2010
Il-Barkiet tat-Tempju
Ottubru 2010


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ottubru 2010

Il-Barkiet tat-Tempju

It-tempju jagħtina skop għal ħajjitna. Iġibilna l-paċi f’ ruħna, mhux il-paċi kif jifhmuha l-bnedmin iżda l-paċi mwiegħda minn Iben Alla meta qal, “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi.”

Fit-tempju nistgħu nħossuna aktar viċin tal-Mulej

Naħseb li m’ hawn l-ebda post ieħor fid-dinja fejn inħossni daqshekk viċin tal-Mulej milli nħossni meta nkun f’ wieħed mit-tempji mqaddsa Tiegħu. Sa nipparafrasa poeżija:

Kemm hi ‘l bogħod is-sema?

Mhux wisq.

Fit-tempji ta’ Alla,

Fis-sema nkunu.

Il-Mulej qal:

“Tgeddsux għalikom teżori f’ din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu:

“Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu:

“Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.”1

Għall-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin ta’ l-Aħħar Jiem, it-tempju huwa l-aktar post sagru fid-dinja. Huwa d-dar tal-Mulej, u kif hemm miktub fuq il-faċċata ta’ barra tat-tempju, it-tempju huwa “qdusija lill-Mulej.”

It-tempju jedifikana u jeżaltana

Fit-Tempju niġu mgħallmin il-pjan ta’ Alla. It-tempju hu l-post li fih jitwettqu patti eterni. It-tempju jedifikana, jeżaltana u huwa għalina dak il-fanal tad-dawl li jarah kulħadd, u jmexxina lejn il-glorja ċelestjali. Huwa d-dar ta’ Alla. Dak kollu li jseħħ bejn il-ħitan tat-tempju huwa edifikanti u nobbli.

It-tempju huwa għall-familji, wieħed mill-akbar teżori li għandna fil-mortalità. Il-Mulej kien ħafna kliemu meta kellem lilna l-missirijiet, fejn qalilna li aħna għandna r-responsabbiltà li nħobbu lin-nisa tagħna b’ qalbna kollha u nipprovdu kemm għalihom kif ukoll għal uliedna. Huwa qalilna li l-akbar ħidma li nistgħu nwettqu bħala ġenituri hi fi djarna, u djarna jistgħu jkunu bħas-smewwiet, partikolarment meta ż-żwiġijiet tagħna ikunu issiġillati fid-dar ta’ Alla.

Il-mejjet Presbiteru Matthew Cowley, li kien membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, darba rrakkonta l-esperjenza tiegħu ta’ nannu meta, darba waħda s-Sibt wara nofsinhar, telaq id f’ id man-neputija ċkejkna tiegħu, f’ jum għeluq sninha—mhux lejn iz-zu jew lejn iċ-ċinema, iżda lejn it-tempju. Bil-permess ta’ dak li jieħu ħsieb l-art tal-madwar, it-tnejn li huma mxew lejn il-bibien kbar tat-tempju. Huwa qalilha sabiex tpoġġi idha mal-ħajt kbir u wara ma’ dak il-bieb massiv. Mbagħad bil-ħlewwa kollha qalilha, “Ftakar li llum inti messejt it-tempju. Xi darba inti tidħol ġewwa.” Ir-rigal tiegħu lil dik it-tifla ċkejkna ma’ kienx xi ftit ħelu jew ġelat iżda esperjenza ferm aktar sinjifikanti u dejjiema—apprezzament lejn dar il-Mulej. Hija messet it-tempju, u t-tempju mess lilha.

It-tempju jġib il-paċi f’ ruħna

Hekk kif immissu t-tempju u nħobbu t-tempju, ħajjitna tirrifletti l-fidi tagħna. Hekk kif immorru fid-dar imqaddsa, hekk kif niftakru fil-patti li nagħmlu hemm ġew, aħna nsiru kapaċi nikkumbattu kull sfida u ngħelbu kull tentazzjoni. It-tempju jagħti skop lil ħajjitna. Iġibilna l-paċi f’ ruħna—mhux il-paċi li jwasslulna l-bnedmin iżda l-paċi mwiegħda minn Iben Alla meta qal, “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi: ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.”2

