Żgħażagħ
Nagħtu kas tas-Suġġerimenti
Lejla waħda l-kuġina ċkejkna tiegħi ħarbet mid-dar, għalhekk mort niġri nfittixha. Jien u nsuq, tlabt l-Ispirtu sabiex jgħinni. Naf li Alla jisma’ talbi u jiddereġini, u għalhekk ippruvajt nisma’ s-suġġerimenti tal-Ispirtu. Iżda meta ma stajt nisma’ xejn, bdejt niddispra u ħassejt li l-Ispirtu ma kien qed jissuġġerili xejn.
Għalkemm ridt insuq aktar ’il bogħod fit-tfittxija tiegħi, ħassejt li kelli nibqa’ fl-inħawi madwar id-dar tal-kuġina. Għalhekk iddeċidejt li nsuq għal darb’oħra madwar dawk l-inħawi. Hekk kif waqaft f’ salib it-toroq, rajt bħal dell ta’ tifla ċkejkna miexja. Kont sibt il-kuġina tiegħi!
Hekk kif ħriġt mill-karozza u ġrejt lejha, irrealizzajt li l-Ispirtu kien qed jiddereġini l-ħin kollu billi jgħinni nħoss li kelli nibqa’ fl-istess inħawi. Peress li kont qed nistenna li nisma’ xi vuċi siekta, kont kważi injorajt is-suġġerimenti tal-Ispirtu. Jiena mbagħad fhimt li ħafna drabi aħna ma nisimgħu l-ebda vuċi, iżda nħossu ċerti sentimenti f’ qalbna.
Kont verament grat għall-gwida tal-Ispirtu. Verament Huwa dejjem preżenti! Kif tgħid l-iskrittura, “L-Ispirtu s-Santu għandu jkun is-sieħeb kostanti tagħkom” (D&C 121:46).
Jekk inkunu denji tal-gwida tal-Ispirtu u noqogħdu attenti, aħna nistgħu nkunu strumenti f’ idejn Alla sabiex nkunu ta’ ġid għal ħafna nies. Bis-sħubija kostanti tal-Ispirtu, aħna nkunu nafu x’ għandna nagħmlu.