2011
L-Għażla li Nkunu Grati
Diċembru 2011


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Diċembru 2011

L-Għażla li Nkunu Grati

Immaġni
Il-President Henry B. Eyring

Missierna tas-Smewwiet jitlob minna li għandna nkunu grati f’ kollox (see 1 Tessalonikin 5:18), u Huwa jridna li aħna nuru r-ringrazzjament tagħna għall-barkiet li nirċievu (ara D&C 46:32). Aħna nafu li l-għan ta’ ħafna mill-kmandamenti li Huwa tana hu biex aħna nkunu ferħanin, u nafu wkoll li l-ksur tal-kmandamenti jwassal għall-miżerja.

Għalhekk sabiex inkunu kuntenti u nevitaw il-miżerja, għandu jkollna qalb grata. Rajna f’ ħajjitna l-konnessjoni bejn il-gratitudni u l-ferħ. Ilkoll kemm aħna nkunu nixtiequ li nħossu sens ta’ gratitudni, madankollu mhijiex xi ħaġa faċli li konsistentament inkunu grati f’ kollox qalb l-isfidi tal-ħajja. Xi kultant f’ ħajjitna jkollna nħabbtu wiċċna mal-mard, mad-diżappunt, u t-telfien tal-maħbubin tagħna. Qalb dan in-niket kollu jista’ jkun diffiċli li nagħrfu barkietna u napprezzaw il-barkiet li Alla għandu għalina fil-futur.

Hija sfida li ngħoddu barkietna għaliex aħna għandna tendenza li nieħdu ħafna affarijiet b’indifferenza. Meta nispiċċaw mingħajr saqaf fuq rasna, mingħajr ikel x’ nieklu, jew imċaħħdin mill-imħabba tal-ħbieb u tal-familja, hemm nintebħu verament kemm kellna nkunu grati meta dawn il-barkiet kienu tagħna.

Fuq kollox, kultant insibuha diffiċli li nkunu grati biżżejjed għall-akbar rigali li nirċievu: it-twelid ta’ Ġesù Kristu, l-Att tal-Fidwa Tiegħu, il-wegħda tal-qawmien mill-imwiet, l-opportunità li ngawdu l-ħajja eterna mal-familji tagħna, ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju flimkien mas-saċerdozju u l-imfietaħ tiegħu. Huwa biss bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li nistgħu nibdew nħossu xi jfissru verament dawn il-barkiet kemm għalina kif ukoll għall-maħbubin tagħna. U hekk biss nistgħu nittamaw li nkunu grati f’ kollox u nevitaw li noffendu lil Alla permezz tal-ingratitudni tagħna.

Għandna nitolbu sabiex Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jgħinna naraw b’ ċarezza l-barkiet tagħna anke qalb l-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom. Bil-qawwa tal-Ispirtu Huwa jkun jista’ jgħinna nagħrfu u nkunu grati għal dawk il-barkiet li aħna indifferenti għalihom. L-aktar ħaġa li lili għenitni hi li nistaqsi lil Alla fit-talb tiegħi, “Tista’ jekk jogħġbok tiddereġini sabiex ngħin lil xi ħadd f’ ismek?” Huwa biss meta jiena ngħin lil Alla jbierek lil ħaddieħor li l-aktar inkun nista’ nara b’ mod ċar barkieti.

Darba t-talb tiegħi ġie mismugħ meta koppja li jiena qatt ma kont naf qabel stednuni sabiex immur l-isptar. Hemm sibt tarbija li tant kienet ċkejkna li stajt faċilment nerfagħha fil-pala ta’ idi. Fil-ftit ġimgħat li kienet ilha ħajja, it-tarbija kienet diġà għaddiet minn għadd ta’ operazzjonijiet. It-tobba qalu lill-ġenituri li kien hemm bżonn ta’ aktar operazzjonijiet diffiċli sabiex il-qalb u l-pulmun ikunu jistgħu jsostnu l-ħajja f’ dik iċ-ċkejkna bint Alla.

Wara tajt lit-tarbija barka saċerdotali kif ġejt mitlub nagħmel mill-ġenituri. Il-barka kienet tikkonsisti minn wegħda li l-ħajja sa tiġi estiża. Aktar milli tajt barka, irċevejt il-barka jiena stess ta’ qalb aktar grata.

Bl-għajnuna ta’ Missierna, ilkoll kemm aħna nistgħu nagħżlu li nkunu aktar grati. Nistgħu nitolbuh sabiex jgħinna naraw barkietna b’ mod aktar ċar, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tagħna. Dak inhar, jiena apprezzajt aktar minn qatt qabel il-miraklu tal-mod li bih jiffunzjonaw il-qalb u l-pulmun tiegħi. Fi triqti lejn id-dar, offrejt il-gratitudni tiegħi għall-barkiet fuq uliedi li issa bdejt nara b’ aktar ċarezza li kienu mirakli ta’ tjubija minn Alla u minn nies twajba oħra li huma jinsabu mdawrin bihom.

Iżda fost kollox ħassejtni grat għall-evidenza tal-Att tal-Fidwa li taħdem kemm f’ ħajjet dawk il-ġenituri anzjużi kif ukoll f’ ħajti. Jiena rajt it-tama u l-imħabba pura ta’ Kristu tiddi fuq wiċċhom, anke fl-isfida terribbli li huma għaddew minnha. U ħassejt l-evidenza li tħoss jekk inti titlob lil Alla biex jiżvelalek li l-Att tal-Fidwa jista’ jgħinek tħoss it-tama u l-imħabba.

Ilkoll kemm aħna nistgħu nagħżlu li nuru l-gratitudni tagħna permezz tat-talb u li nitolbu lil Alla għad-direzzjoni li naqdu lil oħrajn f’ ismu speċjalment matul dan iż-żmien tas-sena hekk kif qed niċċelebraw it-twelid tas-Salvatur. Alla l-Missier tana lil Ibnu, u Ġesù Kristu tana l-Att tal-Fidwa, l-akbar rigal fost kull rigal ieħor (ara D&C 14:7).

Li nuru l-gratitudni tagħna waqt it-talb tagħna tgħinna naraw il-kobor ta’ dawn il-barkiet u ta’ kull barka oħra u b’ hekk nirċievu r-rigal ta’ qalb aktar grata.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

Li niktbu l-esperjenzi u l-barkiet tagħna jgħinna niftakru fihom u jagħtina ċ-ċans li nerġgħu nirreferu għalihom. Ikkunsidra titlob lil dawk li inti tgħallem sabiex huma jiktbu lista ta’ dak kollu li huma jħossuhom grati għalih — biex jgħinhom jiftakru l-barkiet li huma rċevew, jagħrfu l-barkiet tal-preżent u jħarsu ’l quddiem għall-barkiet tal-futur.

Tista’ wkoll tħeġġeġ lil dawk li tgħallem sabiex jimxu wara l-eżempju tal-President Eyring u jitolbu lill-Missier tas-Smewwiet sabiex jidderiġihom lejn xi ħadd li huma jkunu jistgħu jgħinu u jservu.

Ipprintja