2011
Opportunitajiet li Nagħmlu t-Tajjeb
Mejju 2011


Opportunitajiet li Nagħmlu t-Tajjeb

Il-mod li bih il-Mulej jgħin lil dawk li jinsabu fi bżonn materjali huwa permezz ta’ persuni oħra li b’ imħabba jikkonsagraw lilhom infushom u ġidhom għal Alla u għall-ħidma Tiegħu.

Għeżież ħuti, l-għan tal-messaġġ tiegħi hu li nonora u niċċelebra dak li għamel u għadu jagħmel il-Mulej sabiex f’ din id-dinja Huwa jaqdi lill-foqra u lil uliedu fil-bżonn. Huwa jħobb lil uliedu fil-bżonn u anke lil dawk li jridu jgħinu. U Huwa ħoloq mod kif ibierek kemm lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna kif ukoll lil dawk li jagħtuha.

Missierna tas-Smewwiet jisma’ t-talb ta’ wliedu madwar id-dinja li jitolbuh bi ħniena sabiex ikollhom ikel x’ jieklu, ħwejjeġ biex jgħattu ġisimhom, u d-dinjità li jħossu meta huma jkunu kapaċi jipprovdu għalihom infushom. Dan it-talb ilu jisimgħu minn meta Huwa poġġa l-ewwel raġel u mara fid-dinja.

Tista’ tiltaqa’ ma’ min hu fil-bżonn kemm fejn inti toqgħod kif ukoll madwar id-dinja kollha. F’ qalbek spiss tħoss sentimenti ta’ simpatija. Meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd li qed isibha diffiċli sabiex isib impjieg, inti tħoss ix-xewqa li tgħin. Tħoss l-istess xewqa meta tmur f’ dar ta’ xi armla u tara li m’ għandhiex ikel. Tħoss l-istess meta tara ritratti ta’ tfal jibku bilqiegħda fil-fdalijiet ta’ dik li xi darba kienet darhom, meqruda permezz ta’ terremot jew nirien.

Peress li l-Mulej jisma’ t-talb tagħhom u jħoss il-kompassjoni kbira tiegħek għalihom, Huwa, mill-bidu taż-żminijiet, ipprovda diversi modi kif id-dixxipli Tiegħu jkunu jistgħu jgħinu. Huwa stieden lil uliedu sabiex jikkonsagraw ħinhom, ġidhom u lilhom infushom u jingħaqdu miegħu ħalli jgħinu lil ħaddieħor.

Kien hemm żmien meta l-mod li bih Huwa jgħin kien jissejjaħ il-liġi tal-konsagrazzjoni. Fi żminijiet oħra il-mod Tiegħu kien jissejjaħ l-ordni uniti. Fi żminijietna insejħulu l-programm tal-għajnuna soċjali tal-Knisja.

L-ismijiet u d-dettalji tal-operat inbidel sabiex jirrifletti l-bżonnijiet u l-kundizzjonijiet tan-nies. Iżda l-mod li bih il-Mulej jgħin lil dawk li jinsabu fi bżonn materjali huwa dejjem permezz ta’ persuni li b’ imħabba jikkonsagraw lilhom infushom u ġidhom għal Alla u għall-ħidma Tiegħu.

Huwa stieden lilna u kkmandana sabiex nipparteċipaw fil-ħidma Tiegħu li ngħinu lil min hu fil-bżonn. Aħna nagħmlu patt li nagħmlu dan fl-ilmijiet tal-magħmudija u fit-tempji mqaddsa ta’ Alla. Aħna nġeddu dan il-patt kull nhar ta’ Ħadd meta nieħdu sehem fis-sagrament.

L-għan tiegħi llum hu li niddeskrivi xi wħud mill-opportunitajiet li Huwa pprovdielna sabiex ngħinu lil oħrajn fil-bżonn. Fil-ftit ħin li għandna flimkien ma nistax insemmihom kollha. It-tama tiegħi hi li nġedded u nsaħħaħ l-impenn tagħkom li tagħmlu dak li hu mitlub minnkom.

