Kapitlu 18
Il‑ġifen tlesta—Jissemma t‑twelid ta’ Ġakobb u Ġużeppi—Il‑grupp jimbarka għal vjaġġ lejn l‑art imwiegħda—L‑ulied subien ta’ Ismagħel u marthom jingħaqdu fix‑xalar u l‑irvell—Nefi jisfa marbut, u l‑ġifen jinġarr lura permezz ta’ maltempata tal‑biża’—Nefi jinħeles, u permezz tat‑talb tiegħu jieqaf il‑maltemp—In‑nies jaslu fl‑art imwiegħda. Madwar 591–589 Q.K.
1 U ġara li huma bdew iqimu lill‑Mulej, u għażlu li jiġu miegħi; u aħna bdejna naħdmu l‑injam b’sengħa liema bħalha. U minn żmien għall‑ieħor il‑Mulej beda jurini kif kelli naħdem l‑injam tal‑ġifen.
2 Issa jiena, Nefi, ma bdejtx naħdem l‑injam bil‑mod li jaħdem bih il‑bniedem, lanqas ma bnejt il‑ġifen bil‑mod li jaħdem bih il‑bniedem, imma jiena bnejtu bil‑mod li wrieni l‑Mulej; għalhekk, ma kienx bil‑mod li jaħdem bih il‑bniedem.
3 U jiena, Nefi, mort fil‑muntanja ta’ spiss, u tlabt lill‑Mulej ta’ spiss; għalhekk il‑Mulej urieni ħwejjeġ kbar.
4 U ġara li wara li jiena lestejt il‑ġifen, skont il‑kelma tal‑Mulej, ħuti raw li kien tajjeb, u li s‑sengħa tiegħu kienet mill‑ifjen, għalhekk, huma reġgħu umiljaw irwieħhom quddiem il‑Mulej.
5 U ġara li leħen il‑Mulej kellem lil missieri, biex aħna nqumu u ninżlu fil‑ġifen.
6 U ġara li l‑għada, wara li ħejjejna kull ħaġa, fejn ħadna magħna ħafna frott u laħam mix‑xagħri, u għasel bil‑kotra, u ċerti provvisti skont dak li ordnalna l‑Mulej, aħna nżilna fil‑ġifen, bit‑tagħbija tagħna u ż‑żerriegħa tagħna, u b’kull ħaġa li konna ġibna magħna, kull persuna skont l‑età tagħha; għalhekk, ilkoll kemm aħna nżilna fil‑ġifen, flimkien ma’ martna u ma’ wliedna.
7 U issa, missieri, fid‑deżert, kellu żewġ subien; il‑kbir semmieh Ġakobb u ż‑żgħir Ġużeppi.
8 U ġara li wara li aħna lkoll inżilna fil‑ġifen, u ħadna magħna l‑provvisti tagħna u dak kollu li ġejna mitlubin nieħdu, aħna baħħarna lejn l‑art imwiegħda, u bdejna nitmexxew ’il quddiem permezz tal‑qawwa tar‑riħ.
9 U wara li konna ilna nitmexxew ’il quddiem permezz tal‑qawwa tar‑riħ għal bosta jiem, araw, ħuti u l‑ulied subien ta’ Ismagħel flimkien ma’ marthom bdew jagħtuha għax‑xalar, hekk li huma bdew jiżfnu, u jkantaw, u jitkellmu b’mod mill‑aktar baxx, iva, tant li spiċċaw insew b’liema qawwa kienu twasslu s’hawn; iva, huma ma setgħux jaqgħu aktar fil‑baxx milli waqgħu.
10 U jiena, Nefi, bdejt nibża bil‑kbir li l‑Mulej kien sejjer jinkorla għalina, u li kien sejjer jagħtina tbeżbiża minħabba ħżunitna, u li konna se nispiċċaw ninbelgħu f’qiegħ il‑baħar; għalhekk, jiena, Nefi, bdejt inkellimhom bil‑kalma kollha; iżda araw, huma ħaduha kontrija, u bdew jgħidu: Aħna ma rridux li ħuna ż‑żgħir ikun il‑mexxej tagħna.
11 U ġara li Laman u Lemwel qabduni u rabtuni bil‑ħbula, u bdew jittrattawni bi ħruxija kbira; madankollu, il‑Mulej ippermetta dan sabiex huwa jkun jista’ juri l‑qawwa tiegħu, ħalli jiġi fis‑seħħ dak li huwa qal dwar il‑ħżiena.
12 U ġara li wara li huma rabtuni b’mod li ma stajtx nitħarrek, il‑boxxla, li kien ħejja għalina l‑Mulej, ma komplietx taħdem.
