2011
Wegħdiet Prezzjużi tal-Ktieb ta’ Mormon
Ottubru 2011


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ottubru 2011

Wegħdiet Prezzjużi tal-Ktieb ta’ Mormon

Bosta snin ilu kont qiegħed ħdejn sodda ta’ missier żagħżugħ hekk kif kien qed jilgħabha bejn il-ħajja u l-mewt. Il-mara tiegħu, imħassba għall-aħħar, u ż-żewġ uliedhom kienu jinsabu ħdejna. Huwa ħadli idi f’idu, ħares f’ għajnejja, u b’ ħerqa staqsieni, “Isqof, naf li wasalt biex immut. Għidli x’ jiġri mill-ispirtu tiegħi meta jiena mmut.”

Jiena offrejt talba siekta għall-gwida mis-smewwiet u nnutajt li ħdejn is-sodda kellu kopja tal-iskrittura kkumbinata. Jiena ħadt il-ktieb f’ idejja u qallibt il-paġni. Minnufih skoprejt li mingħajr ebda sforz partikolari min-naħa tiegħi kont waqaft preċiżament fl-40 kapitlu ta’ Alma fil-Ktieb ta’ Mormon. Qrajtlu dan il-kliem:

“Araw, ġejt mgħarraf permezz ta’ anġlu, li l-ispirti tal-bnedmin kollha, hekk kif joħorġu minn ġewwa dan il-ġisem mortali, … jittieħdu lura għand dak Alla li tahom il-ħajja.

“U …l-ispirti tat-twajbin jintlaqgħu fi stat ta’ ferħ, li jissejjaħ ġenna, stat ta’ serħan, stat ta’ paċi, fejn huma jistrieħu mill-inkwiet kollu tagħhom u minn dak kollu li jtaqqalhom u jnikkithom” (Alma 40:11–12).

Hekk kif komplejt naqra dwar ir-Reżurezzjoni, wiċċ iż-żagħżugħ xegħel u tbissima feġġet fuq xufftejh. Fl-aħħar taż-żjara tiegħi, jiena sellimt lil din il-familja ħelwa.

Lill-mara u t-tfal erġajt rajthom fil-funeral. Nerġa’ nirrifletti fuq dak il-lejl meta raġel żagħżugħ staqsa għall-verità u, mill-Ktieb ta’ Mormon, sema’ t-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu.

Mill-Ktieb ta’ Mormon jaslu aktar wegħdiet prezzjużi, fosthom wegħdiet ta’ paċi, ħelsien, u barkiet jekk aħna “biss naqdu ‘l Alla tad-dinja, li hu Ġesù Kristu” (Ether 2:12).

Minn qalb il-paġni tiegħu tasal il-wegħda ta’ “ferħ bla tmiem” lil “dawk li jżommu l-kmandamenti ta’ Alla. Għax araw, huma mberkin f’ kollox , kemm fi ħwejjeġ temporali kif ukoll spiritwali” (Mosiah 2:41).

Minn qalb il-paġni tiegħu tasal il-wegħda ta “ferħ inkomprensibbli” lil dawk li saru “strument f’ idejn Alla” biex isalvaw lil uliedu prezzjużi (Alma 28:8; 29:9).

Minn qalb il-paġni tiegħu tasal il-wegħda li Iżrael, imxerred ma’ kullimkien, għad jinġabar flimkien—ħidma li ninsabu fiha permezz tal-isforzi missjunarji kbar tagħna madwar id-dinja (ara 3 Nephi 16; 21–22).

Minn qalb il-paġni tiegħu tasal il-wegħda li hekk kif aħna nitolbu lill-Missier fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, il-familji tagħna jiġu mberkin (ara 3 Nephi 18:21).

Permezz ta’ studju tal-paġni tiegħu niksbu t-twettiq tal-wegħda profetika li “jkollkom f’ ħajjitkom u fi djarkom preżenza akbar tal-Ispirtu tal-Mulej, riżoluzzjoni soda li timxu f’ ubbidjenza lejn il-kmandamenti Tiegħu, u testimonjanza aktar qawwija tar-realtà tal-Iben ta’ Alla.”1

U mill-paġni tal-Ktieb ta’ Mormon tasal il-wegħda ta’ Moroni li permezz tat-talb, b’ intenzjoni tajba, b’ fidi fi Kristu, aħna nistgħu nkunu nafu l-verità ta’ dawn il-wegħdiet “bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (ara Moroni 10:4–5).

Flimkien ma’ profeti oħra tal-aħħar jiem, jiena nixhed dwar il-verità ta’ dan “l-aktar ktieb korrett fid-dinja,”2 sewwasew il-Ktieb ta’ Mormon, testment ieħor ta’ Ġesù Kristu. Il-messaġġ tiegħu jilħaq lid-dinja kollha u jwassal lill-qarrejja tiegħu għall-għarfien tal-verità. Hija t-testimonjanza tiegħi li l-Ktieb ta’ Mormon jibdel ħajjet in-nies. J’ Alla lkoll kemm aħna naqrawh u nerġgħu naqrawh. U j’Alla b’ ferħ naqsmu t-testimonjanzi tagħna tal-wegħda prezzjuża tiegħu ma’ wlied Alla kollha.

Noti

  1. Gordon B. Hinckley, “A Testimony Vibrant and True,” Liahona, Aww. 2005, 6.

  2. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 64.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

Fl-iskrittura “nsibu prinċipji ta’ verità li jirrisolvu kull konfużjoni, kull problema u kull dilemma li tħabbat wiċċha magħha l-familja umana” (Teaching, No Greater Call [1999], 51). Hekk kif inti taqsam il-messaġġ tal-President Monson mal-membri tal-familja, stedinhom sabiex jagħtu każ tal- “wegħdi prezzjużi” li huwa jidentifika fil-Ktieb ta’ Mormon. Forsi tkun trid taqsam xi wegħda li hemm fil-Ktieb ta’ Mormon li għandna xi sinifikat speċjali għalik.

Ipprintja