Skrittura
1 Nefi 20


Kapitlu 20

Il‑Mulej jiżvela l‑għanijiet tiegħu lil Iżrael—Iżrael ġie ppruvat fil‑forn tan‑niket u sejjer joħroġ minn Babilonja—Qabbel Isaija 48. Madwar 588–570 Q.K.

1 Agħtu widen u isimgħu dan, O dar Ġakobb, huma li jġibu isem Iżrael, li ħarġu mill‑ġewwieni ta’ Ġuda, jew mill‑ilmijiet tal‑magħmudija, li jaħilfu b’isem il‑Mulej, u jfaħħru l‑isem ta’ Alla ta’ Iżrael, imma ma jaħilfux bis‑sinċerità u lanqas bis‑sewwa.

2 Madankollu, mill‑belt qaddisa jissemmew, imma ma jserrħux fuq Alla ta’ Iżrael, li hu l‑Mulej tal‑Eżerċti; iva, il‑Mulej tal‑Eżerċti jismu.

3 Araw, minn żmien il‑qedem ħabbart il‑ġrajjiet; ħarġu minn fommi, u jien semmajthom, u wrejthom. Jien urejthom minnufih.

4 U jien dan għamilt għax kont naf li int rasek iebsa, għonqok għerq tal‑ħadid, u ġbinek ram;

5 U sa mill‑qedem ħabbarthomlok; qabel ma seħħew semmajthomlok; u semmajthomlok li ma tmurx tgħid—L‑idolu tiegħi għamilhom, ix‑xbieha minquxa u mdewba ordnathom.

6 Int smajt u rajt dan kollu; u issa ma tridx ixxandru? U minn issa ’l quddiem nurik ħwejjeġ ġodda, ħwejjeġ mistura li int ma tafhomx.

7 Inħolqu issa, u mhux żmien ilu, u qabel żmienhom int ma smajtx bihom meta ġew imxandra lilek, li ma tmurx tgħid—Arani, jien kont naf bihom.

8 Iva, u int qatt ma smajt; int qatt m’għaraft; lanqas qatt ma ftaħt widnejk; għax kont naf li int qarrieq, u sa mill‑ġuf sejħulek trasgressur.

9 Madankollu, minħabba f’ismi ma nżommx għadbi, u minħabba ġieħi nitrażżan għalik, biex ma neqirdekx.

10 Għax, arani, jien saffejtek, ippruvajtek fil‑forn tan‑niket.

11 Minħabba fija, iva, minħabba fija nagħmel dan, għax ma nħalli l‑ħadd ikasbar ismi, u s‑sebħ tiegħi lil ħaddieħor ma nagħtihx.

12 Ġakobb, ismagħni, u int Iżrael, li jien sejjaħt, għax jiena hu; jiena l‑ewwel, u jiena l‑aħħar.

13 Idejja sejsu l‑art, u leminti firxet is‑smewwiet. Jiena nsejħilhom, u huma jfeġġu lkoll flimkien.

14 Inġabru lkoll u isimgħu; min minnhom ħabbrilhom dan? Il‑Mulej ħabbu; iva, hu jġib fis‑seħħ kelmtu li ħabbar permezz tagħhom; u hu jagħmel ir‑rieda tiegħu fuq Babilonja u għad juri driegħu lill‑Kaldin.

15 Jgħid ukoll il‑Mulej; Jiena l‑Mulej, iva, jiena tkellimt; iva, jiena sejjaħtlu biex iħabbar, jiena ġibtu u nġiblu r‑risq fi triqtu.

16 Ersqu lejja; sa mill‑bidu ma tkellimtx bil‑moħbi; mill‑bidu, minn meta tħabbret jiena semmajt leħni; u Alla Sidi bagħat lili u l‑Ispirtu tiegħu.

17 U dan jgħid il‑Feddej tiegħek il‑Mulej, il‑Qaddis ta’ Iżrael; jiena bgħattu, il‑Mulej, Alla tiegħek li jgħallmek għall‑ġid tiegħek, u jqabbdek it‑triq fejn għandek timxi, hu għamel dan.

18 Li kieku tajt widen għall‑kmandamenti tiegħi—kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal‑baħar.

19 In‑nisel tiegħek bħar‑ramel; l‑għelejjel ta’ ġewwenik bħat‑trab; ismu la jitħassar u lanqas jinqered minn quddiemi.

20 Oħorġu minn Babilonja, aħarbu mill‑Kaldin, b’leħen l‑għana ħabbruha, u xandruha, sa truf l‑art u għidu: Feda l‑Mulej lil Ġakobb, il‑qaddej tiegħu.

21 Għaddiehom mid‑deżert u ma ħadhomx l‑għatx; ilma mill‑blat nixxielhom; xaqqilhom il‑blat u gelglilhom l‑ilma.

22 U minkejja li għamel dak kollu, u aktar minn hekk, għall‑ħżiena m’hemmx sliem, jgħid il‑Mulej.