2013
Leħen il-Mulej
Jannar 2013


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Jannar 2013

Leħen il-Mulej

Il-President Henry B. Eyring

Id-Duttrina u Patti jistieden lin-nies minn kullimkien sabiex jisimgħu leħen il-Mulej Ġesù Kristu (ara D&C 1:2, 4, 11, 34; 25:16). Skrittura mimlija messaġġi, twiddib u diskors ta’ inkuraġġiment Tiegħu mogħtijin lilna b’ rivelazzjoni lill-profeti magħżula. F’ dawn ir-rivelazzjonijiet nistgħu naraw kif Alla jista’ jwieġeb it-talb ta’ fidi tagħna b’ messaġġi li jgħallmuna, jwasslulna l-paċi u jwiddbuna.

Fit-talb tagħna aħna nfittxu li nsiru nafu xi jrid minna Alla, x’ għandna nagħmlu aħna biex insibu l-paċi u l-hena f’ din il-ħajja u fil-ħajja li jmiss, u x’ hemm imħejji għalina. Id-Duttrina u Patti huwa mimli b’ risposti għal mistoqsijiet bħal dawn li jistaqsu nies ordinarji u profeti fit-talb umli tagħhom. Jista’ jkun gwida prezzjuża li jgħallimna kif nirċievu tweġiba għall-mistoqsijiet dwar il-benesseri temporali tagħna u s-salvazzjoni eterna tagħna.

L-umiltà u l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu huma s-sigriet għal dan kollu. Oliver Cowdery irċieva tweġiba mingħand il-Mulej dwar ix-xewqa tiegħu li jgħin fit-traduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon: “Ftakar li mingħajr fidi ma tista’ tagħmel xejn; għalhekk itlob bil-fidi. Tittrattax dawn il-ħwejjeġ b’ mod leġġier; tistaqsix għal ħwejjeġ li m’għandekx tistaqsi għalihom” (D&C 8:10).

Ripetutament fid-Duttrina u Patti, il-Mulej jeħtieġ minna l-fidi u l-umiltà qabel ma Huwa jagħtina l-għajnuna Tiegħu. Raġuni partikolari hi li r-risposti Tiegħu jistgħu ma jaslux għandna bil-mod li nkunu qed nistennew. Lanqas ma jkunu dejjem faċli li naċċettawhom.

L-istorja tal-Knisja u l-esperjenzi tal-antenati tagħna huma eżempju ta’ din ir-realtà. Il-bużnannu tiegħi Henry Eyring talab b’ mod ferventi biex ikun jaf x’ għandu jagħmel meta sema’ l-evanġelju rrestawrat jiġi mgħallem fl-1855. Irċieva r-risposta tiegħu waqt ħolma.

Huwa ħolom li kien qiegħed bilqiegħda madwar mejda flimkien mal-Presbiteru Erastus Snow tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu u ma’ presbiteru bl-isem ta’ William Brown. Jidher li l-Presbiteru Snow dam jgħallem il-prinċipji tal-evanġelju għal madwar siegħa. Imbagħad il-Presbiteru Snow qal, “Fl-isem ta’ Ġesù Kristu jiena nagħtik kmandament sabiex titgħammed u sa jkun dan ir-raġel [il-Presbiteru Brown] … li jgħammdek.”1 Il-familja tiegħi hija grata li Henry Eyring kellu l-fidi u l-umiltà li jitgħammed fis-7 u nofs ta’ filgħodu f’ għadira ilma tax-xita ġewwa St. Louis, f’ Missouri, l-Istati Uniti tal-Amerka, mill-Presbiteru Brown.

Ir-risposta li rċieva għat-talb tiegħu ma waslitx billi sema’ letteralment leħen il-Mulej. Waslet permezz ta’ viżjoni u ħolma li kellu bil-lejl, l-istess kif kellu Leħi (ara 1 Nephi 8:2).

Il-Mulej għallimna li risposta tista’ tasal ukoll permezz ta’ sentiment. Fid-Duttrina u Patti, Huwa għallem lil Oliver Cowdery, “Ara, jiena nkellmek f’ moħħok kif ukoll f’ qalbek permezz tal-Ispirtu s-Santu li jiġi fuqek u li jgħammar f’ qalbek” (D&C 8:2).

U Huwa nkuraġġixxa lil Oliver b’ dan il-mod: “U mlejtlikx jiena moħħok bil-paċi dwar din il-ħaġa? Jista’ jkollok xhieda akbar mix-xhieda t’ Alla?” (D&C 6:23).

Id-Duttrina u Patti, l-istorja tal-Knisja u d-djarju li kiteb Henry Eyring waqt il-missjoni tiegħu ftit wara l-magħmudija tiegħu għallmuni li risposta nistgħu nirċevuha kemm bħala twiddiba kif ukoll bħala sentiment ta’ paċi.

F’ April 1857, il-Presbiteru Parley P. Pratt tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu attenda konferenza fejn illum hemm Oklahoma, l-Istati Uniti. Henry Eyring kiteb li “moħħ il-Presbiteru Pratt kien mimli previżjonijiet depressanti … , fejn ma kienx kapaċi jiddistingwi l-futur jew jara xaqq ta’ dawl.”2 Henry kiteb din l-aħbar kerha immedjatament wara l-martirju tal-Appostlu. Il-Presbiteru Pratt baqa’ sejjer bil-vjaġġ tiegħu avolja ħass fih sentiment ta’ periklu, l-istess kif għamel il-Profeta Joseph fi triqtu lejn Carthage.

Hija t-testimonjanza tiegħi li l-Mulej dejjem iwieġeb it-talb umli ta’ fidi. Id-Duttrina u Patti u l-esperjenza personali tagħna jgħallmuna kif nistgħu nagħrfu dawn ir-risposti u naċċettawhom bil-fidi, kemm jekk tkun risposta dwar direzzjoni, konferma tal-verità, jew twiddiba. Nitlob li aħna dejjem nisimgħu u nagħrfu l-leħen kollu mħabba tal-Mulej.

Noti

  1. “The Journal of Henry Eyring: 1835–1902” (manuskritt mhux ippubblikat propjeta tal-awtur).

  2. “The Journal of Henry Eyring: 1835–1902.”

Għallem minn Dan il-Messaġġ

1. Ikkunsidra li flimkien taqraw il-paragrafi dwar it-talb li ssib f’ dan il-messaġġ. Hekk kif taqra, itlob lill-membri tal-familja sabiex jisimgħu bir-reqqa kif Alla jwieġeb it-talb tagħhom. Ikkunsidra li tagħti x-xhieda tiegħek dwar l-importanza tat-talb.

2. Id-Duttrina u Patti huwa mimli b’ risposti għal mistoqsijiet li jistaqsu n-nies fit-talb tagħhom. Issa kieku ħadd ma kiteb ir-risposti għall-mistoqsijiet tagħhom (ir-rivelazzjonijiet)? Ħeġġeġ il-membri tal-familja sabiex jitgħallmu jagħrfu u jimxu wara t-tnebbiħ tal-Ispirtu. Forsi jkunu jridu jiktbu l-ħsibijiet tagħhom dwar it-talb fid-djarju tagħhom.