Kapitlu 4
Nefi joqtol lil Laban kif jordnalu jagħmel il‑Mulej u mbagħad huwa jipproteġi l‑pjanċi tar‑ram permezz ta’ strataġemma—Żoram jagħżel li jingħaqad mal‑familja ta’ Leħi fid‑deżert. Madwar 600–592 Q.K.
1 U ġara li jien kellimt lil ħuti, u għidtilhom: Ejjew nerġgħu mmorru sa Ġerusalemm, u ejjew inħarsu b’fedeltà l‑kmandamenti tal‑Mulej; għax araw hu aqwa mid‑dinja kollha, mela għalfejn mhuwiex aqwa minn Laban u l‑ħamsin tiegħu, iva, kif ukoll mill‑għexieren ta’ eluf tiegħu?
2 Għalhekk ejja mmorru; ejjew inkunu qalbiena bħal Mosè; għax huwa tassew kellem lill‑ilmijiet tal‑Baħar tal‑Qasab u huma nferqu ’l hemm u ’l hawn, u missirijietna għaddew fin‑niexef, lil hinn mill‑jasar, u l‑armati tal‑Fargħun imxew warajhom u spiċċaw għerqu fl‑ilmijiet tal‑Baħar tal‑Qasab.
3 Issa araw, intom tafu li dan huwa veru; u tafu wkoll li kellimkom anġlu; għalhekk kif qatt tistgħu tiddubitaw? Ejja mmorru; il‑Mulej għandu l‑qawwa li jeħlisna, kif huwa ħeles lil missirijietna, u li jeqred lil Laban, kif huwa qered lill‑Eġizzjani.
4 Issa meta jiena għidt dan il‑kliem, huma kienu għadhom inkurlati, u xorta baqgħu jilmentaw; madankollu huma bdew jimxu warajja sakemm wasalna barra s‑swar ta’ Ġerusalemm.
5 U dak seħħ mal‑lejl; u jiena tlabthom biex imorru jinħbew barra s‑swar. U wara li marru jinħbew, jien, Nefi, dħalt fil‑belt u ġbidt lejn id‑dar ta’ Laban.
6 U jien ġejt immexxi mill‑Ispirtu, bla ma kont naf minn qabel x’għandi nagħmel.
7 Madankollu jiena mort, u hekk kif wasalt ħdejn id‑dar ta’ Laban rajt raġel, u huwa nxteħet mal‑art quddiemi, għax kien fis‑sakra bl‑inbid.
8 U meta jien irsaqt lejh sibt li kien Laban.
9 U għajnejja marru fuq ix‑xabla tiegħu, u jien ħriġtha mill‑għant tagħha; u l‑manku tagħha kien magħmul minn deheb pur, u kienet magħmula b’sengħa liema bħalha, u stajt nara li x‑xafra tagħha kienet magħmula minn azzar mill‑aktar prezzjuż.
10 U ġara li l‑Ispirtu qabbadni biex noqtol lil Laban; imma jien għidt f’qalbi: Jien fl‑ebda żmien qatt ma xerridt demm il‑bniedem. U jiena nġbidt lura u xtaqt li forsi ma noqtlux.
11 U l‑Ispirtu reġa qalli: Ara, huwa l‑Mulej li rħieh f’idejk. Iva, u jien kont naf ukoll li huwa kien ipprova jneħħili ħajti; iva, u hu ma riedx jagħti widen għall‑kmandamenti tal‑Mulej; u hu ħadilna wkoll dak li aħna kellna.
12 U ġara li l‑Ispirtu reġa’ qalli: Oqtlu, għax huwa l‑Mulej li rħieh f’idejk;
13 Ara l‑Mulej joqtol lill‑ħżiena biex iġib fis‑seħħ l‑għanijiet tajbin tiegħu. Ikun jaqbel li jinqered bniedem wieħed milli ġens sħiħ, jispiċċa biex ftit, ftit, jitlef il‑fidi u jinqered.
14 U issa, meta jiena, Nefi, smajt dan il‑kliem, ftakart fil‑kliem li l‑Mulej kien qalli fid‑deżert, fejn qalli li: Diment li nislek iħarsu l‑kmandamenti tiegħi, huma jkollhom ir‑risq fl‑art imwiegħda.
15 Iva, u għaddieli minn moħħi wkoll li huma ma setgħux iħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej, skont il‑liġi ta’ Mosè, jekk huma ma jkollhomx il‑liġi.
16 U jien kont naf ukoll li l‑liġi kienet imnaqqxa fuq il‑pjanċi tar‑ram.
17 U kont naf ukoll li l‑Mulej reħa lil Laban f’idejja għal dan il‑għan—biex jien inkun nista’ nikseb l‑annali skont il‑kmandamenti tiegħu.
