It-Tempju Mqaddes—Fanal li Jdawwal id-Dinja
L-ogħla u l-aktar barkiet importanti li aħna nistgħu niksbu bħala membri tal-Knisja huma dawk il-barkiet li aħna nirċievu fit-tempji ta’ Alla.
Għeżież ħuti, nesprimi l-imħabba tiegħi u nsellem lil kull wieħed u waħda minnkom u nitlob lil Missierna tas-Smewwiet jiggwida ħsibijieti u jispirani f’ dak li jiena sa ngħidilkom illum.
Ħa nibda billi nagħmel xi kumment jew tnejn dwar il-messaġġi mill-isbaħ li smajna dalgħodu minn Sister Allred u l-Isqof Burton u xi oħrajn rigward il-programm ta’ għajnuna soċjali tal-Knisja. Kif diġà ssemma, din is-sena qed infakkru l-75 sena anniversarju minn meta ġie fis-seħħ dan il-programm ispirat, li bierek il-ħajja ta’ tant nies. Kien privileġġ kbir għalija li kont naf personalment lil xi wħud minn dawk li kienu pijunieri f’ din il-ħidma hekk kbira—nies mimlija kompassjoni u viżjoni.
Kif semmew tajjeb kemm l-Isqof Burton, kemm Sister Allred, kif ukoll xi oħrajn, l-isqof tal-qasam jingħata r-responsabbiltà li jieħu ħsieb dawk fil-bżonn li jaqgħu taħt il-qasam tiegħu. Jiena kelli l-istess privileġġ meta, bħala isqof żagħżugħ, kont nippresiedi fil-Belt ta’ Salt Lake f’ qasam ta’ 1,080 membru li kien jinkludi fih 84 armla. Bosta kienu li kellhom bżonn l-għajnuna. Kemm kont grat għall-programm ta’ għajnuna soċjali tal-Knisja u għall-għajnuna tas-Soċjetà tal-Għajnuna u l-kwora tas-saċerdozju.
Niddikjara li l-programm ta’ għajnuna soċjali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem huwa ispirat minn Alla s-Setgħan.
Issa, ħuti, din il-konferenza qed tfakkar it-tielet anniversarju minn meta jiena ġejt sostnut bħala President tal-Knisja. Bla dubju kienu snin ta’ ħidma kbira, mimlijin sfidi kif ukoll barkiet bla għadd. L-opportunità li jiena kelli li niddedika numru ta’ tempji, uħud minnhom għat-tieni darba, kienet waħda mill-aktar barkiet pjaċevoli u sagri fost dawk il-barkiet kollha, u huwa preċiżament dwar it-tempju li jiena nixtieq inkellimkom illum.
Matul il-konferenza ġenerali ta’ Ottubru tal-1902, il-President tal-Knisja Joseph F. Smith esprima fid-diskors tal-ftuħ tiegħu t-tama li xi darba aħna “jkollna tempji mibnija f’ kull naħa [tad-dinja] fejn huma tant meħtieġa għall-użu tan-nies.”1
Matul l-ewwel 150 sena minn meta ġiet organizzata l-Knisja, mill-1830 sa l-1980, inbnew 21 tempju, fosthom it-tempji ta’ Kirtland, Ohio u Nauvoo, Illinois. Hemm kuntrast mhux ħażin meta tħares lejn dawn l-aħħar 30 sena mill-1980 ’l hawn, li matulhom ġew mibnija u ddedikati 115-il tempju. Hekk kif ilbieraħ ġew imħabbra 3 tempji ġodda, magħhom irridu nżidu 26 tempju ieħor li jew qegħdin jinbnew diġà jew inkella qegħdin fil-proċess li jibda x-xogħol. Dan in-numru sa jkompli jikber.
L-għan li ttama fih il-President Joseph F. Smith fl-1902 qed isir realtà. Ix-xewqa tagħna hi li nagħmlu t-tempju aċċessibbli kemm jista’ jkun għall-membri tagħna.
