaliex tolqothom fil‑laħam il‑ħaj.

3 U issa ħuti, jekk intom kontu fis‑sewwa u kontu lesti tisimgħu l‑verità, u tagħtu kasha, biex tkunu tistgħu timxu fis‑sewwa quddiem Alla, allura intom ma tilmentawx minħabba l‑verità, u tgħidu: Inti għidt kliem iebes kontrina.

4 U ġara li jiena, Nefi, ħeġġiġt lil ħuti, biex bir‑reqqa kollha jħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej.

5 U ġara li huma umiljaw ruħhom quddiem il‑Mulej; tant illi jiena mtlejt bil‑hena u b’tama kbira għalihom, li huma kienu sejrin jimxu fil‑mogħdijiet tas‑sewwa.

6 Issa, dan kollu ntqal u seħħ waqt li missieri kien qed jgħammar f’tinda fil‑wied li huwa semmieh Lemwel.

7 U ġara li jiena, Nefi, iżżewwiġt lil waħda minn ulied Ismagħel; u anke ħuti żżewġu lill‑ulied bniet ta’ Ismagħel; u anke Żoram iżżewweġ lit‑tifla l‑kbira ta’ Ismagħel.

8 U b’hekk missieri wettaq il‑kmandamenti kollha tal‑Mulej li ġew mogħtija lilu. U jien, Nefi, ġejt ukoll imbierek bil‑kbir mill‑Mulej.

9 U ġara li leħen il‑Mulej kellem lil missieri matul il‑lejl, u ordnalu biex hekk kif jisbaħ huwa għandu jitlaq lejn id‑deżert.

10 U ġara li hekk kif missieri qam filgħodu, u resaq lejn il‑bieb tat‑tinda, huwa baqa’ mistagħġeb hekk kif mal‑art huwa ra globu tond magħmul b’sengħa liema bħalha; u hu kien magħmul minn ram mill‑aktar fin. U fil‑globu kien hemm żewġ imgħażel; u wieħed minnhom beda jindika d‑direzzjoni ta’ fejn kellna mmorru fid‑deżert.

11 U ġara li aħna ġbarna kull ħaġa li kienet meħtieġa li nieħdu magħna fid‑deżert, u l‑bqija ta’ dak kollu li l‑Mulej kien tana; u aħna ħadna magħna kull tip ta’ żerriegħa li aħna stajna nġorru magħna fid‑deżert.

12 U ġara li aħna ħadna magħna t‑tined tagħna u tlaqna lejn id‑deżert, fin‑naħa l‑oħra tax‑xmara Laman.

13 U ġara li aħna għamilna erbat ijiem mexjin fid‑direzzjoni ta’ bejn in‑nofsinhar u x‑xlokk, u aħna erġajna tellajna t‑tined tagħna; u l‑post semmejnieh Sażer.

14 U ġara li aħna ħadna magħna l‑qwas tagħna u l‑vleġeġ tagħna, u tlaqna għall‑kaċċa fid‑deżert biex niksbu l‑ikel għall‑familji tagħna; u wara ħin nikkaċċjaw għall‑familji tagħna, aħna erġajna lura lejn il‑familji tagħna ġo Sażer fid‑deżert. U aħna erġajna tlaqna lejn id‑deżert, fejn qbadna l‑istess direzzjoni u żammejna mal‑aktar inħawi fertili tad‑deżert, li kienu mal‑fruntiera ħdejn il‑Baħar tal‑Qasab.

15 U tul it‑triq aħna għaddejna bosta jiem nivvjaġġaw, u nikkaċċjaw, permezz tal‑qwas tagħna u l‑vleġeġ tagħna u permezz tal‑ġebliet tagħna u l‑iżbandoli tagħna.

16 U aħna mxejna mad‑direzzjoni tal‑globu, li wassalna sa l‑aktar inħawi fertili tad‑deżert.

17 U wara li għamilna bosta jiem nivvjaġġaw, aħna għaddejna ftit ħin intellgħu t‑tined tagħna, ħalli nkunu nistgħu nerġgħu nistrieħu ftit u wara mmorru niksbu l‑ikel għall‑familji tagħna.

18 U ġara li hekk kif jiena, Nefi, mort għall‑kaċċa, araw, jien inqasamli l‑qaws, li kien magħmul minn azzar mill‑aktar fin; u wara li nqasamli l‑qaws, araw, ħuti ħaduha kontrija peress li kont spiċċajt bla qaws, u ma stajna niksbu l‑ebda ikel.

19 U ġara li aħna erġajna lura għand il‑familji tagħna mingħajr ikel, u għax kienu għajjiena ħafna, minħabba l‑vjaġġ tagħhom, huma spiċċaw batew ħafna minħabba n‑nuqqas ta’ ikel.

20 U ġara li Laman u Lemwel u l‑ulied subien ta’ Ismagħel bdew jilmentaw ħafna, minħabba t‑tbatija u l‑hemm tagħhom fid‑deżert; u anki missieri beda jilmenta kontra l‑Mulej Alla tiegħu; iva, u huma kienu lkoll imnikkta bil‑kbir, tant li bdew jilmentaw kontra l‑Mulej.

21 U ġara li jiena, Nefi, kont qed inbati wkoll flimkien ma’ ħuti minħabba li kont spiċċajt bla qaws, u l‑qwas tagħhom kienu tilfu l‑elastiċità tagħhom, u s‑sitwazzjoni bdiet issir tassew diffiċli, iva, tant li ma stajna niksbu l‑ebda ikel.

22 U ġara li jiena, Nefi, tkellimt ħafna ma’ ħuti, għaliex huma reġgħu webbsu qalbhom, fejn anki bdew jilmentaw kontra l‑Mulej Alla tagħhom.

