Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Lulju 2011
Ejjew it-Tempju u Rċievu Barkietkom
Studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.
Ħuti, aħna mill-aktar imberkin. Is-Salvatur jinsab wieqaf f’ ras il-Knisja. Aħna mmexxijin minn profeti ħajjin. Aħna għandna l-iskrittura mqaddsa. U għandna bosta tempji mqaddsa madwar id-dinja kollha fejn nistgħu niksbu l-ordinanzi neċessarji li jgħinuna nerġgħu lura għand Missierna tas-Smewwiet.
L-ewwel immorru t-tempju għalina nfusna. “L-għan ewlieni tat-tempju,” spjega l-Presbiteru Robert D. Hales tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, “hu li jipprovdi l-ordinanzi neċessarji għall-eżaltazzjoni tagħna fis-saltna ċelestjali. L-ordinanzi tat-tempju jiggwidawna lejn is-Salvatur tagħna u jagħtuna l-barkiet li niksbu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. It-tempji huma l-akbar università ta’ tagħlim li nafu biha, fejn fihom niksbu l-għarfien u l-għerf dwar il-Ħolqien tad-dinja. L-istruzzjonijiet tal-Għotja Mqaddsa jiggwidawna kif għandna mmexxu ħajjitna f’ din il-ħajja mortali. … L-ordinanza tikkonsisti f’ numru ta’ struzzjonijiet dwar kif għandna ngħixu u numru ta’ patti li nagħmlu biex ngħixu ħajja ġusta billi nimxu wara s-Salvatur tagħna.”1
Iżda s-servizz tagħna tat-tempju ma jiqafx hawn. Il-President Boyd K. Packer, il-President tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, għallem: “Sabiex tagħmilha ta’ prokuratur għal xi ħadd li għadda għan-naħa l-oħra tal-velu, inti trid terġa’ tara l-patti kollha li kont għamilt qabel jitwettqu għal darb’oħra quddiemek. Terġa’ tiffriska mill-ġdid f’ moħħok il-barkiet spiritwali kbar li huma marbuta mad-dar tal-Mulej. … Fil-qofol ta’ dawn il-patti u ordinanzi hemm il-barkiet li inti tista’ tikseb fit-tempju mqaddes.”2
Ejjew it-tempju u mbagħad erġgħu ejjew. Meta aħna nagħmlu u nżommu l-patti tat-tempju aħna nkunu qegħdin inħejju lilna nfusna għall-akbar barka fost il-barkiet kollha—il-ħajja eterna.
Barbara Thompson, it-tieni kunsilliera fil-presidenza ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna.
Mill-Iskrittura
Isaija 2:3; 1 Korintin 11:11; Apokalissi 7:13–15; Doctrine and Covenants 109
Mill-Istorja Tagħna
Il-Profeta Joseph tkellem ta’ spiss mal-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna waqt il-laqgħat tagħhom. Bit-Tempju ta’ Nauvoo qed jinbena, il-Profeta għallem id-duttrina lill-aħwa nisa, fejn ħejjiehom sabiex jirċievu aktar għarfien permezz tal-ordinanzi tat-tempju. Fl-1942 huwa qal lil Mercy Fielding Thompson li l-Għotja Mqaddsa “toħorġok mid-dalma u ddaħħlek f’ dawl meraviljuż.”3
Kienu madwar 6,000 il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li rċevew l-ordinanzi tat-tempju qabel beda l-eżodu minn Nauvoo. Il-President Brigham Young (1801–77) qal, “Tant kienet kbira l-ħeġġa li wrew il-qaddisin sabiex jirċievu l-ordinanzi [tat-tempju], u tant kienet kbira l-ħeġġa min-naħa tagħna li namministraw lil dawn il-qaddisin, li jiena ddedikajt ħini kollu, lejl u nhar, għall-ħidma tal-Mulej fit-tempju, u spiċċajt norqod biss dawk l-erba’ sigħat kuljum, u d-dar immur biss darba fil-ġimgħa.”4 Il-kobor u l-qawwa tal-patti tat-tempju iffortifikaw lill-Qaddisin hekk kif huma ħallew il-belt tagħhom u t-tempju tagħhom u telqu minn hemm bla ma jafu fejn kienu sejrin.
© 2011 by Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/10. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/10. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, July 2011. Maltese. 09767 159