2010
It-Tempju Mqaddes
Ottubru 2010


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Ottubru 2010

It-Tempju Mqaddes

Fit-tempji, il-membri tal-Knisja li jagħmlu lilhom infushom eleġibbli jistgħu jipparteċipaw fl-aktar ordinanzi eżaltanti fost l-ordinanzi ta’ fidwa kollha li ġew żvelati lill-umanità.

Fit-tempji aħna nipparteċipaw fl-aktar ordinanzi eżaltanti fost l-ordinanzi ta’ fidwa

Hemm ħafna raġunijiet għaliex wieħed ikun irid imur fit-tempju. Anke d-dehra tiegħu minn barra qisha tagħti ħjiel tal-għanijiet spiritwali mill-aktar profondi. Dan huwa ferm aktar evidenti bejn il-ħitan tiegħu. Fuq il-bieb tat-tempju jidher il-kliem ta’ rikonoxximent “Qdusija lill-Mulej.” Kull meta tidħol ġo xi tempju ddedikat, inti tkun fid-dar tal-Mulej.

Fit-tempji, il-membri tal-Knisja li jagħmlu lilhom infushom eleġibbli jistgħu jipparteċipaw fl-aktar ordinanzi eżaltanti fost l-ordinanzi ta’ fidwa li ġew żvelati lill-umanità. Hemmhekk, f’ ċerimonja sagra, l-individwu jista’ jiġi maħsul u midluk u mgħallem u mogħti l-għotja mqaddsa u ssiġillat. U meta aħna nirċievu dawn il-barkiet għalina nfusna, aħna nistgħu nerġgħu nagħmlu dan għal dawk li mietu mingħajr ma kellhom l-istess opportunità. Fit-tempji jiġu mwettqa ordinanzi sagri kemm għall-ħajjin kif ukoll għall-mejtin.

L-ordinanzi u ċ-ċerimonji tat-tempju huma sempliċi, sbieħ u sagri

Jekk naqraw bir-reqqa l-iskrittura jiġi żvelat lilna li l-Mulej ma qalx kollox lill-bnedmin. Hemm ċerti kwalifiċi li huma meħtieġa biex tkun tista’ tirċievi ċerta informazzjoni sagra. Iċ-ċerimonji tat-tempju jaqgħu taħt din il-kategorija.

Aħna ma niddiskutux l-ordinanzi tat-tempju barra t-tempju. Qatt ma kienet l-intenzjoni li l-għarfien ta’ dawn iċ-ċerimonji tat-tempji jkun limitat għal xi ftit magħżulin li jkunu mitluba jaraw li ħaddieħor ma jitgħallem xejn dwarhom. Fil-fatt huwa preċiżament l-oppost. Bi sforz kbir nisħqu lil kull ruħ sabiex tikkwalifika u tħejji għall-esperjenza tat-tempju. Dawk li diġà marru t-tempju ġew mgħallmin ideal: Sa jiġi żmien meta kull ruħ li qed tgħix bħalissa u kull ruħ li qatt għexet sa jkollha l-opportunità li tisma’ l-evanġelju u li taċċetta jew tirrifjuta dak li joffri t-tempju. Jekk din l-opportunità tiġi rrifjutata, ikun biss l-istess individwu li jkun irrifjutaha.

L-ordinanzi u ċ-ċerimonji tat-tempju huma sempliċi. Huma sbieħ. Huma sagri. Jinżammu b’ mod kunfidenzjali li ma jiġux għand dawk li mhumiex imħejjija. Il-kurżità m’hijiex tħejjija. Interess profond, fih innifsu, mhux tħejjija. Tħejjija għall-ordinanzi tinkludi il-passi preliminari: il-fidi, l-indiema, il-magħmudija, il-konferma, li tkun den, il-maturità u d-dinjità mistħoqqa ta’ wieħed li jiġi mistieden fid-dar tal-Mulej.

Dawk li huma denji jistgħu jidħlu t-tempju

Dawk kollha li huma denji u kkwalifikati f’ kull mod jistgħu jidħlu t-tempju, biex hemmhekk jesperjenzaw ir-riti u l-ordinanzi sagri.

La darba tagħraf il-valur tal-barkiet tat-tempju u l-karattru sagru tal-ordinanzi mwettqa fit-tempju, issibha diffiċli li tiddubita l-istandards għoljin mwaqqfa mill-Mulej sabiex tkun tista’ tidħol fit-tempju mqaddes.