Jeżisti innu dwar l-istedina tal-Mulej għal din il-ħidma, li jiena ili nkanta minn meta kont għadni tifel ċkejken. Fit-tfulija tiegħi jiena kont aktar nagħti każ tal-melodija ferrieħa tiegħu milli tal-kliem. Nitlob sabiex illum tħossu l-qawwa tal-kliem tiegħu f’ qalbkom. Ejjew nerġgħu nisimgħu kliemu:

Għamilt xi ħaġa tajba fid-dinja illum?

Għint lil xi ħadd fil-bżonn?

Ferraħt lill-imnikket u ġibt tbissima lil xi ħadd?

Jekk le, jiena fallejt.

Kien hemm min ħfifitlu t-tagħbija llum

Għax jien kont lest ngħinu jġorrha?

Il-morda u l-magħtuba ġew megħjuna llum?

Meta kellhom bżonni jien għinthom?

Għalhekk qum u għamel xi ħaġa aktar

Milli toħlom fuq is-saltna tiegħek fis-sema.

Li tagħmel it-tajjeb hu pjaċir, ferħ mingħajr limitu,

Barka ta’ impenn u mħabba.1

Il-Mulej għandu mod kif regolarment isejħilna. Xi kultant tista’ tkun xi sentiment spontanju ta’ simpatija lejn xi ħadd fil-bżonn. Missier seta’ ħass dan is-sentiment meta ra tifel jaqa’ u jisloħ irkobbtu. Omm setgħet ħasset dan meta hija semgħet il-biki terribbli ta’ wliedha matul il-lejl. Iben jew bint setgħu ħassew simpatija għal xi ħadd li kien jidher imdejjaq jew beżgħan fl-iskola.

Lkoll kemm aħna xi darba ħassejna xi sentiment ta’ simpatija għal xi ħadd li lanqas biss nafu. Per eżempju, hekk kif inti smajt bir-rapporti tal-mewġ qalil fil-Paċifiku wara t-terremot fil-Ġappun, inti ħsibt f’ dawk li setgħu spiċċaw vittmi.

Eluf fostkom ħassejtu ġewwa fikom sentimenti ta’ simpatija meta smajtu bl-għargħar fi Queensland, l-Awstralja. Ir-rapporti tal-aħbarijiet ħafna drabi kienu jitkellmu dwar in-numru ta’ nies fil-bżonn. Iżda ħafna minnkom stajtu tħossu l-uġigħ tan-nies. Is-sejħa ġewwa l-Awstralja ġiet milqugħa minn madwar 1, 500 voluntier jew aktar, kollha membri tal-Knisja, li marru sabiex jgħinu u jfarrġu.

Huma kkonvertew is-sentimenti ta’ simpatija tagħhom f’ deċiżjoni li jaġixxu skont il-patti tagħhom. Jiena rajt b’ għajnejja l-barkiet li jaslu għand dik il-persuna fil-bżonn, li tirċievi l-għajnuna, u għand il-persuna li taħtaf l-opportunità li tagħti din l-għajnuna.

Ġenituri għaqlin jaraw f’ kull bżonn li jkollu ħaddieħor mod kif huma jistgħu jistiednu bosta barkiet fil-ħajja ta’ wliedhom. Dan l-aħħar kien hemm tlett itfal li ġew iħabbtu l-bieb tad-dar tagħna b’ kontenituri mimlija ikel delizzjuż f’ idejhom. Il-ġenituri tagħhom kienu jafu li kellna bżonn l-għajnuna, u huma inkludew lil uliedhom fl-opportunità li jaqduna.