18 Għalhekk jien obdejt mil‑leħen tal‑Ispirtu, u qbadt lil Laban mix‑xagħar ta’ rasu, u qtajtlu rasu bl‑istess xabla tiegħu.
19 U wara li qtajtlu rasu bix‑xabla tiegħu, jiena qbadt l‑ilbies ta’ Laban u lbistu; iva, jien ilbist l‑ilbies kollu tiegħu; u lbist l‑armatura tiegħu madwar ġenbejja.
20 U wara li għamilt dan, jiena tlaqt lejn il‑maħżen ta’ Laban. U hekk kif tlaqt lejn il‑maħżen ta’ Laban, araw, jiena rajt lill‑qaddej ta’ Laban li kellu l‑imfietaħ tal‑maħżen. U jien ordnajtlu, b’leħen Laban, biex hu jiġi miegħi fil‑maħżen.
21 U hu beda jassumi li jiena kont l‑imgħallem tiegħu, Laban, għaliex hu ra l‑ilbies kif ukoll ix‑xabla mdawra ma’ ġenbejja.
22 U hu beda jkellimni dwar il‑presbiteri tal‑Lhud, peress li kien jaf li l‑imgħallem tiegħu, Laban, kien għaddha l‑lejl fosthom.
23 U jien bdejt inkellmu bħallikieku kont Laban.
24 U għidtlu wkoll li jien kelli nieħu miegħi l‑inċiżjonijiet, li kien hemm fuq il‑pjanċi tar‑ram, għand ħuti l‑kbar, li kienu jinsabu barra s‑swar.
25 U jien tlabtu wkoll biex jimxi warajja.
26 U għax huwa ħaseb li jien kont qed nirreferi għall‑aħwa tal‑knisja, u li jiena kont dak l‑istess Laban li jien kont qtilt, għalhekk huwa beda jimxi warajja.
27 U huwa kellimni bosta drabi dwar il‑presbiteri tal‑Lhud, waqt li jien kont miexi lejn ħuti, li kienu jinsabu barra s‑swar.
28 U ġara li Laman, meta rani, inħakem minn biża’ kbira, u l‑istess Lemwel u Sam. U huma ħarbu minn quddiemi; għax bdew jassumu li jien kont Laban, u li hu kien qatilni u kien qed jipprova jneħħilhom ħajjithom ukoll.
29 U ġara li jiena sejjaħtilhom, u huma semgħuni; għalhekk huma ma baqgħux aktar jitbiegħdu minni.
30 U ġara li meta l‑qaddej ta’ Laban lemaħ lil ħuti huwa beda jitriegħed, u kien għoddu se jaħrab minn quddiemi u jerġa’ lura fil‑belt ta’ Ġerusalemm.
31 U issa jien, Nefi, peress li kont raġel ta’ statura kbira, u għax ksibt qawwa kbira mill‑Mulej, għalhekk jiena ħtaft f’idejja lill‑qaddej ta’ Laban, u żammejtu biex ma jkunx jista’ jaħrab.
32 U ġara li jiena bdejt nitkellem miegħu, li jekk hu jagħti widen ta’ kliemi, daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, u daqs kemm jiena ħaj, jekk huwa jagħti widen ta’ kliemna, aħna jkollna ħniena minnu.
33 U jiena għidtlu, u saħansitra ħliftlu ħalfa, li hu ma kellux għalfejn jibża’; li hu seta’ jkun bniedem ħieles bħalna jekk jagħżel li jinżel magħna fid‑deżert.
34 U jiena għidtlu wkoll: Għax il‑Mulej lilna ordnalna nwettqu din il‑ħaġa; u m’għandniex aħna nkunu diliġenti fil‑ħarsien tal‑kmandamenti tal‑Mulej? Għalhekk, jekk inti tinżel magħna għand missieri fid‑deżert inti tkun tista’ tgħammar magħna.
35 U ġara li l‑kliem li jiena għidtlu lil Żoram imlieh bil‑kuraġġ. Issa Żoram kien isem il‑qaddej; u huwa wiegħed li hu kien se jinżel magħna għand missierna fid‑deżert. Iva, u ħalef magħna wkoll li minn dakinhar huwa kien se jibqa’ magħna.
36 Issa aħna xtaqnieh li jibqa’ magħna għal din ir‑raġuni, biex il‑Lhud ma jkunux jafu dwar il‑ħarba tagħna fid‑deżert, ma jmorrux jiġu warajna u jeqirduna.
37 U ġara li wara li Żoram ħalef magħna, aħna ma bqajniex nibżgħu minnu aktar.
38 U ġara li aħna ħadna magħna l‑pjanċi tar‑ram kif ukoll lill‑qaddej ta’ Laban, u tlaqna nimxu fid‑deżert sat‑tinda ta’ missierna.