23 U ġara li jiena, Nefi, għamilt qaws mill‑injam, u minn zokk irqiq għamilt vleġġa; għalhekk, jien armajt ruħi permezz ta’ qaws u vleġġa, u permezz ta’ żbandola u ftit ġebliet. U jien għidt lil missieri: Fejn għandi mmur biex nikseb l‑ikel?

24 U ġara li huwa staqsa lill‑Mulej, għaliex huma umiljaw ruħhom minħabba dak li jiena kont għidtilhom; għax jien għidtilhom bosta ħwejjeġ bl‑enerġija kollha ta’ ruħi.

25 U ġara li missieri sama’ leħen il‑Mulej; u huwa qala’ tbeżbiża sew minħabba li beda jilmenta kontra l‑Mulej, tant illi huwa spiċċa fil‑wied tan‑niket.

26 U ġara li leħen il‑Mulej kellmu u qallu: Ħares lejn il‑globu, u ara x’hemm miktub fuqu.

27 U ġara li meta missieri ra l‑ħwejjeġ li kienu miktubin fuq il‑globu, huwa beda jibża’ u jitriegħed bil‑kbir, u l‑istess ħuti u l‑ulied subien ta’ Ismagħel u n‑nisa tagħna.

28 U ġara li jiena, Nefi, rajt li l‑imgħażel li kien hemm fil‑globu kienu jiffunzjonaw skont il‑fidi u d‑diliġenza tagħna u skont kemm aħna nagħtuhom attenzjoni.

29 U fuqhom kien hemm miktub ukoll kitba ġdida, illi setgħet tinqara b’mod faċli, li tatna ċertu għarfien dwar it‑triqat tal‑Mulej; u din il‑kitba nkitbet u bdiet tinbidel minn ħin għall‑ieħor skont il‑fidi u d‑diliġenza li bdejna nagħtuha. U b’hekk naraw li permezz ta’ mezzi żgħar il‑Mulej iwettaq ħwejjeġ kbar.

30 U ġara li jiena, Nefi, mort u tlajt fuq il‑quċċata tal‑muntanja, skont l‑istruzzjonijiet li ngħataw fuq il‑globu.

31 U ġara li jiena mort u qtilt bhejjem selvaġġi, hekk li jien ksibt biżżejjed ikel għall‑familji tagħna.

32 U ġara li jien erġajt lura fit‑tined tagħna, inġorr il‑bhejjem li kont qtilt; u issa, meta huma raw li jiena kont ipprovdejtilhom l‑ikel, kemm kienet kbira l‑hena tagħhom! U ġara li huma umiljaw ruħhom quddiem il‑Mulej, u lilu huma raddew ħajr.

33 U ġara li aħna erġajna komplejna bil‑vjaġġ tagħna, u għaddejna kważi mill‑istess rotta ta’ qabel; u wara li għamilna bosta jiem nivvjaġġaw aħna tellajna t‑tined tagħna, sabiex ngħaddu ftit żmien hemmhekk.

34 U ġara li Ismagħel miet, u ġie midfun f’post li kien jismu Naħom.

35 U ġara li l‑ulied bniet ta’ Ismagħel ħassewhom imnikkta bil‑kbir, minħabba n‑nuqqas ta’ missierhom, u minħabba l‑hemm tagħhom fid‑deżert; u huma bdew jilmentaw kontra missieri, għaliex huwa kien ħariġhom mill‑art ta’ Ġerusalemm, u bdew jgħidu: Missierna mejjet; iva, u aħna ilna ħafna niġġerrew fid‑deżert, u batejna ħafna ġuħ u għatx, u esperjenzajna ħafna taħbit u għeja kbira; u wara din it‑tbatija kollha aħna se nispiċċaw immutu bil‑ġuħ fid‑deżert.

36 U b’dan il‑mod huma bdew jilmentaw kontra missieri, kif ukoll kontrija; u huma wrew ix‑xewqa li jerġgħu lura Ġerusalemm.

37 U Laman qal lil Lemwel kif ukoll lill‑ulied subien ta’ Ismagħel: Araw, ejjew noqtlu lil missierna, kif ukoll lil ħuna Nefi, li ħa fuqu r‑responsabbiltà li jkun il‑mexxej tagħna u l‑għalliem tagħna, minkejja li aħna ħutu l‑kbar.

38 Issa, huwa jgħid li l‑Mulej tkellem miegħu, u li anki l‑anġli niżlu jaqduh. Iżda araw, aħna nafu li huwa mhuwiex jgħidilna l‑verità; u qed jgħidilna dawn il‑ħwejjeġ, u qed iwettaq bosta ħwejjeġ permezz tal‑qerq makakk tiegħu, biex ikun jista’ jqarraq b’għajnejna, għax forsi jaħseb li jista’ jeħodna f’xi xagħri selvaġġ; u wara li jkun ħadna hemm, jaħseb li jista’ jagħmel lilu nnifsu xi sultan jew mexxej fuqna, ħalli jkun jista’ jagħmel bina dak li jrid u li jogħġbu. U kien b’dan il‑mod li ħija Laman beda jxewwixhom, sakemm huma mtlew bil‑korla.

39 U ġara li l‑Mulej kien magħna, iva, u saħansitra nstema’ leħen il‑Mulej u qalilhom ħafna ħwejjeġ, u tahom tbeżbiża sew; u wara t‑tbeżbiża li qalgħu permezz ta’ leħen il‑Mulej, huma ma baqgħux aktar mimlijin korla, iżda huma nidmu minn dnubiethom, tant li l‑Mulej reġa’ berikna bl‑ikel, sabiex ma ninqerdux.