Skrittura
1 Nefi 19


Kapitlu 19

Nefi jagħmel il‑pjanċi mill‑metall u jiddokumenta l‑istorja tal‑poplu tiegħu—L‑Alla ta’ Iżrael għandu jiġi sitt mitt sena minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm—Nefi jitkellem dwar it‑tbatija u l‑kruċifissjoni tiegħu—Il‑Lhud se jkunu mistmerra u mxerrdin sal‑aħħar żminijiet, meta huma jerġgħu jduru lejn il‑Mulej. Madwar 588–570 Q.K.

1 U ġara li l‑Mulej tani ordni, għalhekk jiena għamilt pjanċi tal‑metall biex fuqhom inkun nista’ nnaqqax l‑istorja tal‑poplu tiegħi. U fuq il‑pjanċi li għamilt jien naqqaxt l‑istorja ta’ missieri, u ktibt ukoll dwar il‑vjaġġi tagħna fid‑deżert, u l‑profeziji ta’ missieri; u fuqhom naqqaxt ukoll ħafna mill‑profeziji tiegħi.

2 U fiż‑żmien li fih għamilthom ma kontx naf li jien kont se nintalab mill‑Mulej biex nagħmel dawn il‑pjanċi; għalhekk, l‑istorja ta’ missieri, u l‑arblu tar‑razza ta’ missirijietu, u l‑parti l‑kbira tal‑għemejjel tagħna fid‑deżert jinsabu mnaqqxa fuq dawk l‑ewwel pjanċi li jiena tkellimt dwarhom; għalhekk, il‑ħwejjeġ li seħħew qabel ma jien għamilt dawn il‑pjanċi tkellimt dwarhom, b’mod partikolari, fuq l‑ewwel pjanċi.

3 U wara li jien għamilt dawn il‑pjanċi kif ġejt ordnat nagħmel, jiena, Nefi, irċevejt kmandament li l‑ministeru u l‑profeziji, l‑aktar partijiet sempliċi u siewja tagħhom, għandhom jinkitbu fuq dawn il‑pjanċi; u l‑ħwejjeġ li nkitbu għandhom jinżammu għall‑għarfien tal‑poplu tiegħi, li sejjer jiret l‑art, kif ukoll għal għanijiet għaqlin oħra, liema għanijiet huma magħrufa mill‑Mulej.

4 Għalhekk, jiena, Nefi, ktibt rakkont fuq il‑pjanċi l‑oħra, li jitkellem, jew aħjar li jitkellem f’aktar dettall, dwar il‑gwerer u l‑ġlied u l‑qerda tal‑poplu tiegħi. U jien hekk għamilt, u ordnajt lill‑poplu tiegħi x’għandu jagħmel wara li jien inkun tlaqt; u li dawn il‑pjanċi għandhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għall‑oħra, jew minn profeta għall‑ieħor, sakemm jiġu mogħtija aktar kmandamenti mill‑Mulej.

5 U r‑rakkont dwar kif jien għamilt dawn il‑pjanċi se jingħata aktar tard; imbagħad, araw, jien se nkompli fuq dak li tkellimt dwaru qabel, u jien se nagħmel dan biex jiġu mħarsa l‑aktar ħwejjeġ sagri għall‑għarfien tal‑poplu tiegħi.

6 Madankollu, mhu se nikteb xejn fuq il‑pjanċi li ma nqisx li huwa sagru. U issa, jekk jiena niżbalja, anki dawk ta’ qabli żbaljaw; mhux għax irrid niġġustifika lili nnifsi minħabba dak li għamel ħaddieħor, imma jien niskuża ruħi minħabba d‑dgħufija li għandi ġewwa fija, skont il‑ġisem.

7 Għax il‑ħwejjeġ li xi wħud iqisuhom li huma ta’ valur kbir, kemm għall‑ġisem kif ukoll għar‑ruħ, oħrajn iwarrbuhom u jgħaffġuhom taħt saqajhom. Iva, anke lill‑istess Alla ta’ Iżrael il‑bnedmin jgħaffġu taħt saqajhom; jiena qed ngħid li jgħaffġuh taħt saqajhom imma se nispjega dan b’mod ieħor—lilu huma jwarrbuh, u ma jisimgħux mil‑leħen tat‑twissijiet tiegħu.

8 U araw, skont kliem l‑anġlu, huwa għandu jiġi sitt mitt sena minn meta missieri ħalla Ġerusalemm.

9 U d‑dinja, minħabba ħżunithom, se tiġġudikah bħallikieku mhu xejn; għalhekk huma jagħtuh is‑swat, u hu joqgħod għaliha; u jidorbuh, u joqgħod għaliha. Iva, jobżqulu, u joqgħod għaliha, minħabba t‑tjubija kollha mħabba tiegħu u s‑sabar tiegħu lejn ulied il‑bnedmin.

10 U l‑Alla ta’ missirijietna, li ġew immexxija ’l barra mill‑Eġittu, lil hinn mill‑jasar, u li ġew ukoll imħarsa minnu fid‑deżert, iva, l‑Alla ta’ Abraham, u ta’ Iżakk, u l‑Alla ta’ Ġakobb, ta lilu nnifsu, skont il‑kliem li qal l‑anġlu, f’idejn il‑ħżiena, biex huwa jintrefa’ ’l fuq, skont kliem Żenok, u jiġi msallab, skont kliem Neju, u jiġi midfun f’qabar, skont kliem Żenos, fejn huwa tkellem dwar it‑tlett ijiem ta’ dlam li se jkunu qed jingħataw bħala sinjal tal‑mewt tiegħu lil dawk li sejrin jgħammru fil‑gżejjer tal‑baħar, speċjalment lil dawk li huma ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael.