Wieħed minn dawn it-tempji li qed jinbnew bħalissa jinsab f’ Manaus, il-Brażil. Bosta snin ilu, kont qrajt dwar grupp ta’ ’l fuq minn mitt membru li telqu minn Manaus, li tinsab fil-qalba tal-Amażonja, u vvjaġġaw lejn dak li, dak iż-żmien, kien l-eqreb tempju, ġewwa São Paulo, il-Brażil—kważi 2,500 mil (4,000 km) ’l bogħod minn Manaus. Dawk il-Qaddisin fidili vvjaġġaw għal erbat ijiem sħaħ bid-dgħajsa fuq ix-Xmara Amażonja u x-xmajjar sekondarji tagħha. Wara li temmew il-vjaġġ tagħhom fuq l-ilma, huma għamlu tlett ijiem sħaħ jivvjaġġaw permezz ta’ xarabank— minn toroq kollha ħofor, fejn ftit li xejn kellhom x’ jieklu, mingħajr post komdu fejn jorqdu. Wara sebat ijiem u sebat iljieli, huma waslu fit-tempju ta’ São Paulo, fejn ħadu sehem f’ ordinanzi ta’ natura eterna. Bla dubju l-vjaġġ tagħhom lura kien vjaġġ ieħor diffiċli. Madankollu, huma rċevew l-ordinanzi u l-barkiet tat-tempju, u, għalkemm bwiethom kienu vojta, huma kienu mimlijin bl-ispirtu tat-tempju u b’ gratitudni għall-barkiet li kienu rċevew.2 Issa, ħafna snin wara, il-membri tagħna f’ Manaus qed jifirħu hekk kif jaraw it-tempju tagħhom jinbena fuq ix-xatt tar-Rio Negro. It-tempji jġibu l-ferħ lill-membri fidili tagħna, jinbnew fejn jinbnew.
Numru ta’ rapporti dwar ċerti sagrifiċċji kbar li bosta membri tagħna jagħmlu, sabiex huma jirċievu l-barkiet li jinsabu biss fit-tempji ta’ Alla, verament imissuli qalbi u jagħtuni sens ġdid ta’ gratitudni għal dawn it-tempji.
Ħa naqsam magħkom ir-rakkont ta’ Tihi u Tararaina Mou Tham u l-għaxart itfal tagħhom. Il-familja kollha ngħaqdet mal-Knisja fil-bidu tas-snin 60, meta l-missjunarji waslu fil-gżira tagħhom, li tinsab madwar 100 mil (160 km) fin-nofsinhar ta’ Tahiti. Mill-ewwel huma bdew juru x-xewqa li jiġu ssiġillati bħala familja eterna fit-tempju.
Dak iż-żmien l-aktar tempju viċin għall-familja Mou Tham kien it-Tempju ta’ Hamilton, fi New Zealand, aktar minn 2,500 mil (4,000 km) ’l bogħod minnhom, li kien aċċessibbli biss permezz ta’ vjaġġar bl-ajru li kien spiża mhux ħażin. Il-membri tal-familja kbira Mou Tham, li l-għixien ta’ kuljum tagħhom kien permezz ta’ daqsxejn art ċkejkna li fiha kienu jkabbru xi prodotti, ma kellhomx flus għall-ajruplan, u lanqas ma kellhom opportunità fil-gżira tagħhom fil-Paċifiku li jsibu xi impjieg. Għalhekk Ħuna Mou Tham, flimkien ma’ ibnu Gerard ħa deċiżjoni diffiċli li jmur jingħaqad ma’ ibnu ieħor li kien jinsab jaħdem fil-minjieri ġewwa New Caledonia, 3,000 mil (4,800 km) fil-punent tal-gżira tagħhom. Min kien qed iħaddimhom kien iħallas il-passaġġ lejn il-minjieri lill-impjegati tiegħu iżda ma kien jipprovdi l-ebda trasport lura lejn djarhom.
It-tliet irġiel mill-familja Mou Tham għamlu erba’ snin jaħdmu fil-minjieri tropikali, iħaffru u jgħabbu l-materjal tqil. Kien Ħuna Mou Tham biss li, darba fis-sena, kien imur lura d-dar għal żjara qasira, fejn kien iħalli lil uliedu warajh f’ New Caledonia.
Wara erba’ snin jaħdmu b’ daharhom maqsum, Ħuna Mou Tham u wliedu kienu faddlu biżżejjed flus sabiex jieħdu l-familja tagħhom fit-Tempju ta’ New Zealand. Marru kollha, ħlief tifla waħda. Huma ġew issiġillati għal din il-ħajja u għall-eternità, esperjenza ta’ ferħ li diffiċli tiddeskriviha.
