Kapitlu 5
Sarija tilmenta kontra Leħi—It‑tnejn li huma jifirħu bir‑ritorn ta’ wliedhom—Huma joffru sagrifiċċji—Il‑pjanċi tar‑ram fihom il‑kitbiet ta’ Mosè u tal‑profeti—Il‑pjanċi jidentifikaw lil Leħi bħala wieħed ġej min‑nisel ta’ Ġużeppi—Leħi jħabbar dwar in‑nisel tiegħu u dwar il‑ħarsien tal‑pjanċi. Madwar 600–592 Q.K.
1 U ġara li wara li nżilna fid‑deżert għand missierna, araw, huwa mtela bil‑ferħ, u l‑istess ommi Sarija, hija kienet se ttir bil‑ferħ, għaliex hi kienet sewdet qalbha tassew minħabba fina.
2 Għax hija bdiet tassumi li aħna konna spiċċajna mitna fid‑deżert; u hi kienet bdiet tilmenta wkoll kontra missieri, u tgħidlu li hu kien bniedem viżjonarju; u hija qaltlu: Ara, lilna inti ħriġtna ’l barra mill‑art ta’ wirtna, u wliedi m’għadhomx aktar, u aħna se nispiċċaw mmutu fid‑deżert.
3 U kien b’dan il‑mod ta’ diskors li ommi bdiet tilmenta kontra missieri.
4 U ġara li missieri kellimha u qalilha: Naf li jiena bniedem viżjonarju, għax li kieku jien ma rajtx f’dehra l‑ħwejjeġ ta’ Alla, jien ma kontx inkun naf it‑tjubija ta’ Alla, imma kont nibqa’ f’Ġerusalemm, u kont nispiċċa ninqered flimkien ma’ ħuti.
5 Iżda ara, jiena ksibt art imwiegħda, u dawn huma ħwejjeġ li lili jġibuli hena kbira; iva, u jien naf li l‑Mulej sejjer jeħles lil uliedi minn idejn Laban, u hu se jerġa’ jniżżilhom għandna fid‑deżert.
6 U kien b’dan il‑mod ta’ diskors li missieri, Leħi, farraġ lil ommi, Sarija, dwarna, waqt li aħna konna mexjin fid‑deżert lejn l‑art ta’ Ġerusalemm, biex niksbu l‑kitba tal‑Lhud.
7 U meta aħna erġajna lura fit‑tinda ta’ missieri, araw huma ħassew ferħ kbir, u ommi mtliet bil‑faraġ.
8 U hija bdiet titkellem u tgħid: Issa naf fiż‑żgur li l‑Mulej ordna lil żewġi biex jaħrab fid‑deżert; iva, u naf ukoll fiż‑żgur li l‑Mulej żamm idejh fuq uliedi, u huwa ħelishom minn idejn Laban, u tahom il‑qawwa li permezz tagħha huma setgħu jwettqu dak li ordnalhom il‑Mulej. U b’dan il‑mod ta’ diskors hija tkellmet.
9 U ġara li huma bdew jaqbżu bil‑ferħ, u offrew is‑sagrifiċċju u s‑sagrifiċċji tal‑ħruq lill‑Mulej; u huma raddew ħajr lil Alla ta’ Iżrael.
10 U wara li huma raddew ħajr lil Alla ta’ Iżrael, missieri, Leħi, ħa għandu l‑annali li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tar‑ram, u beda jiflihom bir‑reqqa mill‑bidu.
11 U hu seta’ jara li kien fihom il‑ħames kotba ta’ Mosè, li kienu jitkellmu dwar il‑ħolqien tad‑dinja, kif ukoll dwar Adam u Eva, li kienu l‑ewwel ġenituri tagħna;
12 U kien fihom ukoll l‑istorja tal‑Lhud sa mill‑bidu, sewwasew sal‑bidu tas‑saltna ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda;
13 Kif ukoll il‑profeziji tal‑profeti qaddisa, sa mill‑bidu, sewwasew sal‑bidu tas‑saltna ta’ Sedekija; kif ukoll bosta profeziji li ġew imħabbra b’fomm Ġeremija.
14 U ġara li fuq il‑pjanċi tar‑ram, missieri, Leħi, sab ukoll l‑arblu tar‑razza ta’ missirijietu; b’hekk sar jaf li huwa kien ġej min‑nisel ta’ Ġużeppi; iva, sewwasew dak l‑istess Ġużeppi li kien bin Ġakobb, li ġie mibjugħ fl‑Eġittu, u li ġie mħares minn id il‑Mulej, sabiex huwa jkun jista’ jħares lil missieru, Ġakobb, u lin‑nies kollha ta’ daru u ma jħallihomx imutu bil‑ġuħ.
15 U huma wkoll kienu ġew immexxijin ’il barra mill‑jasar tal‑eżilju u ’l barra mill‑art tal‑Eġittu, minn dak l‑istess Alla li ħarishom.
16 U b’hekk missieri, Leħi, spiċċa biex skopra l‑arblu tar‑razza ta’ missirijietu. U Laban ukoll kien ġej min‑nisel ta’ Ġużeppi, għalhekk hu u missirijietu żammew għandhom l‑annali.
17 U issa meta missieri ra dan kollu, huwa mtela bl‑Ispirtu, u beda jħabbar dwar in‑nisel tiegħu—
18 Li dawn il‑pjanċi tar‑ram kellhom imorru fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu li kien ġej min‑nisel tiegħu.
19 Għalhekk, huwa qal li dawn il‑pjanċi tar‑ram m’għandhom qatt jinqerdu; lanqas id‑dija tagħhom m’għandha tonqos maż‑żmien. U kienu bosta l‑ħwejjeġ li huwa ħabbar dwar in‑nisel tiegħu.
20 U ġara li jien u missieri s’issa ħarisna l‑kmandamenti kollha li ordnalna l‑Mulej.
21 U aħna ksibna f’idejna l‑annali skont kif kien ordnalna nagħmlu l‑Mulej, u aħna flejnihom waħda sew u rajna li kien fihom għaxqa; iva, huma tabilħaqq kienu ta’ siwi kbir għalina, hekk li aħna stajna nippreservaw il‑kmandamenti tal‑Mulej għal uliedna.
22 Għalhekk, il‑Mulej ra li jkun għaqli li aħna nġorruhom magħna, hekk kif aħna bdejna mexjin fid‑deżert lejn l‑art imwiegħda.