11 Għaliex dan huwa dak li qal il‑profeta: Il‑Mulej Alla, sewwasew f’dak il‑jum, sejjer iżur lid‑dar kollha ta’ Iżrael, lil xi wħud se jżurhom permezz ta’ leħnu, minħabba t‑tjieba tagħhom, għall‑hena kbira u s‑salvazzjoni tagħhom, u lil oħrajn permezz tar‑ragħad u l‑beraq ta’ setegħtu, permezz tat‑tempesta, permezz tan‑nar, u tad‑duħħan, permezz tal‑fwar tad‑dlam, u tal‑qsim tal‑art, u permezz tal‑muntanji li se jiġu mgħollija ’l fuq.

12 U dan kollu żgur li se jiġi fis‑seħħ, jgħid il‑profeta Żenos. U l‑blat tad‑dinja sejjer jinfaqa’; u minħabba t‑tnehid tad‑dinja, ħafna mis‑slaten tal‑gżejjer tal‑baħar sejrin jiġu mogħnija bl‑Ispirtu ta’ Alla, u jiddikjaraw: L‑Alla tan‑natura jistabar.

13 U rigward dawk li jinsabu Ġerusalemm, jgħid il‑profeta, huma se jiġu kkastigati minn kulħadd, għax huma jsallbu lil Alla ta’ Iżrael, u jbiegħdu qalbhom minnu, u huma jinjoraw is‑sinjali u l‑għeġubijiet, u l‑qawwa u l‑glorja ta’ Alla ta’ Iżrael.

14 U peress li jbiegħdu qalbhom minnu, jgħid il‑profeta, u jiddisprezzaw lil Qaddis ta’ Iżrael, huma se jispiċċaw jiġġerrew fil‑ġisem, u jintilfu, u se jkunu ta’ għajb u f’ilsien kulħadd u se jkunu mibgħuda minn kull ġens.

15 Madankollu, meta jasal il‑jum, jgħid il‑profeta, li huma ma jwarrbux aktar qalbhom mill‑Qaddis ta’ Iżrael, imbagħad hu jiftakar fil‑patti li huwa għamel ma’ missirijiethom.

16 Iva, imbagħad huwa jiftakar fil‑gżejjer tal‑baħar; iva, u jien niġbor flimkien lin‑nies kollha li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael, mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja, jgħid il‑Mulej, skont kliem il‑profeta Żenos.

17 Iva, u d‑dinja kollha se tara s‑salvazzjoni tal‑Mulej, jgħid il‑profeta; kull ġens, tribù, ilsien u poplu se jkun imbierek.

18 U jiena, Nefi, ktibt dawn il‑ħwejjeġ lil niesi, biex forsi nasal biex nipperswadihom sabiex jiftakru fil‑Feddej tagħhom il‑Mulej.

19 Għalhekk, jiena nkellem lid‑dar kollha ta’ Iżrael, dejjem jekk huma lesti li jirċievu dawn il‑ħwejjeġ.

20 Għax araw, jiena, fl‑ispirtu, inħoss ferm għal dawk li jinsabu Ġerusalemm; dil‑ħaġa nħossha tifnini tant li l‑ġogi tiegħi saru mill‑aktar dgħajfin; li kieku l‑Mulej ma kienx ħanin u ma żvelax miegħi dak li jikkonċerna lilhom, l‑istess kif għamel mal‑profeti tal‑qedem, kieku jien kont ninqered ukoll.

21 U lill‑profeti tal‑qedem huwa wriehom tassew kull ħaġa li tikkonċerna lilhom; u huwa wera wkoll lil ħafna oħrajn ħwejjeġ li jikkonċernaw lilna; għalhekk, jeħtieġ li aħna nkunu nafu dwarhom għax huma jinsabu miktubin fuq il‑pjanċi tar‑ram.

22 Issa ġara li jiena, Nefi, għarraft lil ħuti b’dawn il‑ħwejjeġ; u ġara li jiena qrajtilhom bosta ħwejjeġ li kienu jinsabu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tar‑ram, biex huma jkunu jafu dwar l‑għemejjel tal‑Mulej f’artijiet oħra, fost in‑nies tal‑qedem.

23 U jiena qrajtilhom bosta ħwejjeġ li kienu miktubin fil‑kotba ta’ Mosè; imma biex forsi nkun nista’ nipperswadihom aktar ħalli jemmnu fil‑Feddej tagħhom il‑Mulej, jiena qrajtilhom dak li nkiteb mill‑profeta Isaija; għax jiena xebbaht l‑iskrittura kollha magħna, biex hija tkun għalina ta’ benefiċċju u tagħlim.

24 Għalhekk jiena kellimthom u għidtilhom: Isimgħu kliem il‑profeta, intom li intom fdal tad‑dar ta’ Iżrael, fergħa li ġiet imqaċċta; isimgħu kliem il‑profeta, li ġie miktub għad‑dar kollha ta’ Iżrael, u xebbhuh magħkom infuskom, sabiex intom ikollkom l‑istess tama li għandhom ħutkom illi minnhom ġejtu mqaċċta; u dan hu skont dak li kiteb il‑profeta.