Mit-tempju Ħuna Mou Tham irritorna mill-ewwel f’ New Caledonia, fejn għamel sentejn oħra jaħdem hemm sabiex iħallas għall-passaġġ ta’ bintu li ma kenitx marret magħhom it-tempju— tifla miżżewġa flimkien ma’ żewġha u l-uniku wild tagħhom.
Meta kienu kibru fl-età, Ħuna u Sister Mou Tham urew ix-xewqa li jservu fit-tempju. Kien inbena u ġie ddedikat tempju f’ Papeete, u huma servew żewġ missjonijiet hemmhekk.3
Ħuti, it-tempji huma aktar minn sempliċi ġebel u siment. Huma mimlijin fidi u sawm. Huma mibnija fuq esperjenzi diffiċli u testimonjanzi. Huma mqaddsa permezz tas-sagrifiċċju u s-servizz.
L-ewwel tempju li nbena f’ din id-dispensazzjoni kien it-tempju ta’ Kirtland, Ohio. Il-Qaddisin ta’ dak iż-żmien kienu għaddejjin minn ċertu faqar, u madankollu l-Mulej ikkmandahom sabiex jibnu tempju, għalhekk huma hekk għamlu. Il-Presbiteru Heber C. Kimball kiteb hekk dwar dik l-esperjenza, “Il-Mulej biss jaf bil-faqar, bil-periklu u bid-diffikultajiet li għaddejna minnhom biex lestejnieh.”4 U mbagħad, wara li b’ sagrifiċċju kbir lestewh, il-Qaddisin ġew mġiegħla jitilqu minn Ohio, lil hinn mit-tempju għażiż tagħhom. Eventwalment huma sabu refuġju, —għalkemm kellu jkun temporanju, fuq —ix-xatt tax-Xmara Mississippi fl-istat ta’ Illinois. Huma semmew il-belt il-ġdida tagħhom Nauvoo, fejn għal darb’oħra kienu lesti jagħtu kollox u, b’fidi dejjem soda, huma bnew tempju ieħor lil Alla tagħhom. Madankollu kien hemm persekuzzjonijiet kbar, u filwaqt li t-Tempju ta’ Nauvoo bilkemm kien għadu lest, huma għal darb’oħra reġgħu ġew imġiegħla jħallu djarhom, u jfittxu r-refuġju f’ deżert,
Hemmhekk reġgħu bdew jissaraw mal-ħajja u b’sagrifiċċji kbar ta’ ħidma ta’ 40 sena bnew it-Tempju ta’ Salt Lake, li jinsab wieqaf b’ mod maestuż fil-blokk li hemm fin-naħa t’ isfel taċ-Ċentru tal-Konferenzi fejn ninsabu llum.
Dejjem ikun hemm xi ftit tas-sagrifiċċju assoċjat mal-bini tat-tempji u mal-attendenza tat-tempju. Bosta huma dawk li ħadmu bis-sħiħ u batew sabiex ikunu jistgħu jiksbu, kemm għalihom kif ukoll għall-familji tagħhom, il-barkiet li nsibu fit-tempji ta’ Alla.
Għalfejn ħafna huma lesti li jissagrifikaw tant sabiex ikunu jistgħu jirċievu l-barkiet tat-tempju? Dawk li jagħrfu l-barkiet eterni li jistgħu jinkisbu biss fit-tempju jafu li m’ hawn l-ebda sagrifiċċju kbir wisq, l-ebda prezz għoli wisq, l-ebda tbatija diffiċli wisq sabiex inkunu nistgħu nirċievu dawn il-barkiet. L-ebda distanza m’hi twila wisq, l-ebda ostaklu m’hu kbir wisq, u l-ebda skonfort m’hu instaportabbli. Huma jifhmu li l-ordinanzi tas-salvazzjoni li nirċievu fit-tempju, li jagħtuna ċ-ċans li xi darba nerġgħu lura għand Missierna tas-Smewwiet bħala parti minn familja eterna u li permezz tagħhom ningħataw l-għotja mqaddsa kollha barkiet u qawwa mis-smewwiet, jiswew kull sagrifiċċju u kull sforz.
Illum ħafna minna m’ għandniex għalfejn ngħaddu minn xi tbatijiet kbar sabiex nattendu t-tempju. Ħamsa u tmenin fil-mija tal-membri tal-Knisja ma joqogħdux ’il bogħod aktar minn 200 mil (320 km) minn xi tempju, u għal ħafna minna, id-distanza hija ferm aqsar.
