2010
Żomm Sod Ftit IEħor
Jannar 2010


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Jannar 2010

Żomm Sod Ftit IEħor

Waħda mill-akbar lezzjonijiet li nitgħallmu mill-perjodu ta’ Kirtland hi li l-ispirtu tagħna għandna bżonn nieħdu ħsiebu kontinwament. Għandna bżonn li kuljum nibqgħu viċin il-Mulej jekk irridu nkomplu għaddejjin minkejja l-avversità li lkoll niffaċċjaw.

Is-sajf l-ieħor, marti u jiena ħadna lin-neputijiet tewmin tagħna sa Kirtland, Ohio. Għalina kienet opportunità speċjali u prezzjuża li nqattgħu ftit ħin magħhom qabel ma jitilqu għall-missjoni tagħhom.

Matul iż-żjara tagħna hemm, tgħallimna nifhmu aħjar iċ-ċirkustanzi li kienu fihom il-Profeta Joseph Smith u l-Qaddisin li għexu f’ Kirtland. Dik l-era fl-istorja tal-Knisja hi magħrufa mhux biss għall-isfidi mill-aktar diffiċli iżda wkoll bħala żmien ta’ barkiet supremi.

F’ Kirtland, il-Mulej għoġbu jibgħat uħud mill-aktar manifestazzjonijiet ċelestjali u rigali spiritwali meraviljużi li d-dinja qatt esperjenzat. Ħamsa u sittin sezzjoni mid-Duttrina u Patti ngħataw f’ Kirtland u fl-inħawi tal-madwar—rivelazzjonijiet li ġabu dawl u għarfien ġdid dwar bosta ħwejjeġ bħat-Tieni Miġja, kif nittrattaw lil min hu fil-bżonn, il-pjan tas-salvazzjoni, l-awtorità saċerdotali, il-Kelma tal-Għerf, id-dieċmi, it-tempju u l-liġi tal-konsagrazzjoni.1

Kien żmien ta’ kobor spiritwali inkomparabbli. Filfatt, l-Ispirtu ta’ Alla bħan-nar kien qed jaqbad. Mosè, Elija, u ħafna ħlejjaq ċelestjali oħra dehru matul dan iż-żmien, fosthom Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, is-Salvatur tad-dinja, Ġesù Kristu.2

Waħda mill-ħafna rivelazzjonijiet li Joseph irċieva f’ Kirtland kienet rivelazzjoni li huwa sejjaħ “werqa taż-żebbuġa … meħuda mis-Siġra tal-Ġenna, u l-messaġġ tal-paċi tal-Mulej għalina” (introduzzjoni ta’ D&C 88). Din ir-rivelazzjoni meraviljuża tinkludi fiha l-istedina sublimi, “Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom; fittxuni b’ diliġenza u ssibuni” (D&C 88:63). Hekk kif il-Qaddisin f’ Kirtland resqu viċin il-Mulej, Huwa verament resaq viċin tagħhom, filwaqt li tefa’ l-barkiet tas-sema fuq ras il-fidili.

Sfog Spiritwali

Jista’ jkun li l-aktar mument importanti fost dawn il-manifestazzjonijiet spiritwali kollha seħħ tul id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Kirtland fis-27 ta’ Marzu, 1836. Wieħed minn dawk preżenti kien William Draper, ta’ 28 sena, li ddeskriva dak il-jum bħala “jum il-Pentekoste.” Huwa kiteb: “Tant kien żmien meta l-Ispirtu tal-Mulej kien abbundanti, li l-pinna tiegħi mhux sa jirnexxilha tikteb dak kollu li ġara u lanqas m’ jien kapaċi nesprimih b’ fommi. Iżda hawn sa ngħid li l-Ispirtu niżel fuqna u wasal fostna bħal riefnu qawwi u mela darna, tant li ħafna li kienu preżenti bdew jitkellmu bl-ilsna u kellhom diversi dehriet u huma raw l-anġli u pprofetizzaw, u żmien ta’ ferħ bħal dan żgur li qatt ma deher f’ din il-ġenerazzjoni.”3

Dawn il-manifestazzjonijiet spiritwali ma kinux limitati biss għal dawk li kienu ġewwa t-tempju, għaliex “in-nies tal-madwar ġew jiġru flimkien (meta lkoll semgħu ħoss mhux tas-soltu ħiereġ minn ġewwa u raw dawl qawwi, bħal kolonna tan-nar, wieqaf fuq it-Tempju), u baqgħu mistagħġbin b’ dak kollu li kien qed jiġri.”4

