2013
Ikkonvertiti fil-Mulej
Frar 2013


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Frar 2013

Ikkonvertiti fil-Mulej

Permezz tat-talb studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit reliefsociety.lds.org.

Il-motto tas-Soċjetà tal-Għajnuna

Fidi, Familja, Għajnuna

L-aħwa nisa ġodda tal-Knisja—inkluż it-Tfajliet li għadhom kif għaddew fis-Soċjetà tal-Għajnuna, l-aħwa li reġgħu qed isiru attivi, u l-ikkonvertiti l-ġodda—għandhom bżonn tas-sapport u l-ħbiberija tal-għalliema taż-żjajjar. “L-involviment tal-membri huwa mill-aktar importanti biex ngħinu l-ikkonvertiti jibqgħu attivi u sabiex inġibu lura lill-membri anqas attivi f’ attività sħiħa,” qal il-Presbiteru M. Russell Ballard tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. “Immaġinaw li s-Soċjetà tal-Għajnuna …tista’ ssir waħda mill-aktar riżorsi qawwija li għandna fil-Knisja biex tikber il-ħbiberija. Ilħqu mill-bidu nett lil dawk li qed jiġu mgħallmin u qed jirriattivaw ruħhom, u b’ imħabba ilqgħuhom lura fil-Knisja permezz tal-organizzazzjoni tagħkom.”1

Bħala membri tas-Soċjetà tal-Għajnuna, aħna nistgħu ngħinu lill-membri ġodda jitgħallmu l-prattiċi bażiċi tal-Knisja, bħal:

  • Jagħtu taħdita.

  • Jaqsmu t-testimonjanza tagħhom.

  • Jgħixu l-liġi tas-sawm.

  • Iħallsu d-dieċi u offerti oħra.

  • Jipparteċipaw fil-ħidma tal-istorja tal-familja.

  • Iwettqu l-magħmudijiet u l-konfermi għall-antenati tagħhom li għaddew għal ħajja oħra.

“Sabiex membru ġdid iħossu komdu fil-knisja jeħtieġ ħabib li jieħu ħsiebu,” qal il-Presbiteru Ballard.2 Ilkoll kemm aħna, iżda speċjalment l-għalliema taż-żjajjar, għandna responsabbiltajiet mill-aktar importanti sabiex nistabbilixxu ħbiberija mal-membri ġodda biex ngħinuhom isiru verament “ikkonvertiti fil-Mulej” (Alma 23:6).

Mill-Iskrittura

2 Nephi 31:19–20; Moroni 6:4

Mill-Istorja Tagħna

“Bin-numru tal-ikkonvertiti dejjem jikber,” qal il-President Gordon B. Hinckley (1910–2008), “aħna għandna nagħmlu sforz akbar sabiex ngħinuhom isibu posthom. Kull wieħed u waħda minnhom jeħtieġu tliet affarijiet: ħabib, responsabbiltà, u li jindukraw ruħhom bil-‘kelma tajba ta’ Alla’ (Moroni 6:4).”3

L-għalliema taż-żjajjar qegħdin f’ pożizzjoni li jgħinu lil dawk li huma responsabbli minnhom. Ħafna drabi l-ewwel li huma jiksbu tkun il-ħbiberija, kif kien il-każ ta’ tfajla tas-Soċjetà tal-Għajnuna li kienet l-għalliema taż-żjajjar ta’ oħt akbar minnha. Kienu qed isibuha diffiċli jibnu l-ħbiberija tagħhom sakemm huma bdew jaħdmu flimkien fuq proġett ta’ tindif. Huma saru ħbieb, u hekk kif bdew jitkellmu bejniethom dwar il-Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, it-tnejn li huma bdew jindukraw ruħhom bil-“kelma tajba ta’ Alla.”

Il-President Joseph Fielding Smith (1876–1972) qal li s-Soċjetà tal-Għajnuna “hija parti mill-aktar importanti tas-saltna ta’ Alla fid-dinja u … tgħin lill-membri fidili tagħna jiksbu l-ħajja eterna fis-saltna ta’ Missierna.”4

Noti

  1. M. Russell Ballard, “Members Are the Key,” Liahona, Sett. 2000, 18.

  2. M. Russell Ballard, Liahona, Sett. 2000, 17.

  3. Gordon B. Hinckley, “Every Convert Is Precious,” Liahona, Fr. 1999, 9.

  4. Joseph Fielding Smith, f’ Daughters in My Kingdom: The History and Work of Relief Society (2011), 97.

X’ Nista’ Nagħmel?

  1. Nitlob jiena għas-sieħba tiegħi u nitlob sabiex l-Ispirtu jiggwidana hekk kif namministraw lil ħutna?

  2. B’ liema modi nistgħu naqdu lil kull oħt li aħna responsabbli minnha ħalli hi tkun taf li aħna verament inħobbuha?