Jekk inti mort it-tempju għalik innifsek u jekk toqgħod viċin ta’ xi tempju, is-sagrifiċċju tiegħek jista’ jkun li tiddedika ħin mill-ħajja ferm attiva tiegħek sabiex iżżur it-tempju regolarment. Hemm ħafna xi jsir fit-tempji tagħna f’ isem dawk li jinsabu jistennew fin-naħa l-oħra tal-velu. Hekk kif nagħmlu x-xogħol f’ isimhom, aħna nkunu nafu li wettaqna dak li huma ma jistgħux iwettqu għalihom infushom. Il-President Joseph F. Smith, f’ dikjarazzjoni mill-aqwa, iddikjara, “Permezz ta’ dak li nwettqu f’ isimhom, huma jinħallu mill-ktajjen tal-jasar, u d-dalma li jinsabu mdawrin biha tgħib, biex b’ hekk id-dawl jiddi fuqhom u hemmhekk fid-dinja tal-ispirti huma jsiru jafu bil-ħidma li twettqet għalihom hawn fid-dinja minn uliedhom, u huma jifirħu magħkom fit-twettiq ta’ dmirijietkom.”5 Ħuti, din il-ħidma hija responsabbiltà tagħna.
Fil-familja tiegħi, uħud mill-aktar mumenti sagri u għeżież li aħna esperjenzajna seħħew meta aħna ngħaqadna flimkien fit-tempju biex inwettqu l-ordinanzi tas-siġill għall-antenati mejtin tagħna.
Jekk inti qatt ma mort it-tempju jew jekk inti diġà mort iżda bħalissa ma tikkwalifikax għar-rakkomandazzjoni, m’ għandu jkun hemm ebda għan aktar importanti għalik minn dak li taħdem sabiex tkun den li tmur it-tempju. Is-sagrifiċċju tiegħek jista’ jkun li tagħmel dak it-tibdil neċessarju f’ ħajtek li jgħinek tikkwalifika sabiex tirċievi rakkomandazzjoni, billi forsi tabbanduna ċerti vizzji li qed iżżommuk milli tikkwalifika. Jista’ jkun li jkollok il-fidi u d-dixxiplina li tħallas id-dieċmi tiegħek. Hu x’ inhu dak li qed iżommok, ara li tikkwalifika sabiex tidħol fit-tempju ta’ Alla. Ikseb rakkomandazzjoni tat-tempju u għożża bħala xi ħaġa prezzjuża, kif fil-fatt hi.
Jekk inti għadek ma dħaltx fid-dar tal-Mulej u għadek ma rċevejtx il-barkiet kollha li hemm jistennewk hemmhekk, inti għadek ma ksibtx dak kollu li l-Knisja għandha x’ toffri. L-ogħla u l-aktar barkiet importanti li nistgħu niksbu bħala membri tal-Knisja huma dawk il-barkiet li aħna nirċievu fit-tempji ta’ Alla.
Issa, ħbieb tiegħi adolexxenti, araw li ħarsitkom tkun dejjem fuq it-tempju. Tagħmlu xejn li jista’ jżommkom milli tidħlu hemm ġew u tgawdu l-barkiet sagri u eterni li tistgħu tiksbu hemmhekk. Prosit lilkom kollha li diġà tattendu t-tempju regolarment biex twettqu l-magħmudija għall-mejtin, filwaqt li tqumu fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu sabiex tieħdu sehem f’ dawn il-magħmudijiet qabel tibda l-iskola. Ma nistax naħseb b’ mod aħjar kif tista’ tibda l-jum.
Lilkom il-ġenituri tat-tfal iż-żgħar, ħa naqsam magħkom daqxejn ta’ parir għaqli mill-President Spencer W. Kimball. Huwa qal: “Tkun ħaġa mill-isbaħ jekk … f’ kull kamra tas-sodda l-ġenituri jwaħħlu stampa tat-tempju ħalli [wliedhom] minn meta jkunu għadhom ċkejknin ikunu jistgħu jħarsu kuljum lejn l-istampa sakemm din issir parti minn [ħajjithom]. Meta [huma jagħlqu] l-età li [għandhom] bżonn sabiex ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjoni mill-aktar importanti [jekk imorrux it-tempju], id-deċiżjoni jkunu diġà għamluha.”6
Fil-Primarja t-tfal tagħna jkantaw:
Nitlobkom sabiex tgħallmu lil uliedkom dwar l-importanza tat-tempju.