13 Għalhekk, huma ma kinux jafu lejn liema naħa kellhom jidderieġu l‑ġifen, hekk li qamet maltempata kbira, iva, tempesta kbira u tal‑biża’, u aħna għamilna tlett ijiem sħaħ ninġarrew lura fuq l‑ilmijiet; u huma nħakmu minn ħafna biża’ li ma jmorrux jispiċċaw mgħarrqin fil‑baħar; minkejja dan, ma ġewx iħolluni.
14 U fir‑raba’ jum minn meta bdejna ninġarrew lura, il‑maltempata bdiet tiqliel.
15 U ġara li konna għoddna se ninbelgħu f’qiegħ il‑baħar. U wara li konna ilna erbat ijiem ninġarrew lura fuq l‑ilmijiet, ħuti bdew jagħrfu li Alla kien qed jagħmel ħaqq minnhom, u jekk ma jindmux minn ħżunithom kienu se jinqerdu; għalhekk, huma ġew fuqi, u ħallew il‑ħbula li kelli madwar il‑polzi tiegħi, u araw, huma kienu ntefħu waħda sew; u anki l‑għekiesi tiegħi kienu ntefħu waħda sew; u jien kont muġugħ ħafna minħabba f’hekk.
16 Madankollu, jiena dort lejn Alla tiegħi, u lilu bdejt infaħħar il‑jum kollu; u jien ma bdejtx nilmenta kontra l‑Mulej minħabba hemmi.
17 Issa missieri, Leħi, beda jgħid ħafna ħwejjeġ, kemm lilhom kif ukoll lill‑ulied subien ta’ Ismagħel; imma araw, huma bdew ilissnu ħafna theddid kontra kull min ried jitkellem f’ismi; u l‑ġenituri tiegħi, li kienu mdaħħlin sew fiż‑żmien u li batew bil‑kbir minħabba wliedhom, spiċċaw mixħutin, sewwasew, fis‑sodda tal‑mard tagħhom.
18 Minħabba l‑mard u n‑niket kbir li ħakimhom, u minħabba l‑ħażen ta’ wliedhom, huma ma kienx baqgħalhom wisq biex jittieħdu ħalli jiltaqgħu ma’ Alla tagħhom; iva, ix‑xagħar griż tagħhom dalwaqt kien se jitniżżel biex fit‑trab jimtedd; iva, huma tabilħaqq dalwaqt kienu se jinxteħtu f’qabar tal‑ilma mifnijin bin‑niket.
19 U Ġakobb kif ukoll Ġużeppi, li kienu għadhom żgħar u kellhom bżonn ħafna min jindukrahom, ħassewhom imnikktin minħabba t‑tbatija ta’ ommhom; u la marti bid‑dmugħ f’għajnejha u bit‑talb tagħha, u lanqas uliedi, ma rnexxielhom irattbu qalb ħuti li jiġu jħolluni.
20 U ma kien hemm xejn li seta’ jrattbilhom qalbhom ħlief il‑qawwa ta’ Alla li heddithom li teqridhom; għalhekk, meta raw li huma kienu sejrin jinbelgħu f’qiegħ il‑baħar huma nidmu minn dak li kienu għamlu, hekk li ġew iħolluni.
21 U ġara li wara li huma ħallewni, araw, jiena qbadt f’idi l‑boxxla, u hi qabdet taħdem skont ix‑xewqa tiegħi. U ġara li jiena tlabt lill‑Mulej; u wara li tlabt, ir‑riħ waqaf, u l‑maltempata waqfet, u waqgħet kalma kbira.
22 U ġara li jiena, Nefi, bdejt niggwida l‑ġifen, hekk li aħna erġajna bdejna nbaħħru lejn l‑art imwiegħda.
23 U ġara li wara li konna ilna nbaħħru għal bosta jiem aħna wasalna fl‑art imwiegħda; u aħna żbarkajna u tellajna t‑tined tagħna; u din l‑art semmejniha l‑art imwiegħda.
24 U ġara li aħna bdejna naħdmu l‑art, u bdejna nħawlu ż‑żerriegħa; iva, aħna ħawwilna fl‑art iż‑żerriegħa kollha li kellna, li ġibna magħna mill‑art ta’ Ġerusalemm. U ġara li hija kibret fuq li kibret; għalhekk, aħna ġejna mberkin bil‑kotra.
25 U ġara li hekk kif aħna konna mexjin fix‑xagħri selvaġġ, sibna li fil‑foresti tal‑art imwiegħda kien hemm kull xorta ta’ bhejjem, fejn kien hemm kemm il‑baqra kif ukoll il‑gendus, kemm il‑ħmara kif ukoll iż‑żiemel, u kemm il‑mogħża kif ukoll il‑mogħża selvaġġa, u kien hemm kull għamla ta’ annimali selvaġġi, li kienu għall‑użu tal‑bniedem. U aħna sibna kull xorta ta’ minerali, kemm tad‑deheb, kif ukoll tal‑fidda, u tar‑ram.