Messaġġ tal-Għalliema Taż-Żjajjar, Diċembru 2011
Attività mill-Aktar Kbira
Studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.
L-influwenza tan-nisa ġusti hija meħtieġa mill-Mulej, mill-Knisja Tiegħu, mill-familji u mill-komunitajiet tagħna. Fil-fatt, il-Presbiteru M. Russell Ballard tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu għallem li, “kull oħt f’ din il-Knisja li għamlet patti mal-Mulej għandha mandat divin li tgħin sabiex issalva l-erwieħ, li tmexxi lin-nisa tad-dinja, li ssaħħaħ id-djar ta’ Sijon u li tibni s-saltna ta’ Alla”1
Xi aħwa jistgħu jiddubitaw kemm huma verament kapaċi jwettqu xi ħaġa daqshekk kbira. Iżda kif spjegat Eliza R. Snow (1804–87), it-tieni president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, “M’ hawn l-ebda oħt li tinsab tant iżolata u l-isfera tagħha tant ristretta li ma tistax tkun ta’ kontribut mill-aktar siewi sabiex twaqqaf is-Saltna ta’ Alla fid-dinja.”2 Sister Snow għallmet ukoll li s-Soċjetà tal-Għajnuna ġiet organizzata “biex jitwettaq dak kollu li hu tajjeb u nobbli.”3
Kull oħt li tipparteċipa fis-Soċjetà tal-Għajnuna tkabbar l-isfera tal-influwenza tagħha billi jkollha l-opportunità li tibni l-fidi, issaħħaħ il-familji u d-djar u tipprovdi servizz kemm f’ darha kif ukoll madwar id-dinja. U fortunatament, l-isforzi tagħna bħala individwi u bħala Soċjetajiet tal-Għajnuna m’ għandhomx ikunu tant kbar li ma nifilħux għalihom, iżda għandhom ikunu bi ħsieb u konsistenti. Id-drawwiet ġusti tagħna bħat-talb tagħna ta’ kuljum personali kif ukoll mal-familja, l-istudju kuljum tal-iskrittura, u li konsistentament inkabbru s-sejħiet tagħna tal-Knisja jgħinu sabiex inkabbru l-fidi u nibnu s-saltna tal-Mulej.
Lil dawk l-aħwa nisa li għandhom xi dubju kemm kontribuzzjonijiet siekta bħal dawn jistgħu jagħmlu differenza, il-Presbiteru Ballard saħaq: “Kull oħt li tinsab fuq in-naħa tal-verità u s-sewwa ddgħajjef l-influwenza tal-ħażen. Kull oħt li ssaħħaħ u tipproteġi l-familja tagħha tkun qiegħda twettaq il-ħidma ta’ Alla. Kull oħt li tgħix bħala mara ta’ Alla issir dawl li jillumina lil ħaddieħor u tiżra’ ż-żerriegħa tal-influwenza ġusta li l-ħsad tagħha jibqa’ jitgawda fil-ġenerazzjonijiet futuri.”4
Mill-Iskrittura
1 Korintin 12:4–18; 1 Timotju 6:18–19; Mosiah 4:27; Articles of Faith 1:13
Mill-Istorja Tagħna
Eliza R. Snow, li kienet serviet bħala segretarja meta ġiet organizzata s-Soċjetà tal-Għajnuna f’ Nauvoo, ġiet imsejħa mill-President Brigham Young sabiex tivvjaġġa madwar l-oqsma tal-Knisja, biex tgħin lill-isqfijiet jorganizzaw is-Soċjetà tal-Għajnuna fl-oqsma tagħhom.
Sister Snow għallmet: “Jekk xi bint jew omm f’ Israel qed tħossha limitata f’ dak li hi tista’ twettaq bħalissa, għandha ssib li fil-verità hija mogħnija b’ abbundanza kbira ta’ abbiltà u qawwa li twettaq dak li huwa tajjeb. … Il-President Young għamilha possibbli li din l-attività tkun waħda mill-aktar kbira.”5
© 2011 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/10. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/10. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, December 2011. Maltese. 09772 159