Hawn fidi kbira fost il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Il-Mulej jagħtina opportunitajiet biex jara jekk aħniex lesti li nimxu wara l-kmandamenti Tiegħu, jekk nimxux fit-triq li mexa fiha Ġesù ta’ Nazaret, jekk aħniex lesti li nħobbu lill-Mulej b’ qalbna kollha, bil-qawwa tagħna kollha u b’ moħħna kollu, u li nħobbu lil għajrna bħalna nfusna.3

Jiena nemmen ħafna fil-proverbju “Ittama fil-Mulej b’ qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’ kull ma’ tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”4

Dejjem hekk kien; u hekk dejjem sa jkun. Jekk nagħmlu d-dover tagħna u nafdaw f’ kollox lill-Mulej, aħna nimlew it-tempji Tiegħu, mhux biss billi nagħmlu l-ħidma tal-ordinanzi tagħna, iżda wkoll billi jkollna l-privileġġ li naħdmu għal ħaddieħor. Aħna ninżlu għarkobbtejna quddiem altari sagri biex inkunu prokuraturi f’ siġill li jgħaqqad lil nisa u rġiel miżżewġin u lil uliedhom għall-eternità kollha. Kull żagħżugħ u żagħżugħa denji minn 12-il sena ‘l fuq jistgħu ikunu prokuraturi għal dawk li mietu mingħajr il-barka tal-magħmudija. Din tkun ix-xewqa ta’ Missierna tas-Smewwiet għalik u għalija.

Seħħ Miraklu

Ħafna snin ilu, patrijarka umli u fidili, Brother Percy K. Fetzer, ġie msejjaħ sabiex jagħti barkiet patrijarkali lill-membri tal-Knisja li kienu jgħixu fuq in-naħa l-oħra tal-Purtiera tal-Ħadid.

Brother Fetzer mar ġewwa l-Polonja f’ dawk iż-żminijiet mudlama. Il-fruntieri kienu ssiġillati, u l-ebda ċittadin ma kellu permess iħalli l-pajjiż. Brother Fetzer iltaqa’ mal-Qaddisin Ġermaniżi li nqabdu hemmhekk meta ġew deċiżi l-fruntieri wara it-Tieni Gwerra Dinjija u l-art fejn kienu jgħixu saret parti mill-Polonja.

Il-mexxej tagħna fost dawk il-Qaddisin Ġermaniżi kien Brother Eric P. Konietz, li kien jgħix hemmhekk flimkien ma’ martu u wliedu. Brother Fetzer ta barkiet patrijarkali lil Brother u Sister Konietz u lil uliedhom il-kbar.

Meta Brother Fetzer ġie lura l-Istati Uniti, huwa ċempilli u staqsieni jekk setax jiltaqa’ miegħi. Hekk kif poġġa bilqiegħda fl-uffiċċju tiegħi, infaqa’ jibki. Huwa qalli, “Brother Monson, hekk kif poġġejt idejja fuq ras il-membri tal-familja Konietz, jiena għamilt wegħda li ma tistax titwettaq. Jiena wegħedt lil Brother u Sister Konietz li huma għad ikunu jistgħu jmorru lura f’ art twelidhom, il-Ġermanja, li huma mhux sa jibqgħu maqbudin hemmhekk minħabba deċiżjonijiet arbitrarji ta’ pajjiżi li ħakmuhom u li huma għad jiġu ssiġillati flimkien bħala familja fid-dar tal-Mulej. Wegħedt lil binhom li huwa għad iservi missjoni, u wegħedt lil binthom li hija għad tiżżewweġ fit-tempju mqaddes ta’ Alla. Jien u inti nafu li minħabba l-fruntieri magħluqa, huma mhux sa jkunu jistgħu jiksbu dawk il-barkiet. X’ għamilt b’idejja!”

Jien għidt, “Brother Fetzer, jiena tant nafek biżżejjed illi naf li inti għamilt biss dak li riedek tagħmel Missierna tas-Smewwiet.” It-tnejn li aħna nżilna għarkobbtejna ħdejn l-iskrivanija tiegħi u tlabna minn qalbna lil Missierna tas-Smewwiet, fejn semmejna li ċerti wegħdiet ingħataw lil familja mill-aktar devota b’ konnessjoni mat-tempju ta’ Alla u barkiet oħra li bħalissa huma jinsabu mċaħħdin minnhom. Huwa biss seta’ jġib fis-seħħ il-miraklu li kellna bżonn.

