Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, Mejju 2021
Kristu Qam; Il-Fidi Fih Twarrab il-Muntanji
Il-fidi f’Ġesù Kristu hija l-akbar qawwa disponibbli għalina f’din il-ħajja. Kollox hu possibbli għal dawk li jemmnu.
Għeżież ħuti, jiena grat għall-privileġġ li għandi li nkellimkom f’dan Ħadd il-Għid.1 Is-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu biddlu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna għal dejjem. Aħna nħobbuh u bi gratitudni nqimu lilu u lil Missierna fis-Smewwiet.
Matul dawn l-aħħar sitt xhur, komplejna niffaċċjaw pandemija globali. Nimmeravilja ruħi bir-reżiljenza u s-saħħa spiritwali tagħkom quddiem il-mard, it-telfien, u l-iżolament. Nitlob kontinwament biex, minkejja dan kollu, intom tħossu l-imħabba kostanti tal-Mulej għalikom. Jekk weġibtu għall-isfidi tagħkom billi ssaħħaħtu fid-dixxipulat tagħkom, din is-sena li għaddiet żgur li ma kenitx għalxejn.
Dalgħodu, aħna smajna mingħand mexxejja tal-Knisja li ġejjin minn kull kontinent abitat fid-dinja. Verament, il-barkiet tal-evanġelju huma għal kull razza, ilsien, u poplu. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu hija knisja globali . Ġesù Kristu huwa l-mexxej tagħna.
Fortunatament, lanqas pandemija ma rnexxielha tnaqqas it-tkabbir kontinwu tal-verità tiegħu. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa eżattament dak li hemm bżonn f’din id-dinja konfuża, kontenzjuża, u għajjiena.
Ulied Alla kollha jixirqilhom l-opportunità li jisimgħu u jaċċettaw il-messaġġ ta’ fejqan u ta’ fidwa ta’ Ġesù Kristu. L-ebda messaġġ ieħor mhu aktar importanti għall-ferħ tagħna—issa u għal dejjem.2 L-ebda messaġġ ieħor ma fih daqstant tama. L-ebda messaġġ ieħor ma jista’ jelimina t-tilwim fis-soċjetà tagħna.
Il-fidi f’Ġesù Kristu hija l-pedament ta’ kull twemmin u hi l-passaġġ tal-qawwa divina. Skont l-Appostlu Pawlu, “Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.”3
Kull ħaġa tajba fil-ħajja—kull barka potenzjali ta’ sinifikat etern—tibda bil-fidi. Biex inħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna jeħtieġ li nibdew billi jkollna l-fidi li Huwa lest li jiggwidana. L-indiema vera tibda bil-fidi li Ġesù Kristu għandu l-qawwa li jnaddafna, ifejjaqna, u jsaħħaħna.4
“Tiċħdux il-qawwa ta’ Alla,” iddikjara l-profeta Moroni, “għax hu jaħdem permezz tal-qawwa, skont il-fidi ta’ wlied il-bnedmin.”5 Hija l-fidi tagħna li tgħinna naċċessaw il-qawwa ta’ Alla fil-ħajja tagħna .
U madankollu, li neżerċitaw il-fidi tista’ tidher bħala xi ħaġa verament diffiċli. Kultant nafu nistaqsu lilna nfusna jekk hux possibbli li jkollna daqstant fidi biex nirċievu l-barkiet li aħna tant neħtieġu. Madankollu, il-Mulej talabna biex ma nibżgħux permezz tal-kliem tal-profeta Alma fil-Ktieb ta’ Mormon.
Alma sempliċiment jitlobna biex nesperimentaw permezz tal-kelma ta’ Alla u “neżerċitaw farka fidi, anke jekk kull ma għandna hi biss ix-xewqa li nemmnu.”6 Il-frażi “farka fidi” tfakkarni fil-wegħda bibblika tal-Mulej li kieku aħna jkollna “fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda,” konna nkunu kapaċi “ngħidu lil din il-muntanja, Warrab minn hawn u mur hemm, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalina li ma jistax isir.”7
Il-Mulej jifhem id-dgħjufija mortali tagħna. Kultant aħna nħossuna dgħajfin. Iżda Huwa jaf ukoll dwar il-potenzjal kbir tagħna. Iż-żerriegħa tal-mustarda tibda żgħira iżda mbagħad tikber u ssir siġra kbira biżżejjed biex l-għasafar ibejtu fil-fergħat tagħha. Iż-żerriegħa tal-mustarda tirrappreżenta fidi li minkejja li hi żgħira qiegħda dejjem tikber .8
Il-Mulej ma jeħtieġx fidi perfetta biex aħna jkollna aċċess għall-qawwa perfetta tiegħu. Iżda li jitlob minna hu li nemmnu.
