Kapitlu 9
Nefi jagħmel żewġ settijiet ta’ annali—It‑tnejn li huma jisimhom il‑pjanċi ta’ Nefi—L‑akbar pjanċi jinkludu fihom storja sekulari; dawk li huma iżgħar jittrattaw primarjament ħwejjeġ sagri. Madwar 600–592 Q.K.
1 U kien sewwasew waqt li kien qed jgħammar f’tinda, fil‑wied ta’ Lemwel, li missieri ra, sema’, u qal dan kollu, kif ukoll għadd kbir ta’ ħwejjeġ oħra, li ma jistgħux jinkitbu fuq dawn il‑pjanċi.
2 U issa, hekk kif jiena tkellimt dwar dawn il‑pjanċi, araw dawn mhumiex il‑pjanċi li fuqhom se nikteb rakkont sħiħ tal‑istorja tal‑poplu tiegħi; għax il‑pjanċi li fuqhom se nikteb rakkont sħiħ tal‑poplu tiegħi tajthom l‑isem ta’ Nefi; għalhekk, huma jissejħu l‑pjanċi ta’ Nefi, li huma msemmija għalija; u dawn il‑pjanċi jisimhom ukoll il‑pjanċi ta’ Nefi.
3 Madankollu, jiena ngħatajt kmandamenti mill‑Mulej li għandi nagħmel dawn il‑pjanċi, għall‑għan speċjali li fuqhom jitnaqqax rakkont tal‑ministeru tal‑poplu tiegħi.
4 Fuq il‑pjanċi l‑oħra għandu jitnaqqax rakkont tas‑saltna tas‑slaten, u l‑gwerer u l‑ġlied tal‑poplu tiegħi; għalhekk dawn il‑pjanċi jittrattaw ħwejjeġ li huma aktar relatati mal‑ministeru; u l‑pjanċi l‑oħra jittrattaw ħwejjeġ li huma relatati aktar mas‑saltna tas‑slaten u l‑gwerer u l‑ġlied tal‑poplu tiegħi.
5 Għalhekk, il‑Mulej ordnali biex nagħmel dawn il‑pjanċi għal għan għaqli magħruf minnu, liema għan jiena ma nafux.
6 Iżda l‑Mulej jaf kull ħaġa sa mill‑bidu; għalhekk, huwa jipprovdi mezz biex jiġu fis‑seħħ l‑għemejjel tiegħu kollha fost ulied il‑bnedmin; għax araw, huwa għandu kull qawwa li jwettaq dak kollu li joħroġ minn fommu. U hekk ikun. Ammen.