Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Ġunju 2012
It-Tagħlim taż-Żjajjar—Essajnment Sagru
Permezz tat-talb studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.
Bħala għalliema taż-żjajjar, aħna għandna missjoni spiritwali importanti xi nwettqu. “Mhux ħaġa possibbli li l-isqof, li huwa r-ragħaj ordnat tal-wited, jieħu ħsieb il-merħla kollha tal-Mulej fl-istess ħin. Huwa jiddependi fuq l-għalliema taż-żjajjar ispirati tiegħu sabiex jgħinuh.”1 Hija ħaġa mill-aktar essenzjali li aħna nfittxu u nirċievu r-rivelazzjoni dwar min għandu jiġi mqabbad sabiex tkun l-għalliema ta’ kull oħt partikolari.
L-ispirazzjoni tibda hekk kif il-membri tal-presidenza tas-Soċjetà tal-Għajnuna jiddiskutu, bl-għajnuna tat-talb, il-bżonnijiet tal-individwi u l-familji. Imbagħad, bl-approvazzjoni tal-isqof, il-presidenza tas-Soċjetà tal-Għajnuna tagħti l-essajnments tagħha b’ tali mod li tgħin lill-aħwa jifhmu li t-tagħlim taż-żjajjar huwa responsabbiltà spiritwali importanti.2
L-għalliema taż-żjajjar isiru sinċerament jafu u jħobbu lil kull oħt, jgħinuha ssaħħaħ il-fidi tagħha, u jagħtu servizz meta jkun meħtieġ. Huma jfittxu l-ispirazzjoni personali biex ikunu jafu kif għandhom jirrispondu għall-bżonnijiet spiritwali u temporali ta’ kull oħt li huma jżuru.3
“It-tagħlim taż-żjajjar isir il-ħidma tal-Mulej meta aħna niffokaw aktar fuq in-nies milli fuq il-persentaġġi. Fir-realtà, it-tagħlim taż-żjajjar ma jintemm qatt. Huwa aktar stil ta’ ħajja milli xi biċċa xogħol li għandna nwettquha.”4
Mill-Iskrittura
Mill-Istorja Tagħna
Eliza R. Snow, it-tieni president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna għallmet, “Jiena nikkonsidra s-sejħa ta’ għalliema bħala sejħa kbira u qaddisa.” Hija għallmet lill-għalliema taż-żjajjar “sabiex jimtlew bl-Ispirtu ta’ Alla, spirtu ta’ għerf, umiltà u mħabba” qabel ma huma jżuru d-djar sabiex ikunu kapaċi jagħrfu u jilħqu kemm il-bżonnijiet spiritwali kif ukoll dawk temporali. Hija qalet, “Taf tħoss li trid tlissen xi kliem ta’ paċi u faraġ, u jekk issib xi oħt li tkun qed tħoss il-bard, ressaqha viċin qalbek, bl-istess mod li bih tgħannaq lit-tfal ċkejknin, u uriha mħabbtek.”5
Hekk kif nimxu ‘l quddiem bil-fidi kif għamlu l-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna tal-ewwel żminijiet, aħna jkollna l-Ispirtu s-Santu magħna u niġu ispirati kif għandna ngħinu lil kull oħt li aħna nżuru. “Ejjew minflok infittxu s-setgħa nfittxu l-għerf,” qalet Sister Snow, “u jkollna l-qawwa kollha li l-għerf tagħna jippermettilna neżerċitaw.”6
© 2012 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, June 2012. Maltese. 10366 159