Lorenzo Snow (1814–1901), li aktar tard sar President tal-Knisja, kien qed jgħix f’ Kirtland tul dan iż-żmien imbierek. Huwa osserva, “Wieħed kien jimmaġina li wara li rċevejna dawn il-manifestazzjonijiet meraviljużi l-ebda tentazzjoni ma kienet sa taffettwa lill-Qaddisin.”5

Iżda, kif nafu, l-esperjenzi spiritwali kbar ma jeżentawniex mill-oppożizzjoni u l-isfidi. Ftit xhur biss wara d-dedikazzjoni tat-tempju, qamet kriżi ekonomika kbira madwar l-Istati Uniti, u l-effetti nħassu sewwa ġewwa Kirtland. Fallew il-banek, u ħallew lil ħafna fi problemi finanzjarji mill-aktar diffiċli. Biex tkompli tiggrava s-sitwazzjoni, bosta Qaddisin li kienu qegħdin jemigraw lejn Kirtland waslu hemm idhom f’ idhom, u ma kinux jafu x’ sa jaqbdu jagħmlu meta jkunu hemm jew kif sa jgħixu.

Fi żmien qasir, qamet persekuzzjoni kbira u marmalja sħiħa daret kontra l-Qaddisin. Numru ta’ membri tal-Knisja—saħansitra uħud minn dawk l-aktar viċin tal-Profeta, li ħafna minnhom kienu preżenti waqt id-dedikazzjoni tat-tempju—daru kontra l-Knisja u kkundannaw lil Joseph bħala profeta fallut.

Hekk kif imxejt minn ħdejn it-Tempju ta’ Kirtland flimkien ma’ marti u n-neputijiet tiegħi, bdejt nixtarr kemm kienet xi ħaġa traġika li xi wħud ma baqgħux aktar fidili anke saħansitra wara l-manifestazzjonijiet spiritwali li huma raw b’ għajnejhom stess. Kemm kienet xi ħaġa ta’ niket li huma ma setgħux jikkumbattu r-ridikolaġni u l-kritika min-naħa ta’ dawk ta’ mingħajr fidi. Kemm hi ħaġa ta’ niket, li meta ħabbtu wiċċhom ma’ problemi finanzjarji u sfidi oħra, huma ma setgħux ifittxu fihom infushom u jsibu dik is-saħħa li kellhom bżonn biex jibqgħu fidili. Kemm kienet sfortuna li huma spiċċaw biex insew il-mirakoluż ħsad spiritwali ta’ waqt id-dedikazzjoni tat-tempju.

Lezzjonijiet

X’ nistgħu nitgħallmu minn din l-era importanti fl-istorja tal-Knisja?

Waħda mill-akbar lezzjonijiet li nitgħallmu mill-perjodu ta’ Kirtland hi li l-ispirtu tagħna għandna bżonn nibqgħu nieħdu ħsiebu kontinwament. Kif darba għallem il-President Harold B. Lee (1899–1973): “It-testimonjanza m’hijiex xi ħaġa li llum għandek u dejjem sa jkollok. It-testimonjanza jew sa tikber u tinbidel f’ ċertezza, jew sa tonqos u tiġi fix-xejn, jiddependi x’ nagħmlu biha aħna. Jiena ngħid, it-testimonjanza li aħna nġeddu jum wara jum hija dik il-ħaġa li ssalvana min-nasses tal-avversità.”6 Għandna bżonn li kuljum nibqgħu viċin il-Mulej jekk irridu negħlbu l-avversità li lkoll inħabbtu wiċċna magħha.

F’ ċerti ħwejjeġ, id-dinja tagħna llum hija simili ta’ Kirtland ta’ żmien l-1830. Aħna wkoll ninsabu ngħixu fi żminijiet ta’ inċertezza finanzjarja. Hemm dawk li jippersegwitaw u jċanfru l-Knisja u l-membri tagħha. Ċerti sfidi li jkollna kemm individwalment kif ukoll b’ mod kollettiv jistgħu kultant jidhru diffiċli wisq.

Huwa f’ mumenti bħal dawn meta, aktar minn qatt qabel, jeħtieġ nersqu viċin il-Mulej. Jekk nagħmlu dan, insiru nafu verament xi tfisser li jkollna l-Mulej jersaq viċin tagħna. Iktar ma nfittxuh bi ħrara, iktar ħa nsibuh b’ċertezza. Naraw b’ċarezza li l-Mulej ma jabbandunax lill-Knisja Tiegħu u lill-Qaddisin fidili Tiegħu. Għajnejna jinfetħu, u lilu narawh jiftaħ bwieb is-sema u jimlina b’ aktar dawl Tiegħu. Aħna nsibu l-qawwa spiritwali li tagħtina s-saħħa sabiex nibqgħu għaddejjin anke tul l-aktar mumenti mudlama.

Għalkemm xi Qaddisin f’ Kirtland spiċċaw biex insew l-esperjenzi spiritwali li kellhom, ħafna ma nsewx. Il-maġġoranza, inkluż William Draper, baqgħu sodi fl-għarfien spiritwali li tahom Alla u komplew jimxu wara l-Profeta. Matul it-triq huma esperjenzaw aktar sfidi morri kif ukoll aktar tkabbir spiritwali li mliehom bi ħlewwa, sakemm, fl-aħħar, dawk li baqgħu sodi sat-tmiem ġew “milqugħin fi … stat ta’ ferħ mingħajr tmiem” (ara Mosiah 2:41).

Tista’ Tibqa’ Sod

Jekk qatt ikollok it-tentazzjoni li tiskoraġġixxi ruħek jew titlef il-fidi, ftakar f’ dawk il-Qaddisin fidli li baqgħu sodi ġewwa Kirtland. Żomm sod ftit ieħor. Int kapaċi tagħmel dan! Inti parti minn ġenerazzjoni speċjali. Inti mħejji u ppreservat sabiex tgħix f’ dan iż-żmien mill-aktar importanti fl-eżistenza ta’ din id-dinja sabiħa tagħna. Inti għandek pedigree ċelestjali u għalhekk għandek it-talenti meħtieġa kollha li tagħmel minn ħajtek storja ta’ suċċess etern.

Il-Mulej bierkek bit-testimonjanza tal-verità. Inti ħassejt l-influwenza Tiegħu u rajt il-qawwa Tiegħu. U jekk tkompli tfittxu, Huwa jkompli jagħtik aktar esperjenzi sagri. Permezz t’ hekk u ta’ rigali spiritwali oħra, inti tkun kapaċi mhux biss li tibdel ħajtek għall-aħjar iżda wkoll li tbierek darek, il-qasam jew il-fergħa tiegħek u l-komunità, il-belt, l-istat jew il-ġens tiegħek permezz tat-tjubija tiegħek.

Xi kultant diffiċli tara dan, iżda ibqa’ sod ftit ieħor, għaliex “dak li l-għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħat, u dak li qatt ma tnissel f’ qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh” u jistennewh (1 Korintin 2:9; ara wkoll D&C 76:10;133:45).

Nagħti x-xhieda tiegħi tal-verità tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu u l-verità ta’ din, il-Knisja Tiegħu. Nixhed b’ qalbi kollha u b’ ruħi kollha li Alla jgħix, li Ġesù Kristu huwa Ibnu u jinsab wieqaf f’ ras din il-Knisja kbira. Fid-dinja reġa’ għandna profeta, sewwasew il-President Thomas S. Monson.

J’Alla aħna dejjem niftakru l-lezzjonijiet ta’ Kirtland u nibqgħu sodi ftit ieħor—anke meta l-affarijiet jidhru mċajpra. Ftakru u kunu afu dan: il-Mulej iħobbkom. Huwa jiftakarkom. U Huwa jibqa’ jsostni lil dawk li “jibqgħu sodi fil-fidi sal-aħħar” (ara D&C 20:25).

Noti

  1. Ara, per eżempju, sezzjonijiet 45; 56; 76; 84; 89; 97; u 104.

  2. Ara D&C 76:23; 110:2–4, 11–13.

  3. William Draper, “A Biographical Sketch of the Life and Travels and Birth and Parentage of William Draper” (1881), dokument, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, 2; spelling u capitalization standardizzati.

  4. History of the Church, 2:428.

  5. Lorenzo Snow, “Discourse,” Deseret Weekly News, 8 ta’ Ġunju, 1889, 26.

  6. Teachings of Presidents of the Church: Harold B. Lee (2000), 43.

Ipprintja