Skrittura
Kliem ta’ Mormon 1


Il‑Kliem ta’ Mormon

Kapitlu 1

Mormon jiġbor fil‑qosor il‑pjanċi l‑kbar ta’ Nefi—Hu jpoġġi l‑pjanċi ż‑żgħar flimkien mal‑pjanċi l‑oħra—Is‑sultan Benjamin jistabbilixxi s‑sliem fil‑pajjiż. Madwar 385 W.K.

1 U issa jiena, Mormon, li dalwaqt wasalt biex ngħaddi r‑rakkont li kont qed nikteb f’idejn ibni Moroni, araw jiena rajt b’għajnejja tista’ tgħid il‑qerda kollha tal‑poplu tiegħi, in‑Nefiti.

2 U issa li għaddew mijiet u mijiet ta’ snin minn wara l‑miġja ta’ Kristu jiena se ngħaddi dawn l‑annali f’idejn ibni; u naħseb li hu għad jara b’għajnejh il‑qerda sħiħa tal‑poplu tiegħi. Iżda jien nittama li Alla jippermettilu li huwa jeħlisha mill‑qerda tagħhom, biex hu jkun jista’ jikteb xi ħaġa dwarhom, u xi ħaġa dwar Kristu, biex forsi xi darba jkun ta’ ġid għalihom.

3 U issa, jiena se ngħid xi ħaġa dwar dak li ktibt; għax wara li jien għamilt sommarju mill‑pjanċi ta’ Nefi, li jibqa’ sejjer sas‑saltna ta’ dan is‑sultan Benjamin, li Għamaleki tkellem dwaru, jien fittixt fl‑annali li għaddew f’idejja, u sibt dawn il‑pjanċi, li fihom dan ir‑rakkont qasir tal‑profeti, minn Ġakobb sas‑saltna ta’ dan is‑sultan Benjamin, u fihom ukoll ħafna mill‑kliem ta’ Nefi.

4 U jien nħossni sodisfatt bil‑ħwejjeġ li jinsabu fuq dawn il‑pjanċi, minħabba l‑profeziji dwar il‑miġja ta’ Kristu; u missirijieti jafu li ħafna minnhom ġew fis‑seħħ; iva, u jien naf ukoll li bosta ħwejjeġ li ġew imħabbra dwarna sal‑ġurnata tal‑lum ġew fis‑seħħ ukoll, u dawk kollha li jmorru lil hinn mill‑ġurnata tal‑lum żgur li se jiġu fis‑seħħ—

5 Għalhekk, jien għażilt dawn il‑ħwejjeġ, biex permezz tagħhom intemm l‑istorja tiegħi, u jien se nieħu l‑bqija tal‑istorja tiegħi mill‑pjanċi ta’ Nefi; u jien lanqas wieħed fil‑mija biss ma nista’ nikteb dwar il‑ħwejjeġ tal‑poplu tiegħi.

6 Iżda araw, jien se nieħu dawn il‑pjanċi, li fihom dawn il‑profeziji u r‑rivelazzjonijiet, u se npoġġihom mal‑bqija tal‑istorja tiegħi, għax għalija huma ta’ valur kbir; u jien naf li se jkunu ta’ valur kbir għal ħuti.

7 U jien se nagħmel dan għal għan għaqli; għax dan hu dak li għadda minn għala widnejja mill‑Ispirtu tal‑Mulej li jinsab fija. U issa, jiena ma nafx kollox; imma l‑Mulej jaf kull ħaġa li għad trid tiġri; għalhekk, huwa jaħdem fija biex nagħmel skont ir‑rieda tiegħu.

8 U t‑talba tiegħi lil Alla tikkonċerna lil ħuti, biex huma jkunu jistgħu għal darb’oħra jaslu biex jagħrfu lil Alla, sewwasew, il‑fidwa ta’ Kristu; biex għal darb’oħra jkunu jistgħu jerġgħu jsiru poplu dħuli.

9 U issa jiena, Mormon, se ngħaddi biex intemm l‑istorja tiegħi, li se nieħu mill‑pjanċi ta’ Nefi; u jiena se nagħmel dan skont l‑għarfien u d‑dehen li tani Alla.

10 Għalhekk, ġara li wara li Għamaleki għadda dawn il‑pjanċi f’idejn is‑sultan Benjamin, hu ħadhom u poġġihom flimkien mal‑pjanċi l‑oħra, li fihom il‑kitbiet li kienu ngħataw mis‑slaten, minn nisel għal nisel sa żmien is‑sultan Benjamin.

11 U huma għaddew minn id is‑sultan Benjamin, u baqgħu jgħaddu minn nisel għal nisel sakemm spiċċaw f’idejja. U jien, Mormon, nitlob lil Alla li huma jibqgħu jiġu mħarsa minn issa ’l quddiem. U jiena naf li huma se jiġu mħarsa; għax fuqhom hemm miktubin ħwejjeġ kbar, u l‑ħaqq li se jsir min‑nies tiegħi u minn ħuthom, f’dak il‑jum kbir u aħħari, se jsir skont il‑kelma ta’ Alla li hemm miktuba fihom.

12 U issa, rigward dan is‑sultan Benjamin—hu esperjenza xi ftit ta’ tilwim fost il‑poplu tiegħu.

13 U ġara wkoll li l‑armati tal‑Lamaniti niżlu mill‑art ta’ Nefi, biex jiġġieldu kontra l‑poplu tiegħu. Iżda araw, is‑sultan Benjamin ġabar flimkien l‑armati tiegħu, u mar jaffrontahom; u huwa ġġieled bil‑qawwa ta’ driegħu, bix‑xabla ta’ Laban.

14 U huma ħaduha kontra l‑għedewwa tagħhom bil‑qawwa tal‑Mulej, sakemm qatlu eluf u eluf ta’ Lamaniti. U ġara li huma baqgħu jiġġieldu mal‑Lamaniti sakemm keċċewhom ’il barra mill‑artijiet kollha ta’ wirthom.

15 U ġara li wara bdew ifeġġu Kristi foloz, u huma ġew imsikkta milli jitkellmu, u ġew ikkastigati skont għemilhom;

16 U wara li kien hemm profeti foloz, u predikaturi u għalliema foloz fost il‑poplu, u dawn kollha ġew ikkastigati skont għemilhom; u wara li kien hemm ħafna tilwim u firda kbira fost il‑Lamaniti, araw, ġara li s‑sultan Benjamin, bl‑għajnuna tal‑profeti qaddisa li kien hemm fost il‑poplu tiegħu—

17 Għax araw, is‑sultan Benjamin kien raġel qaddis, u huwa saltan fuq il‑poplu tiegħu b’ġustizzja; u fil‑pajjiż kien hemm bosta rġiel qaddisa, u huma xandru l‑kelma ta’ Alla b’qawwa u b’awtorità; u huma użaw kliem mill‑aktar iebes minħabba r‑ras iebsa tal‑poplu—

18 Għalhekk, bl‑għajnuna ta’ dawn, is‑sultan Benjamin, li ħadem bl‑enerġija kollha tiegħu u bil‑fakultà kollha ta’ ruħu, flimkien mal‑profeti, reġa’ għal darb’oħra stabbilixxa s‑sliem fil‑pajjiż.