Il-ġenituri bierku l-familja tagħna bis-servizz ġeneruż tagħhom. Peress li huma għażlu li jħallu lil uliedhom jipparteċipaw f’ dak li huma tawna, huwa estendew il-barkiet lin-neputijiet futuri tagħhom. It-tbissima fuq wiċċ it-tfal hekk kif huma ħallew darna kienet tgħidli li hekk kien sa jkun. Huma se jgħidu lil uliedhom bil-ferħ li huma ħassew meta qdew b’ imħabba lill-Mulej. Niftakar is-sentiment ta’ sodisfazzjoni li ħassejt ġewwa fija meta kont għadni tifel u lqajt l-istedina ta’ missieri biex immur inneħħi l-ħaxix ħażin ta’ wieħed mill-ġirien tagħna. Kull meta niġi mistieden sabiex nagħti, jiena niftakar u nemmen il-kliem “Ħelu x-xogħol, Alla tiegħi u Sultan tiegħi.”2

Naf li dak il-kliem ġie miktub sabiex jiddeskrivi l-ferħ li tħoss meta tadura lill-Mulej f’ jum is-Sabbat. Iżda dawk it-tfal li ġew bl-ikel id-dar tagħna kienu qed iħossu dan l-istess ferħ, f’ jum fost il-ġimgħa, għaliex kienu qed iwettqu l-ħidma tal-Mulej. U l-ġenituri tagħhom raw l-opportunità li jagħmlu t-tajjeb u jgħaddu dan il-ferħ għall-ġenerazzjonijiet oħra.

Il-mod li bih il-Mulej jieħu ħsieb dawk fil-bżonn jipprovdi opportunità oħra għall-ġenituri li jbierku lil uliedhom. Darba waħda f’ jum il-Ħadd jiena rajt dan iseħħ ġewwa kappella. Tifel ċkejken għadda lill-isqof l-envelops bid-donazzjoni tal-familja tiegħu malli daħal fil-kappella qabel il-laqgħa tas-sagrament.

Jiena kont naf lill-familja u lit-tifel. Il-familja kienet taf li xi ħadd fil-qasam kien fil-bżonn. Missier it-tifel qal xi ħaġa hekk lil ibnu huwa u jpoġġi fl-envelops offerta tas-sawm, li kienet aktar ġeneruża mis-soltu: “Illum aħna somna u tlabna għal dawk fil-bżonn. Jekk jogħġbok agħti l-envelops lill-isqof f’ isimna. Jiena naf li huwa jgħaddi l-flus lil min għandu aktar bżonnhom minna.”

Flok l-istimoli tal-ġuħ, dak it-tifel se jibqa’ jiftakar dan jum il-Ħadd b’ ċertu sodisfazzjon ħelu. Mit-tbissima li kellu fuq ħaddejh u mill-mod li bih żamm l-envelops stajt nara li huwa ħass il-fiduċja kbira ta’ missieru li jkun hu li jġorr l-offerta tal-familja għall-foqra. Huwa jibqa’ jiftakar dak il-jum meta ħa jsir djaknu, u forsi jibqa’ jiftakru għal dejjem.

Rajt l-istess ferħ fuq wiċċ dawk li snin ilu għenu lill-Mulej f’ Idaho. It-Teton Dam infaqa’ s-Sibt, 5 ta’ Ġunju, 1976. Kienu mietu ħdax-ir ruħ. Eluf kellhom iħallu djarhom fi ftit sigħat. Xi djar inġarru mal-ilmijiet. U mijiet ta’ postijiet oħra baqgħu fi stat abitabbli grazzi għall-isforz u l-għajnuna mogħtija lis-sidien tad-djar minn nies oħra.

Dawk li semgħu bit-traġedja ħassew simpatija, u xi wħud ħassew is-sejħa li jagħmlu t-tajjeb. Ġirien, isqfijiet, presidenti tas-Soċjetà tal-Għajnuna, mexxejja tal-kworum, għalliema tad-djar u għalliema taż-żjajjar ħallew djarhom u l-post tax-xogħol tagħhom sabiex marru jnaddfu d-djar mgħarrqa ta’ ħaddieħor.

Koppja minnhom irritornat lura f’ Rexburg wara vaganza ftit wara l-għargħar. Huma lanqas biss marru jaraw f’liema stat kienet tinsab darhom. Minflok, huma marru jfittxu lill-isqof biex jistaqsuh kif setgħu jgħinu. Huwa ddireġihom lejn familja fil-bżonn.

