Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, April 2011
L-Għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna
Permezz tat-talb studja dan il-materjal, u kif xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.
Hekk kif aħna ġejna msejħin bħala presidenza, ingħatajna xi riżorsi dwar l-istorja tas-Soċjetà tal-Għajnuna. Bl-għajnuna tat-talb aħna studjajniehom, għax ridna nkunu nafu l-għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna u xi jridna nagħmlu l-Mulej. Tgħallimna li l-għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna kif imwaqqfa mill-Mulej hu li norganizzaw, ngħallmu u nispiraw lil uliedu nisa biex inħejjuhom għall-barkiet tal-ħajja eterna.
Biex jiġi fis-seħħ dan il-għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna, il-Mulej ikkummissjona lil kull oħt u lill-organizzazzjoni bħala grupp sabiex:
Tikber fil-fidi u fit-tjubija personali.
Issaħħaħ lill-familji u d-djar tagħhom.
Tipprovdi l-għajnuna billi taqdi lill-Mulej u lil uliedu.
Aħna nistgħu nwettqu biss din il-ħidma kif iridna l-Mulej meta aħna nfittxu, nirċievu u naġixxu skont ir-rivelazzjoni personali. Mingħajr rivelazzjoni personali, ma jirnexxilniex żgur. Jekk nimxu skont ir-rivelazzjoni personali, ma nfallux żgur. Il-profeta Nefi għallimna li l-Ispirtu s-Santu jurina “dak kollu li għandna nagħmlu” (ara 2 Nephi 32:5). Irridu nagħtu ċans lilna nfusna li nieqfu għal mument u nkunu siekta biżżejjed li nistgħu nisimgħu l-vuċi tal-Ispirtu.
Ħuti, aħna għandna rwol mill-aktar importanti xi nwettqu biex ngħinu nibnu s-saltna ta’ Alla u nħejju għall-miġja tal-Mulej. Fil-fatt, il-ħidma tal-Mulej ma tistax titwettaq mingħajr l-għajnuna ta’ wliedu n-nisa. Minħabba f’ hekk, il-Mulej jistenna li aħna nikkontribwixxu aktar. Jistenna li aħna nwettqu l-għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna aktar minn qatt qabel.
Julie B. Beck, president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna.
Mill-Iskrittura
Dewteronomju 6:5–7; Luqa 10:30–37; Ġakbu 1:27; 2 Nephi 25:26; Mosiah 3:12–13
Mill-Istorja Taghna
F’ laqgħa tas-Soċjetà tal-Għajnuna li saret fid-9 ta’ Ġunju, 1842, il-Profeta Joseph Smith għallem lill-aħwa li s-soċjetà tagħhom ma kenitx “biss biex ngħinu l-foqra, iżda wkoll biex jiġu salvati l-erwieħ.”1 Din id-dikjarazzjoni ta’ għan spiritwali kif ukoll temporali kkaratterizzat lis-Soċjetà tal-Għajnuna tul l-istorja sħiħa tagħha. Fl-1906, il-President Joseph F. Smith (1838–1918) għallem: “[Il-membri tas-Soċjetà tal-Għajnuna] mhux biss għandhom jaraw x’ inhuma l-bżonnijiet tal-foqra, tal-morda u ta’ dawk li huma fil-bżonn, iżda parti mid-dover tagħhom—u l-aktar parti importanti fil-ħidma kollha tagħhom—hi li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali u s-salvazzjoni tal-ommijiet u l-ulied nisa ta’ Sijon; li jaraw li ħadd ma jiġi mwarrab, iżda li huma kollha jkunu issalvagwardati kontra l-isfortuna, id-disgrazzji, il-qawwiet tad-dlamijiet u l-ħażen li jheddidhom fid-dinja.”2 Fl-2001 Il-Presbiteru M. Russell Ballard tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu saħaq li, “Kull oħt f’ din il-Knisja li għamlet patti mal-Mulej għandha mandat divin li tgħin sabiex issalva l-erwieħ, li tmexxi lin-nisa tad-dinja, li ssaħħaħ id-djar ta’ Sijon u li tibni s-saltna ta’ Alla.”3
© 2011 mill- Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/10. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/10. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, April 2011. Maltese. 09764 159