2012
Imsejħa minn Alla u Sostnuti mill-Poplu
Ġunju 2012


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ġunju 2012

Imsejħa minn Alla u Sostnuti mill-Poplu

Immaġni
Mill-President Henry B. Eyring

Bħala membri tal-Knisja, aħna spiss nintalbu sabiex insostnu lil oħrajn fis-sejħa tagħhom. Xi snin ilu wieħed student ta’ 18-il sena wrieni xi tfisser li ssostni lill-qaddejja tal-Mulej. Għadni nħossni mbierek s’issa minn din l-esperjenza mill-aktar umli.

Kien għadu kif beda l-ewwel sena tiegħu fil-kulleġġ. Kien tgħammed ftit anqas minn sena qabel ħalla daru biex jibda l-istudji tiegħu f’ università kbira. Hemm jiena kont qed inservi bħala l-isqof tiegħu.

Malli bdiet is-sena skolastika, morna fl-uffiċċju veskovali u għamiltlu daqsxejn ta’ intervista qasira. Ftit niftakar x’ kien intqal f’ dik l-ewwel konverżazzjoni ħlief li huwa kien tkellem dwar l-isfidi li seta’ jiffaċċja f’ post ġdid; iżda qatt ma nista’ ninsa t-tieni konverżazzjoni tagħna.

Huwa talab sabiex ikun jista’ jiġi jarani fl-uffiċċju tiegħi. Bqajt sorpriż meta qalli, “Nistgħu nitolbu flimkien, u noffri t-talba jiena?” Fil-fatt kont se ngħidlu li jiena kont diġà għidt it-talba tiegħi u li kont issoponejt li hu kien għamel l-istess. Minflok qbilt.

Huwa beda t-talba tiegħu b’ testimonjanza li kien jaf li l-isqof kien imsejjaħ minn Alla. Huwa talab lil Alla sabiex jgħidli x’ għandu jagħmel hu b’ mod mill-aktar spiritwali. Iż-żagħżugħ qal lil Alla li huwa kien jinsab ċert li l-isqof diġà kien jaf x’ kienu l-bżonnijiet tiegħu u li huwa kien sa jingħata l-kunsill li kellu bżonn jisma’.

Hekk kif beda jitkellem, ġew quddiem għajnejja ċerta perikli speċifiċi li kien sa jħabbat wiċċu magħhom. Il-kunsill kien wieħed sempliċi iżda mogħti b’ ċarezza kbira: itlob dejjem, obdi l-kmandamenti, u la tibżax.

Dak iż-żagħżugħ, li kien ilu sena biss membru fil-Knisja, għallimni bl-eżempju tiegħu x’ jista’ jagħmel Alla permezz ta’ mexxej li huwa sostnut permezz tal-fidi u t-talb minn dawk li huwa ġie msejjaħ biex imexxi. Dak iż-żagħżugħ urieni bil-provi l-qawwa tal-liġi tal-kunsens komuni fil-Knisja (ara D&C 26:2). Avolja l-Mulej isejjaħ lill-qaddejja Tiegħu permezz tar-rivelazzjoni, din is-sejħa tista’ tiffunzjona biss wara li tiġi sostnuta minn dawk li ġew imsejħa sabiex iservu.

Permezz tal-vot tas-sosteniment tagħna, aħna nagħmlu ċerti wegħdiet solenni. Inwiegħdu li nitolbu għall-qaddejja tal-Mulej u li Huwa jmexxihom u jqawwihom (ara D&C 93:51). Aħna nwiegħdu li nfittxu u nistennew li nħossu l-ispirazzjoni mingħand Alla fil-kunsill li huma jagħtuna u kull meta huma jaġixxu fis-sejħa tagħhom (ara D&C 1:38).

Dik il-wegħda trid tiġġedded kontinwament f’ qalbna. L-għalliem tiegħek tal-Iskola tal-Ħadd jipprova jgħallem permezz tal-Ispirtu, iżda l-istess bħalek, huwa jaf jiżbalja quddiem il-klassi. Inti, madankollu, tista’ tiddeċiedi x’ tisma’ u x’ tara b’ mod partikolari f’ dawk il-mumenti meta tħoss l-ispirazzjoni ġejja. Biż-żmien inti tibda tinnota anqas żbalji u ferm aktar evidenza li Alla qed isostni lil dak l-għalliem.

Hekk kif aħna ngħollu jdejna sabiex insostnu xi persuna, aħna nikkommettu ruħna li naħdmu biex inwettqu kull għan li l-Mulej irid li jitwettaq permezz ta’ dik il-persuna li Huwa sejjaħ. Meta t-tfal tagħna kienu għadhom ċkejknin, il-mara tiegħi ġiet imsejħa sabiex tgħallem lit-tfal iż-żgħar fil-qasam tagħna. Jiena mhux biss għollejt idejja sabiex insostniha, iżda tlabt ukoll magħha u staqsejtha jekk nistax ngħinha. Il-lezzjonijiet li jiena rċevejt dwar l-apprezzament għal dak li jistgħu jagħmlu n-nisa u dwar l-imħabba tal-Mulej lejn it-tfal għadha tbierek sal-lum kemm lill-familja tiegħi kif ukoll lill-istess ħajti.

M’ilux tkellimt ma’ dak l-istess żagħżugħ li snin ilu kien sostna lill-isqof tiegħu. Sirt naf li l-Mulej u n-nies tiegħu issa kienu sostnew lilu fis-sejħa tiegħu bħala missjunarju, bħala president tal-wited u wkoll bħala missier. Kif temmejna l-konverżazzjoni tagħna, huwa qalli, “Jiena għadni nitlob għalik kuljum.”

Aħna nistgħu niddeċiedu li nitolbu kuljum għal xi ħadd imsejjaħ minn Alla sabiex ikun qaddej tagħna. Nistgħu nirringrazzjaw lil xi ħadd li berikna permezz tas-servizz tiegħu jew tagħha. Nistgħu niddeċiedu li nippreżentaw lilna nfusna meta xi ħadd li aħna nkunu sostnejna jitlob għal xi voluntieri.1

Dawk li jgħinu lill-qaddejja tal-Mulej fis-saltna Tiegħu jiġu sostnuti permezz tal-qawwa inkomparabbli Tiegħu. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn din il-barka.

Nota

  1. Ara Teachings of Presidents of the Church: Joseph F. Smith (1998), 211–12.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

Wara li taqsam il-messaġġ, ikkunsidra li taqra din il-kwotazzjoni li ġejja: “Il-Mulej jagħmlek strument f’ idejh jekk inti tkun umli, fidil u diliġenti. … Inti tirċievi aktar qawwa meta tiġi sostnut mill-kongregazzjoni u tiġi distint” (Teaching, No Greater Call [1999], 20). Itlob lill-membri tal-familja sabiex jinġabru madwar xi oġġett tqil u itlob lil wieħed jew waħda minnhom sabiex jippruvaw jerfgħuh. Kompli żid persuna waħda wara l-oħra sabiex tgħin tqandel l-oġġett. Iddiskuti x’ jiġri meta kulħadd jagħti l-għajnuna tiegħu. Ikkunsidra li tagħmel ċertu enfażi fuq il-kunsill tal-President Eyring dwar modi prattiċi kif aħna nistgħu nsostnu lill-oħrajn fis-sejħiet tagħhom.

Ipprintja