Wara ftit jiem huma marru jaraw f’liema stat kienet darhom. Lanqas biss kienet għadha hemm, għaliex kienet inġarret mill-ilmijiet. Huma sempliċement marru lura għand l-isqof u staqsewh, “Issa xi tridna nagħmlu?”

Inti minn fejn inti, xi darba rajt il-miraklu tas-simpatija jittraduċi ruħu f’ għemejjel altruwisti. Jista’ jkun li dan inti ma rajtux iseħħ b’ riżultat ta’ xi diżastru naturali. Fil-kworum tas-saċerdozju jiena rajt wieħed minn ħutna iqum jiddeskrivi l-bżonnijiet ta’ persuna li kienet qed tfittex xi opportunità li taħdem xi ħaġa sabiex tkun tista’ tissapportja lilha nnifisha jew lill-familja tagħha. Stajt inħoss ċerta simpatija fil-kamra, iżda xi wħud issuġġerixxew xi ismijiet ta’ nies li setgħu forsi jimpjegaw lil dik il-persuna li kellha bżonn il-xogħol.

Dak li ġara f’ dak il-kworum tas-saċerdozju u dak li ġara fid-djar mgħarrqa f’ Idaho huwa manifestazzjoni tal-mod li bih il-Mulej jgħin lil dawk li qegħdin verament fi bżonn sabiex ikunu jistgħu jibdew isostnu lilhom infushom. Aħna nħossu l-kompassjoni, u nafu kif għandna naġixxu biex ngħinu bil-mod li jrid il-Mulej.

Din is-sena sa niċċelebraw il-75 anniversarju minn meta twaqqaf il-programm ta’ għajnuna soċjali tal-Knisja. Dan kien ġie fis-seħħ sabiex jgħin lil dawk li tiflu l-impjieg, ir-razzett u saħansitra lil djarhom, fil-bidu ta’ dik li saret magħrufa bħala d-Dipressjoni l-Kbira.

Fi żminijietna, ulied Missierna tas-Smewwiet reġgħu jinsabu fi bżonn temporali kbir, l-istess kif kienu fi żminijiet passati u kif se jkunu f’ kull żmien ieħor. Il-prinċipji fil-qofol tal-programm tal-għajnuna soċjali tal-Knisja m’humiex biss għal xi żmien jew post partikolari. Qegħdin għal kull żmien u kull post.

Dawk il-prinċipji huma spiritwali u eterni. Għal dik ir-raġuni, jekk aħna nifhmuhom u nnaqqxuhom ġewwa qlubna ħa jsir possibbli għalina li naraw u naħtfu kull opportunità li jkollna biex ngħinu kull meta u kull fejn jistedinna l-Mulej.

Dawn huma xi prinċipji li lili ggwidawni meta jiena ridt ngħin kif irid minni l-Mulej u meta jiena ġejt megħjun minn ħaddieħor.

L-ewwelnett, in-nies kollha jkunu ferm aktar ferħanin u jħossu ferm aktar rispett lejhom infushom meta huma jistgħu jipprovdu għalihom infushom u għall-familji tagħhom u mbagħad jippruvaw jgħinu lil ħaddieħor. Jiena kont grat għal dawk li għenuni nilħaq il-bżonnijiet tiegħi. Ħassejtni saħansitra aktar grat matul is-snin għal dawk li għenuni nsir kapaċi nsostni lili nnifsi. U mbagħad ħassejtni l-aktar grat għal dawk li wrewni kif nista’ nuża ż-żejjed tiegħi sabiex ngħin lil ħaddieħor.

Tgħallimt li l-mod kif seta’ jkolli żżejjed huwa billi nonfoq anqas milli naqla’. B’ dak iż-żejjed kont kapaċi nitgħallem li huwa aħjar nagħti milli nirċievi. Dan huwa minnu għaliex meta nagħtu bil-mod li jrid il-Mulej, Huwa jberikna.