Id-dinja tista’ tkun għalina li ngħixu fiha post mimli sfidi u diffikultajiet. Ta’ spiss aħna nsibu ruħna mdawrin bi ħwejjeġ li jgħaddsuna ’l isfel. Hekk kif intom u jiena mmorru fid-djar imqaddsa ta’ Alla, hekk kif niftakru fil-patti li nagħmlu hemm ġew, aħna nsiru aktar kapaċi nikkumbattu kull sfida u negħlbu kull tentazzjoni. F’ dan is-santwarju sagru aħna nsibu s-sliem; aħna niġġeddu u niffortifikaw ruħna.
Issa, ħuti, ippermettuli nsemmi tempju ieħor qabel nagħlaq. Fil-futur viċin, hekk kif numru ta’ tempji ġodda madwar id-dinja jibdew jieħdu l-forma, sa jinbena tempju f’ belt li twaqqfet aktar minn 2, 500 sena ilu. Qed nirreferi għat-tempju li bħalissa qed jinbena f’ Ruma, l-Italja.
Kull tempju huwa dar ta’ Alla, li jaqdi l-istess funzjonijiet u bl-istess barkiet u ordinanzi. It-Tempju ta’ Ruma, fl-Italja, b’ mod uniku, qed jinbena f’ wieħed mill-aktar postijiet storiċi fid-dinja, belt fejn l-Appostli tal-qedem, Pietru u Pawlu, ippridkaw l-evanġelju ta’ Kristu u fejn it-tnejn li huma mietu martri.
F’ Ottubru li għadda, hekk kif inġbarna fuq art pastorali mill-isbaħ fit-tramuntana ta’ Ruma, jiena kelli l-opportunità li noffri talba ta’ dedikazzjoni hekk kif konna qed inħejju biex nibdew inħaffru. Xi ħaġa fija qaltli sabiex nitlob lis-senatur Taljan Lucio Malan u lill-viċi sindku ta’ Ruma Giuseppe Ciardi sabiex ikunu fost l-ewwel nies li jimpalaw it-terrapien mill-art. It-tnejn li huma kellhom sehem importanti fid-deċiżjoni li nitħallew nibnu tempju fil-belt tagħhom.
Il-jum kien wieħed imsaħħab iżda sħun, u għalkemm ix-xita kienet mejta biex tagħmel, ma għamlitx aktar minn taqtira jew tnejn. Hekk kif il-kor manjifiku kanta bit-Taljan il-versi sbieħ ta’ “L-Ispirtu ta’ Alla,” ħassejna lkoll bħallikieku s-sema u l-art jingħaqdu flimkien f’ innu glorjuż ta’ tifħir u gratitudni lil Alla s-Setgħan. Ma stajniex inżommu d-dmugħ.
Dalwaqt, il-fidili f’ din belt, il-Belt Eterna, sa jirċievu ordinanzi ta’ natura eterna fid-dar imqaddsa ta’ Alla.
Nesprimi l-gratitudni mill-aktar kbira tiegħi ma’ Missieri tas-Smewwiet għat-tempju li issa qed jinbena f’ Ruma u għat-tempji kollha tagħna, qegħdin fejn qegħdin. Kull wieħed minnhom jinsab wieqaf bħal fanal li jdawwal id-dinja, espressjoni tat-testimonjanza tagħna li Alla, il-Missier Etern tagħna, jgħix, li Huwa jixtieq li jberikna u, filfatt, ibierek lil uliedu kollha ta’ kull ġenerazzjoni. Kull tempju tagħna huwa espressjoni tat-testimonjanza tagħna li l-ħajja lil hinn mill-qabar hija reali u ċerta daqs il-ħajja tagħna hawn fid-dinja. Jiena nagħti xhieda ta’ dan.
Għeżież ħuti, ejjew nagħmlu kull sagrifiċċju meħtieġ sabiex nattendu t-tempju u jkollna l-ispirtu tat-tempju f’ qalbna u fi djarna. J’ Alla nimxu wara l-passi tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li wettaq is-sagrifiċċju finali għalina lkoll, sabiex aħna jkollna l-ħajja eterna u l-eżaltazzjoni fis-saltna ta’ Missierna tas-Smewwiet. Din hija t-talba sinċiera tiegħi, u jiena noffriha f’ isem is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.
© 2011 by Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/10. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/10. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, May 2011. Maltese. 09765 159