Irid ikollok rakkomandazzjoni kurrenti biex titħalla tidħol fit-tempju. Din ir-rakkomandazzjoni trid tiġi ffirmata mill-uffiċjali xierqa tal-Knisja. Huma biss dawk li jinsabu denji jistgħu jmorru t-tempju. L-isqof jew il-president tal-fergħa lokali tiegħek għandu r-responsabbiltà li jistaqsi sewwa dwarek biex jara intix verament den qabel ma inti tirċievi l-ordinanzi tat-tempju tiegħek. Din l-intervista hija ta’ importanza kbira, għaliex hija okkażjoni li tesplora, flimkien ma’ qaddej ordnat mill-Mulej, il-mudell ta’ ħajtek. Jekk hemm xi ħaġa ħażina f’ ħajtek, l-isqof jista’ jgħinek issolviha. Permezz ta’ din il-proċedura, inti tista’ tiddikjara jew tiġi megħjun tistabbilixxi jekk intix den li tidħol fit-tempju bl-approvazzjoni tal-Mulej.

L-intervista għar-rakkomandazzjoni tat-tempju ssir b’ mod privat bejn l-isqof u l-membru tal-Knisja kkonċernat. Hawnhekk il-membru jiġi mistoqsi ċerti mistoqsijiet li jġegħluh jixtarr dwar il-kondotta personali tiegħu, jekk huwiex den u leali lejn il-Knisja u lejn l-uffiċjali tagħha. Il-persuna trid tiċċertifika li hija moralment nadifa u li qiegħda żżomm il-Kelma tal-Għerf, tħallas id-dieċmi sħiħa, tgħix f’ armonija mat-tagħlim tal-Knisja u li m’ għandha l-ebda affiljazzjoni jew simpatija ma’ gruppi li jgħallmu tagħlim li jmur kontra t-tagħlim tal-Knisja. L-isqof huwa mgħallem li l-kunfidenzjalità, meta jkun qed imexxi dawn l-intervisti, hija importanti ferm.

Jekk it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-isqof ikunu aċċettabbli ikun ifisser li dak l-individwu huwa den li jirċievi r-rakkomandazzjoni tat-tempju. Jekk applikant mhux qed iżomm il-kmandamenti jew hemm xi ħaġa mhux f’ postha f’ ħajtu li jrid jaħdem sabiex isolviha, ikun neċessarju li huwa juri ndiema vera qabel ma tinħareġlu r-rakkomandazzjoni tat-tempju.

Wara li l-isqof ikun mexxa din l-intervista, il-president tal-wited jerġa’ jintervistak bl-istess mod qabel ma tkun tista’ tirċievi l-ordinanzi tat-tempju tiegħek.

It-tagħlim ġewwa t-tempju huwa simboliku

Qabel ma tmur it-tempju għall-ewwel darba, u anke wara diversi drabi li inti tkun mort, ikun ta’ għajnuna ferm għalik jekk inti tifhem sew li t-tagħlim fit-tempju jsir b’ mod simboliku. Il-Mulej, l-Imgħallem Prim, wassal ħafna mit-tagħlim Tiegħu b’ dan il-mod.

It-tempju huwa skola mill-aqwa. Huwa dar tat-tagħlim. Ġewwa t-tempji tgħammar ċerta atmosfera ta’ qima li tagħmilha ideali li jiġu mgħallmin ħwejjeġ ta’ natura mill-aktar spiritwali. Il-mejjet Presbiteru John A. Widtsoe tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu kien president tal-università distint u studjuż rinomat mad-dinja kollha. Huwa kellu qima kbira lejn il-ħidma tat-tempju u f’ okkażjoni partikolari kien qal:

“L-ordinanzi tat-tempju jiġbru fihom il-pjan sħiħ tas-salvazzjoni, kif jiġi mgħallem minn żmien għal żmien mill-mexxejja tal-Knisja, u jiċċaraw ċerti ħwejjeġ li huma daqxejn diffiċli tifhimhom. M’ hemmx għalfejn ngħawġu jew nibdlu t-tagħlim tat-tempju fil-pjan sħiħ tas-salvazzjoni. Il-milja filosofika tal-għotja mqaddsa hija waħda mill-argumenti l-kbar dwar il-verità tal-ordinanzi tat-tempju. Barra minn dan, din il-milja ta’ għarfien sħiħ u dettaljat tal-pjan tal-Evanġelju, tagħmel il-qima tat-tempju waħda mill-aktar metodi effettivi biex niffriskaw il-memorja tagħna dwar l-istruttura sħiħa tal-Evanġelju” (“Temple Worship,” Utah Genealogical and Historical Magazine, Apr. 1921, 58).

Jekk tmur it-tempju u tiftakar li t-tagħlim huwa simboliku, u jekk ħa tidħol fih fi spirtu xieraq, int ma tista’ tħallih qatt jekk mhux b’ viżjoni aktar ċara, mingħajr ma tħossok ftit aktar eżaltat, u jekk mhux b’ għarfien akbar spiritwali. Il-pjan ta’ tagħlim huwa mill-aqwa. Huwa ispirat. Il-Mulej Innifsu, l-Għalliem Prim, għallem lid-dixxipli Tiegħu permezz tal-parabboli— mod verbali li bih tirrappreżenta b’ mod simboliku ċerti ħwejjeġ li jkun diffiċli tifhimhom b’ xi mod ieħor.

It-tempju nnifsu isir simbolu. Jekk qatt rajt xi wieħed mit-tempji bil-lejl, kollu mixgħul, taf x’ dehra impressjonanti fih. Id-dar tal-Mulej, maħsula fid-dawl, wieqfa hemm qalb id-dlam, issir simbolu tal-qawwa u l-ispirazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu wieqfa bħal fanal fuq għolja f’ dinja li dejjem qed tegħreq f’ abbiss spiritwali.

Malli tidħol fit-tempju, inti tbiddel l-ilbies normali tiegħek għall-ilbies abjad tat-tempju. Dan it-tibdil fl-ilbies isir fil-kamra li tbiddel ħwejġek fiha, fejn kull individwu jiġi mogħti loker u spazju li fih huwa jkun jista’ jbiddel fil-privatezza sħiħa tiegħu. Fit-tempju l-ideal tal-modestà jingħata importanza kbira. Hekk kif inti tpoġġi l-ilbies tiegħek fil-loker, miegħu tkun qed tħalli warajk ukoll il-problemi tiegħek u dak kollu li jista’ jtellfek. Inti toħroġ minn din il-kmajra privata li tbiddel fiha liebes l-abjad u tħoss xi ħaġa komuni u ugwali ma’ dawk kollha ta’ madwarek għax huma wkoll ikunu lebsin bħalek.

Iż-żwieġ tat-tempju hija l-ogħla ordinanza fost l-ordinanzi kollha tat-tempju

Dawk fostkom li jħarsu ‘l quddiem għal żwieġ fit-tempju jkunu jridu jafu x’ jinvolvi. Aħna ma nikkwotawx il-kliem tal-ordinanza tas-siġill (żwieġ) barra t-tempju, iżda nistgħu niddeskrivu l-kamra tas-siġill bħala kamra mill-isbaħ, kwieta u serena fl-ispirtu u kamra mqaddsa minħabba l-ħidma sagra li titwettaq ġewwa fiha.

Qabel ma l-koppja tersaq lejn l-altar għall-ordinanza tas-siġill, huwa l-privileġġ ta’ dak li jkun qed imexxi l-funzjoni li huwa jagħti, u tal-koppja żagħżugħa li hija tirċievi, xi ftit kunsill. Dawn huma xi ħsibijiet li koppja żagħżugħa tista’ tisma’ f’ din l-okkażjoni.

“Illum huwa jum iż-żwieġ tagħkom. Tinsabu mitlufin fl-emozzjoni taż-żwieġ tagħkom. It-tempji ġew mibnija bħala santwarju għal ordinanzi bħal dawn. Hawn ġew m’ aħniex fid-dinja. Il-ħwejjeġ tad-dinja ma japplikawx hawnhekk u m’ għandhomx jinfluwenzaw dak li nagħmlu hawn ġew. Ħriġna mid-dinja u dħalna fit-tempju tal-Mulej. Dan isir l-aktar jum importanti ta’ ħajjitna.