Il-President Marion G. Romney qal dan dwar il-ħidma tal-għajnuna soċjali, “Ma tistax tagħti lilek iniffsek fqir f’ din il-ħidma.” U mbagħad huwa kkwota lill-president tal-missjoni tiegħu, Melvin J. Ballard, b’ dan il-mod: “Meta bniedem jagħti loqma ħobż lill-Mulej hu jirċievi lura bezzun sħiħ.”3

F’ ħajti sibt li dan huwa verament minnu. Meta jiena nkun ġeneruż ma’ wlied Missierna tas-Smewwiet li huma fil-bżonn, Huwa jkun ġeneruż miegħi.

Prinċipju ieħor tal-evanġelju li kien għalija gwida fil-ħidma tal-għajnuna soċjali huwa l-qawwa u l-barka tal-għaqda. Meta aħna ningħaqdu flimkien sabiex naqdu lil min hu fil-bżonn, il-Mulej jgħaqqad qlubna flimkien. Il-President J. Reuben Clark Jr. spjegaha b’ dan il-mod: “L-għajnuna li tajna lil ħaddieħor … ġabet … sentiment ta’ għaqda komuni bejn l-aħwa hekk kif irġiel b’ ħiliet u professjonijiet diversi ħadmu spalla ma’ spalla biex ikabbru prodotti tal-ikel għal min hu fil-bżonn jew ħadmu f’ xi proġett ieħor.”4

Dan is-sentiment qawwi ta’ għaqda bejn l-aħwa huwa minnu kemm għal min jirċievi kif ukoll għal min jagħti. Sal-lum, għadni nħoss ċerta rabta ma’ raġel li miegħu kont impalajt il-ħama spalla ma’ spalla fid-dar mgħarrqa tiegħu f’ Rexburg. U huwa jħoss dinjità personali akbar talli hu għamel dak kollu li seta’ għalih innifsu u għall-familja tiegħu. Kieku ħdimna għal rasna, konna, t-tnejn li aħna, nitilfu barka spiritwali.

Dan iwassal għat-tielet prinċipju ta’ azzjoni fil-ħidma tal-għajnuna soċjali għalija: Involvi l-familja tiegħek fil-ħidma miegħek sabiex huma jistgħu jitgħallmu jieħdu ħsieb xulxin hekk kif jieħdu ħsieb ħaddieħor. Dawk uliedek li jaħdmu miegħek biex flimkien taqdu lil min hu bil-bżonn ikunu aktar lesti li jgħinu lil xulxin meta huma jkunu fil-bżonn.

Ir-raba’ prinċipju importanti tal-għajnuna soċjali tal-Knisja tgħallimtu bħala isqof. Ġej mill-kmandament li hemm fl-iskrittura li nfittxu lill-foqra. Huwa d-dmir tal-isqof li jsib u jipprovdi l-għajnuna lil dawk li għadhom fil-bżonn wara li huma, kif ukoll il-familji tagħhom, ikunu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu. Sibt li l-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jagħmilha possibbli li “tfittex, u ssib”5 meta tfittex lill-foqra bl-istess mod li Huwa jgħinek tfittex il-verità. Iżda tgħallimt ukoll ninvolvi lill-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna fit-tfittix tiegħi. Jista’ jkun li hija tirċievi r-rivelazzjoni qablek.

Xi wħud minnkom sa jkollkom bżonn dik l-ispirazzjoni fix-xhur li ġejjin. Biex nikkommemoraw il-75 anniversarju tal-programm tal-għajnuna soċjali tal-Knisja, il-membri madwar id-dinja se jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw f’ jum ta’ servizz. Il-mexxejja u l-membri jfittxu r-rivelazzjoni waqt li huma jippjanaw il-proġett partikolari tagħhom.

Jiena sa nagħti tliet suġġerimenti kif għandek tippjana l-proġett ta’ servizz tiegħek.

