Skrittura
1 Nefi 7


Kapitlu 7

Ulied Leħi jerġgħu lura Ġerusalemm u jistiednu lil Ismagħel u lin‑nies ta’ daru biex jingħaqdu magħhom fil‑vjaġġ tagħhom—Laman u oħrajn jirvellaw—Nefi jħeġġeġ lil ħutu biex jafdaw fil‑Mulej—Huma jorbtuh bil‑ħbula u jippjanaw li jeqirduh—Hu jinħeles bil‑qawwa tal‑fidi—Ħutu jitolbu l‑maħfra—Leħi u n‑nies ta’ miegħu joffru s‑sagrifiċċju u s‑sagrifiċċji tal‑ħruq. Madwar 600–592 Q.K.

1 U issa nixtieq li intom tkunu tafu, li wara li missieri, Leħi, waqaf iħabbar dwar in‑nisel tiegħu, ġara li reġa’ kellmu l‑Mulej, u qallu li mhux sewwa li hu, Leħi, jieħu lil familtu weħidha fid‑deżert; imma qallu li wliedu s‑subien għandhom jieħdu wlied bniet b’marthom, ħalli huma jkunu jistgħu jnisslu wlied għall‑Mulej fl‑art imwiegħda.

2 U ġara li l‑Mulej ordnalu li jiena, Nefi, u ħuti, kellna nerġgħu lura fl‑art ta’ Ġerusalemm, u nġibu magħna lil Ismagħel u lill‑familja tiegħu fid‑deżert.

3 U ġara li jien, Nefi, erġajt, flimkien ma’ ħuti, mort fid‑deżert ħalli nitla’ lejn Ġerusalemm.

4 U ġara li aħna morna fid‑dar ta’ Ismagħel, u aħna sibna grazzja f’għajnejn Ismagħel, hekk li aħna qsamna miegħu kliem il‑Mulej.

5 U ġara li l‑Mulej rattab il‑qalb ta’ Ismagħel, u tan‑nies ta’ daru, hekk li huma baqgħu ġejjin magħna fid‑deżert sat‑tinda ta’ missierna.

6 U ġara li hekk kif konna mexjin fid‑deżert, araw Laman u Lemwel, u tnejn mill‑ulied bniet ta’ Ismagħel, u ż‑żewġ ulied subien ta’ Ismagħel u l‑familji tagħhom, qamu kontrina; iva, kontrija, Nefi, u kontra Sam, u kontra missierhom, Ismagħel, u martu, u t‑tlett ibniet l‑oħra tiegħu.

7 U ġara li f’dan l‑irvell, huma xtaqu li aħna nerġgħu lura fl‑art ta’ Ġerusalemm.

8 U issa jiena, Nefi, imnikket għall‑aħħar minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom, għalhekk jien tkellimt magħhom u għidt sewwasew lil Laman u lil Lemwel: Araw intom ħuti l‑kbar, imma għalfejn din l‑ebusija kollha f’qalbkom, u din l‑għama kollha f’moħħkom, li hemm bżonn li jien, ħukom iż‑żgħir, inkellimkom, iva, u nagħtikom eżempju?

9 Kif ma tajtux widen għall‑kelma tal‑Mulej?

10 Kif insejtu li intom rajtu anġlu tal‑Mulej?

11 Iva, u kif insejtu kemm għamel għalina ħwejjeġ kbar il‑Mulej, fejn huwa ħelisna minn idejn Laban, u wassalna wkoll biex niksbu l‑annali?

12 Iva, u kif insejtu li l‑Mulej jista’ jagħmel kollox għal ulied il‑bnedmin, skont ir‑rieda tiegħu, jekk huma jeżerċitaw il‑fidi fih? Għalhekk, ejjew inkunu fidili lejh.

13 U jekk inkunu fidili lejh, aħna niksbu l‑art imwiegħda; u intom tkunu tafu, f’xi żmien futur, li l‑kelma tal‑Mulej dwar il‑qerda ta’ Ġerusalemm sejra tiġi fis‑seħħ; għax dak kollu li qal il‑Mulej dwar il‑qerda ta’ Ġerusalemm għandu jiġi fis‑seħħ.

14 Għax araw, l‑Ispirtu tal‑Mulej ma jdumx ma jieqaf jgħammar magħhom; għax araw, huma warrbu lill‑profeti, u lil Ġeremija tefgħuh fil‑ħabs. U huma ppruvaw joqtlu lil missieri, hekk li wassluh biex jaħrab mill‑pajjiż.

15 Issa araw, jien ngħidilkom li jekk terġgħu lura Ġerusalemm intom ukoll tispiċċaw tinqerdu magħhom. U issa, jekk din hija l‑għażla tagħkom, itilgħu fil‑pajjiż, u ftakru fil‑kliem li qed ngħidilkom jien, li jekk tmorru hemm, intom ukoll tinqerdu; għax dan huwa dak li riedni ngħid l‑Ispirtu tal‑Mulej.

16 U ġara li meta jien, Nefi, għidt dan il‑kliem lil ħuti, huma ħaduha kontrija. U ġara li huma refgħu idejhom fuqi, għax araw, huma nkorlaw bil‑kbir, u rabtuni bil‑ħbula, għax ippruvaw ineħħuli ħajti, billi jħalluni fid‑deżert ħalli jikluni l‑bhejjem selvaġġi.

17 Iżda ġara li jiena tlabt lill‑Mulej, u għidt: O Mulej, skont il‑fidi tiegħi li hija fik, nitolbok teħlisni minn idejn ħuti; iva, nitolbok tagħtini tabilħaqq il‑qawwa biex inqatta’ dawn il‑ħbula li ninsab marbut bihom.

18 U ġara li meta jien għidt dan il‑kliem, araw, inħall l‑irbit minn idejja u minn riġlejja, u jiena waqaft quddiem ħuti, u lilhom kellimt għal darb’oħra.

19 U ġara li huma reġgħu mtlew bil‑korla għalija, u ppruvaw jerfgħu idejhom fuqi; imma araw, waħda mill‑ulied bniet ta’ Ismagħel, iva, kif ukoll ommha, u wieħed mill‑ulied subien ta’ Ismagħel, kellmu lil ħuti, tant li huma spiċċaw biex rattbu qalbhom; u ma komplewx jippruvaw ineħħuli ħajti.

20 U ġara li huma sewdu qalbhom, minħabba ħżunithom, hekk li nxteħtu wiċċhom fl‑art quddiemi, u talbuni biex naħfrilhom ta’ dak li għamluli.

21 U ġara li jiena ħfirtilhom dak kollu li għamluli, u ħeġġiġthom biex jitolbu lill‑Mulej Alla tagħhom għall‑maħfra. U ġara li huma hekk għamlu. U wara li waqfu jitolbu lill‑Mulej aħna erġajna komplejna fi triqitna lejn it‑tinda ta’ missierna.

22 U ġara li aħna nżilna lejn it‑tinda ta’ missierna. U wara li jien u ħuti u d‑dar kollha ta’ Ismagħel inżilna lejn it‑tinda ta’ missieri, huma raddew ħajr lill‑Mulej Alla tagħhom; u lilu offrew sagrifiċċju u sagrifiċċji tal‑ħruq.