“Intom twelidtu, ġejtu mistiedna fid-dinja, minn ġenituri li ħejjew tabernaklu mortali sabiex jgħammar fih l-ispirtu tagħkom. It-tnejn li intom ġejtu mgħammdin. Il-magħmudija, ordinanza sagra, hija simbolu tat-tindif, simbolu tal-mewt u r-reżurrezzjoni, simbolu li sa tibdew mixja ‘l quddiem f’ ħajja ġdida. Hija tikkontempla l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. Is-sagrament tal-Ikla tal-Mulej huwa tiġdid tal-patt tal-magħmudija, u aħna nistgħu, jekk ngħixu ħajjitna b’ mod xieraq, niksbu maħfra għal dnubietna.

“Inti, l-għarus, ġejt ordnat għas-saċerdozju. Inti l-ewwel ingħatajt is-Saċerdozju Aaroniku u probabbli għaddejt mill-offiċċji kollha li hemm fih—djaknu, għalliem, u qassis. Mbagħad wasal il-jum meta sabuk den li tirċievi s-Saċerdozju Melkisedeku. Dak is-saċerdozju, l-ogħla saċerdozju, huwa deskritt bħala s-saċerdozju wara l-ordni l-aktar mqaddsa ta’ Alla, jew is-Saċerdozju Mqaddes wara l-Ordni tal-Iben ta’ Alla (ara Alma 13:18; Helaman 8:18; Doctrine and Covenants 107:2–4). Inti ġejt mogħti uffiċċju fis-saċerdozju. Issa inti presbiteru.

“It-tnejn li intom irċevejtu l-għotja mqaddsa tagħkom. F’ dik l-għotja mqaddsa inti rċevejt investiment ta’ potenzjal etern. Iżda dawk il-ħwejjeġ kollha, f’ ċertu sens, kienu preliminari u preparatorji għalikom li ġejtu hawn quddiem l-altar biex tiġu ssiġillati bħala raġel u mara miżżewġin għal din il-ħajja u għall-eternità. Issa intom sirtu familja, ħielsa li tikkontribwixxu għall-ħolqien tal-ħajja, li jkollkom l-opportunità permezz tad-devozzjoni u s-sagrifiċċju li ġġibu t-tfal fid-dinja u li trabbuhom u tieħdu ħsiebhom ‘l bogħod mill-periklu tul l-eżistenza mortali tagħhom; li xi darba tarawhom ġejjin, kif ġejtu intom, sabiex jipparteċipaw f’ dawn l-ordinanzi sagri tat-tempju.

“Intom ġejtu minn rajkom, u ġejtu misjubin denji. Li taċċettaw lil xulxin fil-patt taż-żwieġ hija responsabbiltà kbira, waħda li ġġorr magħha barkiet bla għadd.”

Il-qawwa tas-siġill tgħaqqad kemm fl-art kif ukoll fis-sema

Jekk aħna nifhmu kemm l-istorja kif ukoll id-duttrina tal-ħidma tat-tempju, żgur li nifhmu x’ inhi l-qawwa tas-siġill. Irridu nimmaġinaw ftit, sakemm huwa possibbli, għaliex l-imfietaħ tal-awtorità biex tħaddem il-qawwa tas-siġill huma daqshekk kruċjali.

“Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom, Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem? …

“U qabeż Xmun Pietru u qallu, Inti il-Messija, Bin Alla l-ħaj.

“U Ġesù wieġbu u qallu, Hieni int, Xmun bin Ġona: għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.

“U jien ngħidlek, Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi; u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.

“Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet: u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet: u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mattew 16:13,16–19).

Pietru ngħata l-imfietaħ. Pietru ngħata l-imfietaħ tal-qawwa tas-siġill, dik l-awtorità li ġġorr magħha l-qawwa li torbot u tissiġilla fid-dinja jew li tħoll fid-dinja u l-istess isir fis-smewwiet. Dawk l-imfietaħ jinsabu għand il-President tal-Knisja—għand il-profeta, il-bassâr, u r-rivelatur. Dik il-qawwa tas-siġill issa tinsab fi ħdan il-Knisja. M’ hawn xejn li hu meqjus ta’ kontemplazzjoni aktar sagra minn dawk li jafu s-sinifikat ta’ din l-awtorità. Xejn m’hu daqshekk għażiż. Huma relattivament ftit l-irġiel fid-dinja li jħaddnu din il-qawwa tas-siġill fi żmien wieħed partikolari—f’ kull tempju ssib fih aħwa li ġew mogħtija l-qawwa tas-siġill. Wieħed jista’ jingħata din l-awtorità biss mingħand il-profeta, il-bassâr u r-rivelatur tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.

Il-Profeta Joseph Smith qal li lilu ta’ spiss kienu jistaqsuh l-mistoqsija “‘Nistgħu insalvaw mingħajr ma noqogħdu ngħaddu minn dawn l-ordinanzi kollha, eċċ.?’ Jien kont inweġibhom, Le, mhux il-milja tas-salvazzjoni. Ġesù qal, ‘Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet, u sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu.’ [Ara Ġwanni 14:2.] Dar hawnhekk kellha tiġi tradotta bħala saltna; u kull persuna li tiġi eżaltata fl-ogħla palazz trid tobdi l-liġi ċelestjali, u tobdi wkoll il-liġi kollha” (f’ History of the Church, 6:184).

Il-ħidma tat-tempju hija s-sors tal-qawwa spiritwali

It-tempji huma verament ir-ruħ tal-qawwa spiritwali tal-Knisja. Nippretendu li l-għadu jipprova jtellef lill-Knisja u lilna individwalment hekk kif infittxu biex nipparteċipaw f’ din il-ħidma sagra u ispirata. Il-ħidma tat-tempju ġġib magħha reżistenza kbira għaliex hija s-sors ta’ tant qawwa spiritwali għall-Qaddisin tal-Aħħar Jiem u għall-Knisja kollha.

Fid-dedikazzjoni tal-ewwel ġebla tat-Tempju ta’ Logan, Utah, il-President George Q. Cannon, li dak iż-żmien kien membru fl-Ewwel Presidenza, għamel din id-dikjarazzjoni:

“Kull l-ewwel ġebla li titqiegħed għal xi Tempju, u kull Tempju li jitlesta skont l-ordni li l-Mulej żvela għas-Saċerdozju mqaddes tiegħu, iddgħajjef il-qawwa ta’ Satana fid-dinja u tkabbar il-qawwa ta’ Alla u tal-Qdusija, iċċaqlaq is-smewwiet b’ qawwa setgħana f’ isimna, issejjaħ u titfa’ fuqna l-barkiet tal-Allat Eterni, u ta’ dawk li jgħammru fil-preżenza tagħhom” (f’ “The Logan Temple,” Millennial Star, Nov. 12, 1877, 743).

Meta l-membri tal-Knisja jkunu għaddejjin minn xi problema jew meta xi deċiżjoni iebsa tkun qed ittaqqlilhom moħħhom, hija ħaġa mill-aktar komuni li huma jmorru t-tempju. Huwa post tajjeb fejn nieħdu dak kollu li jtaqqalna. Fit-tempju aħna nistgħu nirċievu perspettiva spiritwali. Hemmhekk, matul il-ħin tas-servizz tat-tempju, aħna nkunu ninsabu “‘l barra mid-dinja.”

Xi kultant moħħna tant ikun okkupat bi problemi, u tant hawn affarijiet li rridu naħsbu fuqhom fl-istess ħin, li ma nkunux nistgħu naħsbu b’ mod ċar u naraw b’ mod ċar. Fit-tempju, it-trab tad-distrazzjoni qisu ma jippenetrax, iċ-ċpar qisu jevapora, u nkunu nistgħu “naraw” ħwejjeġ li ma konniex nistgħu naraw qabel u nsibu soluzzjoni għall-inkwiet tagħna li ma konniex ħsibna dwarha qabel.

Il-Mulej iberikna hekk kif aħna nattendu għall-ħidma tal-ordinanzi sagri tat-tempji. Il-barkiet ta’ hemmhekk ma jkunux limitati biss għas-servizz tagħna tat-tempju. Nitbierku f’ dak kollu li nagħmlu.

Il-ħidma tagħna fit-tempju tipproteġina b’ tarka u protezzjoni

L-ebda ħidma m’hi daqshekk ta’ protezzjoni għal din il-Knisja mill-ħidma tat-tempju u r-riċerka dwar l-istorja tal-familja li tikkumplimentaha. L-ebda ħidma ma tista’ ssaffina daqshekk spiritwalment. L-ebda ħidma li nagħmlu ma tagħtina daqshekk qawwa. Għall-ebda ħidma ma jintalab standard ogħla ta’ tjubija.

Il-ħidma tagħna fit-tempju tipproteġina b’ tarka u protezzjoni, kemm individwalment kif ukoll bħala poplu.

Għalhekk ejjew it-tempju—ejjew u rċievu barkietkom. Hija ħidma sagra.

Ipprintja