L-ewwel, ħejji spiritwalment lilek iniffsek u lil dawk li inti tmexxi. Huwa biss meta l-qlub jirtabu permezz tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur li inti tkun tista’ tara b’ mod ċar l-għan tal-proġett bħala barka li tbierek, kemm spiritwalment kif ukoll temporalment, il-ħajja ta’ wlied Missierna tas-Smewwiet.

It-tieni suġġeriment tiegħi hu li, bħala dawk li se jirċievu s-servizz tiegħek, tagħżel nies minn fost is-saltna jew mill-komunità li l-bżonnijiet tagħhom imissu l-qlub ta’ dawk li jagħtu s-servizz. In-nies li jservu se jħossu l-imħabba tagħhom. Dan jaf jagħmilhom ferm aktar kuntenti, kif twiegħed l-għanja, milli kieku huma jiġu megħjuna biss b’ mod temporali.

L-aħħar suġġeriment tiegħi hu sabiex tippjanaw li tużaw il-qawwa tal-għaqda tal-familji, tal-kwora, tal-organizzazzjonijiet awżiljarji, u ta’ nies li tafu fil-komunità tagħkom. Is-sentimenti tal-għaqda jimmultiplikaw l-effetti tajba tas-servizz li intom tagħtu. U dawk is-sentimenti ta’ għaqda fil-familji, fil-Knisja, u fil-komunità jikbru u jsiru wirt li ma jintemmx wara li l-proġett ikun intemm.

Nieħu din l-opportunità sabiex ngħidilkom kemm napprezzakom. Permezz tas-servizz kollu mħabba li intom tajtu għall-Mulej, jiena kont dak li rċevejt il-gratitudni ta’ nies li intom għintu u li magħhom jiena ltqajt madwar id-dinja.

Intom sibtu mod kif televawhom hekk kif offrejtu l-għajnuna tagħkom kif irid il-Mulej. Intom u dixxipli tas-Salvatur umli bħalkom ferrixtu ħobżkom fuq wiċċ il-baħar permezz tas-servizz li intom tajtu, u n-nies li għintu ppruvaw jagħtuni lura bezzun ta’ gratitudni.

Nirċievi l-istess espressjoni ta’ apprezzament minn nies li ħadmu flimkien magħkom. Niftakar darba kont wieqaf ħdejn il-President Ezra Taft Benson. Konna qed nitkellmu dwar is-servizz tal-għajnuna soċjali fil-Knisja tal-Mulej. Huwa ssorprendieni bil-ħeġġa żagħżugħa tiegħu meta qalli, filwaqt li għafas idejh ma’ xulxin, “Inħobbha din il-ħidma, u hija verament ħidma!”

F’ isem l-Imgħallem nirringrazzjakom għall-ħidma tagħkom li sservu lil ulied Missierna tas-Smewwiet. Huwa jafkom, u Hu jara l-isforz, id-diliġenza u s-sagrifiċċju tagħkom. Nitlob sabiex Huwa jagħtikom il-barka li taraw il-frott ta’ ħidmietkom fil-ferħ ta’ dawk li intom għintu u ta’ dawk li flimkien magħhom għintu għall-Mulej.

Jiena naf li Alla l-Missier jgħix u li Hu jisma’ talbna. Jiena naf li Ġesù huwa l-Kristu. Intom u dawk li intom isservu tistgħu tiġu ppurifikati u msaħħin jekk lilu intom taqdu u żżommu l-kmandamenti Tiegħu. Intom, bħali, tistgħu ssiru tafu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li Joseph Smith kien il-profeta ta’ Alla li rrestawra l-Knisja vera u ħajja, li hi sewwasew din il-Knisja. Nixhed li l-President Thomas S. Monson huwa l-profeta ħaj ta’ Alla. Huwa eżempju kbir ta’ dak li għamel il-Mulej. għaddej jagħmel il-ġid. Nitlob sabiex naħtfu l-opportunitajiet li jiġuna li “ngħollu l-idejn dgħajfa u nsaħħu l-irkobbtejn fraġli.”6 Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja