Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, April 2011
M’Huwiex Hawn, Imma Qam
Fdalijiet biss baqa’ llum minn Kafarnahum, dik il-belt qrib il-baħar li kienet fil-qalba tal-ministeru tas-Salvatur fil-Galilija. Hawnhekk Huwa ppriedka fis-sinagoga, għallem ħdejn ix-xtajta, u fejjaq fid-djar.
Fil-bidu tal-ministeru Tiegħu, Ġesù dar lejn passaġġ minn Isaija: “L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs” (Isaija 61:1; ara wkoll Luqa 4:18)—dikjarazzjoni ċara ta’ pjan divin biex isalva l-ulied Alla.
Iżda t-tagħlim li Ġesù għallem fil-Galilija kien biss il-preludju. Bin il-Bniedem minn dejjem kellu jistennih appuntament mill-aktar tal-biża’ fuq għolja li tissejjaħ Golgota.
Arrestat fil-Ġnien tal-Ġetsemani wara l-Aħħar Ikla, imwarrab mid-dixxipli Tiegħu, mira tal-bżieq, mgħoddi ġuri u umiljat, Ġesù ġarr il-piż tas-salib kbir lejn il-Kalvarju. Huwa għadda mit-trijonf għat-tradiment, għat-tortura u l-mewt fuq is-salib.
Bħall-kliem tal-kanzunetta “Il-Belt Imqaddsa”:
Ix-xena nbidlet. …
L-għodwa kienet mill-aktar kiesħa,
Hekk kif feġġ id-dell tas-salib
Fuq għolja mwarrba.1
Missierna tas-Smewwiet offra lil Ibnu għalina. Għalina ta ħajtu ħuna l-Kbir.
Fl-aħħar mument, l-Imgħallem seta’ raġa’ bdielu. Iżda mhux hekk għamel. Huwa għadda minn kollox sabiex ikun jista’ jsalva kollox: ir-razza umana, id-dinja u l-ħajja kollha li qatt għexet fiha.
L-ebda kliem fil-lingwaġġ Kristjan ma jfisser aktar għalija mill-kliem li tenna l-anġlu lill-imbikkma Marija Madalena u lil Marija l-oħra hekk kif kienu resqin lejn il-qabar biex jieħdu ħsieb il-ġisem tal-Mulej tagħhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Huwa mhux hawn, iżda qam” (Luqa 24:5–6).
B’ din id-dikjarazzjoni, dawk kollha li għexu u mietu, dawk li qed jgħixu bħalissa u xi darba għad imutu u dawk li għad iridu jitwieldu u finalment imutu ġew kollha salvati.
B’ riżultat tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-qabar, aħna lkoll għad inqumu mill-imwiet. Din hija l-fidwa tar-ruħ. Pawlu kiteb:
“Hemm iġsma tas-sema u hemm iġsma tal-art: iżda d-dija tal-iġsma tas-sema hi ħaġa, u dik tal-iġsma tal-art hi oħra.
“Hemm id-dija tax-xemx, u hemm id-dija tal-qamar, u hemm ukoll id-dija tal-kwiekeb: u kewkba tiddi aktar minn kewkba oħra.
“Hekk ukoll hu l-qawmien mill-imwiet” (1 Korintin 15:40–42).
Aħna għandna nfittxu li nilħqu l-glorja tas-sema. Ix-xewqa tagħna għandna tkun li ngħammru fil-preżenza ta’ Alla. Irridu li s-sħubija tagħna tkun ġo familja għal dejjem.
Dwar Dak li ħeles lil kull wieħed u waħda minna minn mewt bla tmiem, jiena nixhed li Huwa għalliem tal-verità—iżda Huwa aktar minn għalliem. Huwa x-xempju ta’ ħajja perfetta—iżda Huwa aktar minn xempju. Huwa t-tabib il-kbir—iżda Huwa aktar minn tabib. Huwa letteralment is-Salvatur tad-dinja, Bin Alla, il-Prinċep tal-Paċi, il-Qaddis ta’ Israel, saħansitra il-Mulej mqajjem mill-imwiet, li ddikjara, “Jiena l-alfa u l-omega; jiena dak li ngħix, jiena dak li ġie maqtul; jiena l-avukat tagħkom mal-Missier” (ara D&C 110:4).
“O, x’ ferħ tagħtini din is-sentenza: ‘Jiena naf li l-Feddej tiegħi jgħix!’”2
Ta’ dan jiena nagħti xhieda.
© 2011 mill-Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/10. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/10. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, April 2011. Maltese. 09764 159