2011
O Ħija, Jiena Diġà Kkommettejt Ruħi
Lulju 2011


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Lulju 2011

O Ħija, Jiena Diġà Kkommettejt Ruħi

Fil-quċċata ta’ rdum baxx li jagħti fuq l-ilmijiet ċari kristall ta’ lag mill-aktar ikħal kien hemm wieqfa żewġt aħwa żgħażagħ. Dan kien post popolari ħafna ma’ dawk li jħobbu jaqbżu fil-baħar, u l-aħwa ta’ spiss kienu tkellmu bejniethom li xi darba jagħmlu l-qabża—xi ħaġa li kienu jaraw lil ħaddieħor jagħmilha.

Għalkemm it-tnejn li huma riedu jippruvaw il-qabża, l-ebda wieħed minnhom ma ried jibda hu. L-irdum ma kienx għoli tal-għaġeb, iżda għaż-żewġ subien donnu li d-distanza minn fejn kienu sa wiċċ il-baħar kienet tikber iktar ma bdew jinklinaw ’il quddiem—u l-kuraġġ tagħhom beda dejjem jonqos.

Finalment, wieħed mill-aħwa poġġa sieq waħda fuq xifer l-irdum u b’ konvinzjoni inklina ruħu ’l quddiem. F’ dak il-mument, ħuh lissen minn taħt l-ilsien, “Forsi aħjar jekk nistennew sa sajf ieħor.”

Madankollu, id-deċiżjoni li kien ħa l-ewwel tfajjel kienet diġà mlietu bil-ħeġġa li jwettaq dak li kien sa jagħmel. “O ħija,” wieġeb hu, “Jiena diġà kkommettejt ruħi!”

Huwa qabeż ġo l-ilma u wara ftit reġa’ tfaċċa jgħajjat għajta ta’ wieħed rebbieħ. Mbagħad għamel l-istess bħalu ħuh. Wara, it-tnejn li huma daħqu flimkien dwar l-aħħar kliem li kien tenna l-ewwel tfajjel qabel ma qabeż ġol-ilma: “O ħija, jiena diġà kkommettejt ruħi.”

L-impenn jixbah ftit il-qbiż fil-baħar. Jew tikkommetti ruħek verament, jew le. Jew sa tagħmel pass ’il quddiem jew sa tibqa’ fejn tkun. M’ hemmx triq tan-nofs. Lkoll kemm aħna nħabbtu wiċċna ma’ ċerti mumenti li fihom nieħdu ċerti deċiżjonijiet li jibdlulna l-kumplament ta’ ħajjitna. Bħala membri tal-Knisja, għandna nistaqsu lilna nfusna, “Jiena sa naqbeż fl-ilma jew sa noqgħod wieqaf fix-xifer? Jiena se ninxteħet fil-baħar jew sempliċement se mmiss l-ilma b’ ponot subgħajja biex nara jekk l-ilma hux kiesaħ?”

Ċerti dnubiet jitwettqu għaliex nagħmlu l-ħażin; dnubiet oħra jitwettqu għaliex ma nagħmlu xejn. Impenn nofs qalb lejn l-evanġelju jista’ jwassal sabiex aħna nħossuna mimlijin frustrazzjoni, dwejjaq u ħtija. Aħna m’ għandniex inħossuna hekk għaliex aħna nies tal-patt. Meta nitgħammdu u meta nidħlu f’ Dar il-Mulej aħna nagħmlu ċerti patti mal-Mulej. L-irġiel jagħmlu patti mal-Mulej meta huma jkunu ordnati għas-saċerdozju. Xejn ma jista’ jkun aktar importanti għalina milli nżommu l-impenji li nkunu dħalna għalihom mal-Mulej. Ejjew niftakru t-tweġiba li taw Rakel u Lija lil Ġakobb fit-Testment il-Qadim. Kienet risposta sempliċi u mill-aktar diretta li wriet l-impenn tagħhom: “Kull ma ordnalek Alla, agħmlu” (Genesi 31:16).