Il-miraklu seħħ. Ġie ffirmat patt bejn il-mexxejja tal-gvern Pollakk u l-mexxejja tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, liema patt kien jippermetti lil dawk kollha ta’ nazzjonalità Ġermaniża li kienu nqabdu f’ dawk l-inħawi li jaqsmu lejn il-Ġermanja tal-Punent. Brother u Sister Konietz u wliedhom marru fil-Ġermanja tal-Punent, u Brother Konietz sar l-isqof tal-qasam ta’ fejn marru joqogħdu.

Il-familja Konietz kollha marret fit-tempju mqaddes tal-Isvizzera. U min taħsbu li kien il-president tat-tempju mlibbes libsa bajda li laqagħhom b’ idejh miftuħa? Ħadd ħlief Percy Fetzer—il-patrijarka li tahom il-wegħda. Issa, fil-pożizzjoni tiegħu bħala l-president tat-Tempju Svizzeru ta’ Bern, huwa laqagħhom fid-dar tal-Mulej, biex titwettaq dik il-wegħda, u ssiġilla flimkien lir-raġel u l-mara u l-ulied mal-ġenituri.

Binthom eventwalment iżżewġet fid-dar tal-Mulej. Binhom irċieva s-sejħa tiegħu u serva missjoni full-time.

“Narawkom fit-tempju!”

Għal xi wħud minna, it-tempju jinsab biss ftit kantunieri bogħod. Għal oħrajn, iridu jaqsmu oċeani sħaħ u jivvjaġġaw mili twal sabiex ikunu jistgħu jidħlu fit-tempju ta’ Alla.

Xi ftit ta’ snin ilu, qabel ma tlesta t-tempju tal-Afrika t’ isfel, meta kont qed nattendi konferenza distrettwali f’ dak li kien Salisbury, ir-Rhodesia, jiena ltqajt mal-president tad-distrett, Reginald J. Nield. Hu u martu u wliedu l-bniet ltaqgħu miegħi jien u dieħel fil-kappella. Huma spjegawli li kienu ilhom ifaddlu u jħejju għal dak il-jum li fih setgħu jivvjaġġaw lejn it-tempju tal-Mulej. Iżda, eħħ, it-tempju kien ‘il bogħod wisq.

Fi tmiem il-laqgħa, l-erbat ibniet ħelwin staqsewni xi mistoqsijiet dwar it-tempju: “Kif ikun it-tempju? Rajnih biss fuq stampa.” “Kif inħossuna meta nidħlu fit-tempju?” “X’ nibqgħu niftakru l-aktar?” Għal madwar siegħa kelli l-opportunità li nkellem lill-erbat ibniet dwar dar il-Mulej. Jien u ħiereġ mill-ajruport, xejruli, u ċ-ċkejkna qaltli, “Narawk fit-tempju!”

Sena wara kelli l-opportunità li nilqa’ lill-familja Nield fit-Tempju ta’ Salt Lake. Fil-kamra tas-siġill kollha paċi jiena kelli l-privileġġ li ngħaqqad flimkien għall-eternità, kif ukoll għal din il-ħajja, lil Brother u lil Sister Nield. Mbagħad infetħu l-bibien, u dawk l-ulied ħelwin, ilkoll lebsin l-abjad, daħlu fil-kamra. Huma għannqu lil ommhom, mbagħad lil missierhom. Kellhom id-dmugħ f’ għajnejhom, u l-gratitudni f’ qalbhom. Konna qisna qegħdin fis-smewwiet. Kollha kemm huma setgħu issa jgħidu, “Issa aħna familja għall-eternità.”

Din hija barka meraviljuża li tinsab tistenna lil dawk kollha li jiġu t-tempju. J’ Alla aħna lkoll ngħixu ħajja denja, b’ idejn nodfa u qalb pura, ħalli t-tempju jkun jista’ jmiss kemm lil ħajjitna kif ukoll lill-familji tagħna.

Kemm hi ‘l Bogħod is-Sema? Nixhed li fit-tempji mqaddsa m’hi xejn ‘l bogħod—għax huwa f’ dawn il-postijiet sagri fejn is-sema u l-art jiltaqgħu u fejn Missierna tas-Smewwiet jagħti l-akbar barkiet Tiegħu lil uliedu.

Ipprintja