2011
Jekk Ma Niddubitawx
Ottubru 2011


Messagg tal-Għalliema taż-Żjajjar, Ottubru 2011

Jekk Ma Niddubitawx

Julie B. Beck, president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna.

Studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.

Fidi • Familja • Għajnuna

Fil-Ktieb ta’ Mormon naqraw dwar żgħażagħ mill-aktar eżemplari li kienu verament qalbiena, kuraġġjużi u b’saħħithom. “Iva, kienu rġiel onesti u serji, għaliex huma ġew mgħallmin sabiex iżommu l-kmandamenti ta’ Alla u sabiex jimxu b’ fedeltà quddiemu” (Alma 53:21). Dawn il-ġuvintur fidili onoraw lil ommijiethom—l-eżempju u l-għalliema tagħhom.

Ommijiet il-gwerriera ta’ Ħelamin għexu fi żminijiet mhux wisq differenti minn żmienna. Iċ-ċirkustanzi tagħhom kienu diffiċli u perikolużi, u ż-żgħażagħ kienu qegħdin jiġu msejħa sabiex jiddefendu l-ħelsien fiżiku u spiritwali. Illum ngħixu f’ dinja fejn ninsabu fi “ġlieda mhux kontra d-demm u l-laħam, iżda kontra s-setgħat, kontra l-qawwiet, kontra l-prinċpijiet ta’ din id-dinja tad-dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet” (Efesin 6:12).

Dawn iż-żminijiet ta’ sfida jeħtieġu ġenituri sodi u eżemplari li jgħallmu l-verità li kienu jafu l-gwerriera ta’ Ħelamin: “Jekk huma ma jiddubitawx, Alla jeħlishom” (Alma 56:47). Illum hemm bżonn ċerta viġilanza sabiex ngħallmu u nkunu eżempju ta’ din il-verità. Madankollu, m’għandniex għalfejn nibżgħu. Meta nkunu nafu min verament aħna u min hu Alla, u meta nkunu għamilna ċerti patti Miegħu, aħna—bħal dawn ommijiet il-gwerriera, inkunu nistgħu verament ninfluwenzaw fit-tajjeb.

Probabilment, kull wieħed mill-2,060 gwerrier ta’ Ħelamin ġie influwenzat minn ommu. Iżda dawn l-ommijiet m’ aġixxewx weħidhom. Żgur li flimkien ma’ rġiel u nisa twajbin oħra, dawn l-ommijiet ingħaqdu fil-fidi u fl-eżempju sabiex jgħallmu l-qawwa tal-patti. Il-ġuvintur ta’ dak iż-żmien fehmu l-patt li l-ġenituri tagħhom kienu għamlu sabiex huma ma jeħdux sehem fil-gwerer. U anke meta kollox kien jidher impossibbli, il-ħanin Missierna tas-Smewwiet wera triq sabiex dawn il-ġenituri jkunu jistgħu jżommu l-patt tagħhom—u jippreservaw il-ħelsien tagħhom (ara Alma 56:5–9). Bl-istess mod aħna nistgħu nonoraw il-patti tagħna sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ—l-istess tfal tagħna u dawk fl-oqsma, fil-fergħat, fl-inħawi u fil-komunitajiet tagħna—jifhmu u jissapportjaw iż-żamma tal-patti.

Meta aħna nonoraw il-patti tagħna, Missierna tas-Smewwiet ikun jista’ jħejji triq għalina. Għandna ngħixu l-patti tagħna bi preċiżjoni. Nistgħu, per eżempju, inkunu preċiżi fit-talb tagħna, fl-istudju tal-iskrittura, f’li nħaddnu rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti, f’li nilbsu b’ mod modest, f’li nonoraw Jum il-Ħadd. Hekk kif nagħmlu dan, uliedna jkunu jafu u jkunu kapaċi jgħidu, “Ma niddubitawx għax ommijietna dan kienu jafuh” (Alma 56:48).

In-nisa Qaddisin tal-Aħħar Jiem li jagħrfu li l-qawwa tagħhom tiġi permezz tal-Att tal-Fidwa tal-Mulej ma jaqtgħux qalbhom fi żminijiet diffiċli u ta’ qtigħ il-qalb. Bħala nies li nżommu l-patti, aħna għandna nibbrillaw fis-sosteniment, fit-trobbija u fil-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna biex xi darba nkunu nistgħu ngħidu dwar din il-ġenerazzjoni li għadha tiela’, “Qatt qabel ma rajt kuraġġ daqshekk kbir, qatt, fl-ebda ġenerazzjoni oħra” (Alma 56:45).

Mill-Iskrittura

Alma 53:56–58

X’ Nista’ Nagħmel?

  1. Kif nista’ ngħin lil ħuti n-nisa jagħrfu u jaġixxu skont il-qawwa li huma għandhom sabiex jinfluwenzaw il-ġenerazzjoni li għadha tiela’?

  2. X’ ispirazzjoni nista’ nsib fil-Ktieb ta’ Mormon b’ risposta għall-isfidi li nħabbat wiċċi magħhom illum?

Ipprintja