Dawk li jidħlu għal dan l-impenn b’ nofs ħeġġa m’ għandhomx jistennew li jirċievu l-barkiet tat-testimonjanza, ferħ u paċi fil-milja sħiħa tagħhom. Bwieb is-sema kemm kemm jinfetħu għalihom. M’hijiex bluha li taħseb, “Issa nikkommetti ruħi 50 fil-mija, iżda meta jidher Kristu fit-Tieni Miġja, nikkommetti ruħi 100 fil-mija”?

L-impenn lejn il-patti tagħna mal-Mulej huwa frott tal-konverżjoni tagħna. L-Impenn lejn is-Salvatur tagħna u l-Knisja Tiegħu jibni l-karattru tagħna u jsaħħaħ l-Ispirtu tagħna ħalli meta aħna niltaqgħu ma’ Kristu, Huwa jħaddanna miegħu u jgħidilna, “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil” (Mattew 25:21).

Hemm differenza bejn intenzjoni u azzjoni. Dawk li l-impenn tagħhom huwa biss intenzjoni jafu jsibu xi skuża f’ kollox. Dawk li jidħlu verament għal dan l-impenn jiffaċċjaw l-isfidi tagħhom preċiżament b’ mod oppost u jgħidu lilhom infushom, “Iva, din tista’ tkun raġuni valida għaliex għandi nibqa’ nittratieni, iżda jien għamilt ċerti patti, u għalhekk jiena sa nagħmel dak li kkommettejt ruħi li nagħmel.” Huma jfittxu l-iskrittura u bis-serjetà jfittxu l-gwida ta’ Missierhom fis-Smewwiet. Huma jaċċettaw u jkabbru s-sejħiet tagħhom tal-Knisja. Huma jattendu l-laqgħat. Huma jwettqu t-tagħlim tad-dar jew taż-żjajjar tagħhom.

Hemm proverbju Ġermaniż li jgħid, “Il-wegħdi qishom il-qamar kwinta. Jekk ma jinżammux mill-ewwel, jibdew jiċkienu jum wara ieħor.” Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna kkommettejna ruħna li se nimxu fit-triq li għandhom jimxu fiha d-dixxipli kollha ta’ Ġesù. Aħna kkommettejna ruħna li sa nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur tagħna. Immaġinaw kemm titbierek id-dinja u kemm tittrasforma ruħha għall-aħjar meta l-membri kollha tal-Knisja tal-Mulej jgħixu skont il-veru potenzjal tagħhom—b’ konverżjoni vera fil-qalba ta’ ruħhom u b’ impenn li jibnu s-saltna ta’ Alla.

B’ xi mod jew ieħor, ilkoll kemm aħna ninsabu weqfin fuq irdum inħarsu ’l isfel lejn l-ilma. Hija t-talba tiegħi li aħna jkollna l-fidi, nimxu ’l quddiem, niffaċċjaw il-biżgħat u d-dubji tagħna b’ kuraġġ, u ngħidu lilna nfusna, “Jiena kkommettejt ruħi!”

Għallem minn Dan il-Messaġġ

“Mod kif tista’ tgħin lil dawk li qed tgħallem jifhmu l-prinċipji tal-evanġelju hu billi tqabbadhom ipinġu xi stampi. It-tpinġija tagħtihom iċ-ċans jesploraw u jesprimu l-għarfien u s-sentimenti tagħhom għall-istejjer u l-prinċipji tal-evanġelju” (Teaching, No Greater Call [1999], 166). Ikkunsidra li taqraw flimkien dan l-artiklu, tiddiskuti l-prinċipju tal-impenn lejn l-evanġelju, u mbagħad titlob lil dawk li jixtiequ jpinġu sabiex jagħmlu stampa ta’ xi attività tal-evanġelju li turi impenn. Tfal iżgħar jista’ jkollhom bżonn ta’ xi suġġerimenti dwar x’ se jpinġu.

Ipprintja