Għeżież ħuti, f’din l-għodwa tal-Għid qed insejħilkom biex tibdew mil-lum tkabbru l-fidi tagħkom. Permezz tal-fidi tagħkom, Ġesù Kristu jkabbar l-abbiltà tagħkom li twarrbu l-muntanji f’ħajjitkom,9 avolja l-isfidi personali tagħkom jafu jkunu kbar daqs il-Muntanja Everest.
Il-muntanji tagħkom jistgħu jkunu s-solitudni, id-dubju, il-mard, jew problemi personali oħra. Il-muntanji tagħkom ivarjaw, u madankollu t-tweġiba għal kull waħda mill-isfidi tagħkom hija li tkabbru l-fidi tagħkom. Dan jirrikjedi daqsxejn ta’ sforz. Studenti għażżiena u dixxipli laxki dejjem se jitħabtu biex jipproduċu saħansitra dik il-farka fidi.
Biex tagħmlu xi ħaġa sew hemm bżonn daqsxejn ta’ sforz. Li ssiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu mhix eċċezzjoni. Biex tkabbru l-fidi u l-fiduċja tagħkom fih hemm bżonn daqsxejn ta’ sforz. Ippermettuli nagħtikom ħames suġġerimenti li jgħinukom tiżviluppaw dik il-fidi u l-fiduċja.
L-ewwel, studjaw. Siru studenti attivi. Għaddsu raskom fl-iskrittura biex tifhmu aħjar il-missjoni u l-ministeru ta’ Kristu. Kun afu d-duttrina ta’ Kristu biex tifhmu l-qawwa tagħha għal ħajjitkom. Assimilaw il-verità li l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tapplika għalikom. Huwa ħa fuqu nnifsu l-miżerja tagħkom , l-iżbalji tagħkom , id-dgħjufija tagħkom , u d-dnubiet tagħkom . Hu ħallas il-prezz kumpensatorju u pprovdielkom il-qawwa biex twarrbu kull muntanja li jista’ qatt ikollkom quddiemkom. Intom tiksbu dik il-qawwa permezz tal-fidi, tal-fiduċja, u tar-rieda tagħkom li timxu warajh.
Biex twarrbu l-muntanji jaf ikollkom bżonn ta’ miraklu. Tgħallmu dwar il-mirakli. Il-mirakli tiksbuhom permezz tal-fidi tagħkom fil-Mulej. Ċentrali għal dik il-fidi hu li tafdaw fir-rieda u l-orarju tiegħu—kif u meta Hu sejjer iberikkom bl-għajnuna mirakoluża li tixtiequ. Hu biss in- nuqqas ta’ fidi tagħkomli jżomm lil Alla milli jberikkom b’mirakli li twarrbu l-muntanji li hemm fil-ħajja tagħkom .10
Aktar ma titgħallmu dwar is-Salvatur, aktar issibuha faċli li tafdaw fil-ħniena tiegħu, fl-imħabba infinita tiegħu, u fil-qawwa tiegħu li ssaħħaħna, tfejjaqna, u tifdina. Is-Salvatur qatt ma jkun eqreb minnkom daqs meta tkunu qed tiffaċċjaw, jew tkunu telgħin, xi muntanja bil-fidi.
It-tieni, agħżlu li temmnu f’Ġesù Kristu. Jekk għandkom xi dubji dwar Alla l-Missier u Ibnu l-Għażiż, jew dwar il-validità tar-Restawrazzjoni jew il-verità tas-sejħa divina ta’ Joseph Smith bħala profeta, agħżlu li temmnu11 u li tibqgħu fidili. Morru bil-mistoqsijiet tagħkom għand il-Mulej u għand għejjun fidili oħra. Studjaw bix-xewqa li temmnu aktar milli bit-tama li ssibu xi difett fin-nisġa tal-ħajja ta’ profeta jew xi diskrepanza fl-iskrittura. Tkomplux tkabbru d-dubji tagħkom billi toqogħdu ssemmuhom ma’ oħrajn li għandhom id-dubji tagħhom. Ħallu lill-Mulej imexxikom fil-vjaġġ ta’ skopertà spiritwali tagħkom.
It-tielet, aġixxu bil-fidi. X’tagħmlu kieku kellkom aktar fidi? Aħsbu ftit dwar dan. Iktbu xi ħaġa dwar dan. Imbagħad iksbu aktar fidi billi tagħmlu xi ħaġa li teħtieġ aktar fidi.
Ir-raba’, ħudu sehem f’ordinanzi sagri b’mod den. L-ordinanzi jagħtukom aċċess għall-qawwa ta’ Alla f’ħajjitkom.12
U l-ħames, itolbu lil Missierkom fis-Smewwiet, f’isem Ġesù Kristu, għall-għajnuna.
Il-fidi teħtieġ li naħdmu għaliha. Jeħtieġ li naħdmu biex nirċievu r-rivelazzjoni. Iżda “kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu.”13 Alla jaf x’jista’ jgħin lill-fidi tagħkom tikber. Itolbu, u mbagħad erġgħu itolbu.
Wieħed li ma jemminx jaf jgħid li l-fidi hi għad-dgħajfin. Iżda din id-dikjarazzjoni tinjora l-qawwa tal-fidi. Tgħid l-Appostli tas-Salvatur kienu jkomplu jgħallmu d-duttrina tiegħu wara l-mewt tiegħu, b’tant periklu għal ħajjithom, li kieku ddubitawh?14 Tgħid Joseph u Hyrum Smith kienu jmutu martri jiddefendu r-Restawrazzjoni tal-Knisja tal-Mulej jekk huma ma kellhomx xhieda ċerta li kienet vera? Tgħid kienu jmutu kważi 2,000 Qaddis tul it-trejqa tal-pijunieri15 jekk ma kellhomx il-fidi li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kien ġie rrestawrat? Verament, il-fidi hija l-qawwa li tippermetti lill-improbabbli li jwettaq l-impossibbli.
Tissottovalutawx il-fidi li diġà għandkom. Jeħtieġ il-fidi biex tingħaqad mal-Knisja u tibqa’ fidil. Jeħtieġ il-fidi biex timxi wara l-profeti aktar milli wara l-esperti u l-opinjoni popolari. Jeħtieġ il-fidi biex isservi missjoni waqt pandemija. Jeħtieġ il-fidi biex tgħix ħajja safja meta d-dinja qed tgħidilna b’vuċi għolja li l-liġi tal-kastità ta’ Alla m’għadux żmienha. Jeħtieġ il-fidi biex tgħallem l-evanġelju lit-tfal f’dinja sekulari. Jeħtieġ il-fidi biex titlob għall-ħajja tal-maħbubin tiegħek, u saħansitra jeħtieġ fidi akbar biex taċċetta tweġiba diżappuntanti.
Sentejn ilu, jien u Sister Nelson morna nżuru s-Samoa, it-Tonga, il-Fiji, u Tahiti. Kull waħda minn dawk il-gżejjer indipendenti esperjenzaw jiem sħaħ ta’ xita qalila. Il-membri kienu samu u talbu biex il-laqgħat tagħhom fl-apert ikunu protetti mix-xita.
Fis-Samoa, fil-Fiji, u f’Tahiti, hekk kif bdew il-laqgħat, ix-xita waqfet. Iżda fit-Tonga, ix-xita ma waqfitx. Madankollu 13,000 Qaddis fidil ġew fil-post minn sigħat qabel biex isibu siġġu, fejn qagħdu jistennew bil-paċenzja f’xita kontinwa, u mbagħad baqgħu hemm bilqiegħda fix-xita għal laqgħa sħiħa ta’ sagħtejn.
Aħna rajna fidi mill-aktar vibranti taħdem fost kull wieħed u waħda minn dawk in-nies tal-ġżejjer—fidi biżżejjed biex twaqqaf ix-xita, u fidi biex jibqgħu jippersistu meta x-xita ma waqfitx.
Il-muntanji f’ħajjitna mhux dejjem jiċċaqalqu kif jew meta aħna nixtiequ. Iżda l-fidi tagħna dejjem tmexxina ’l quddiem. Il-fidi dejjem tkabbar l-aċċess tagħna għall-qawwa divina.
Jekk jogħġobkom kunu afu dan: jekk kull ħaġa u kull bniedem fid-dinja li intom tafdaw fihom ifallu, Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu mhuma se jfallu qatt . Il-Mulej la qatt jongħos, u lanqas jorqod .16 Hu “l-istess ilbieraħ, illum, u [għada].”17 Hu mhux se jabbanduna l-patti tiegħu,18 il-wegħdiet tiegħu, jew l-imħabba li għandu lejn il-poplu tiegħu. Huwa jwettaq il-mirakli llum u Hu jwettaq il-mirakli għada.19
Il-fidi f’Ġesù Kristu hija l-akbar qawwa disponibbli għalina f’din il-ħajja. Kollox hu possibbli għal dawk li jemmnu.20
Il-fidi tagħkom li qiegħda tikber fih se twarrab il-muntanji—mhux il-muntanji tal-blat li jsebbħu lid-dinja iżda l-muntanji tal-miżerja f’ħajjitkom. Il-fidi li qed tiffjorixxi tagħkom tgħinkom tibdlu l-isfidi fi tkabbir u opportunità bla paragun.
F’dan Ħadd il-Għid, b’sentimenti mill-aktar profondi ta’ mħabba u gratitudni, jiena niddikjara x-xhieda tiegħi li Ġesù Kristu qam verament. Huwa qam biex imexxi lill-Knisja tiegħu. Huwa qam biex ibierek il-ħajja tal-ulied kollha ta’ Alla, huma minn fejn huma. B’fidi fih, aħna nistgħu nwarrbu l-muntanji f’ħajjitna. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.
© 2021 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, May 2021. Maltese. 17468 159