Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Frar 2013
Kelma għal dak il-Missjunarju li Qed Isibha xi Ftit Diffiċli
Id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu minn dejjem kellhom l-obbligu li jxerrdu l-evanġelju Tiegħu madwar id-dinja (ara Mark 16:15–16). Madankollu, xi kultant ma jkunx faċli li nsemmgħu leħinna u nitkellmu dwar il-fidi ma’ dawk ta’ madwarna. Waqt li xi membri tal-Knisja għandhom don naturali li jitkellmu ma’ ħaddieħor dwar ir-reliġjon, oħrajn isibuha xi ftit aktar diffiċli jew iħossuha bi tqila, u anke jħossuhom imbarazzati jew anke mbeżżgħin li jagħmlu dan.
Għalhekk, sa nissuġġerixxi erba’ affarijiet li wieħed jista’ jagħmel sabiex jimxi wara l-kmand tas-Salvatur li jippriedka l-evanġelju “lil kull kreatura” (D&C 58:64).
Kun Dawl
Qawl favorit tiegħi li ħafna drabi huwa attribwit lil San Franġisk t’ Assisi jgħid, “Ippriedka l-evanġelju f’ kull mument u uża l-kliem biss jekk tħoss li jkun neċessarju tagħmel dan.”1 Li qed jurina dan il-qawl hu l-għarfien li ħafna drabi l-aktar lezzjonijiet effettivi jingħataw mingħajr kliem.
Meta jkollna l-integrità u ngħixu dejjem b’ mod konsistenti mal-prinċipji tagħna, in-nies ta’ madwarna jinnutawna. Meta aħna nittrasmettu l-ferħ u l-hena, huma jindunaw ferm aktar.
Kulħadd irid ikun ferħan. Meta aħna l-membri tal-Knisja nittrasmettu d-dawl tal-evanġelju, in-nies ikunu jistgħu jaraw l-ferħ tagħna u jħossu l-imħabba ta’ Alla timla ħajjitna b’ mod abbundanti. Ikunu jridu jafu għaliex. Ikunu jridu jifhmu s-sigriet tagħna.
Dan iwassalhom sabiex jistaqsu mistoqsijiet bħal “Għaliex intom tant ferħanin?” jew “Għaliex dejjem ikollkom attitudni pożittiva?” It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet, mingħajr ebda dubju, twassalna perfettament għal konverżazzjoni dwar l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.
Ħu Gost Aqbad Konverżazzjoni
Li naqbdu nitkellmu dwar ir-reliġjon—partikolarment mal-ħbieb tagħna u mal-maħbubin tagħna—jista’ jkun daqsxejn diffiċli u ta’ sfida. M’ għandux ikun hekk. Li nsemmu xi esperjenzi spiritwali jew nitkellmu dwar xi attivitajiet jew avvenimenti tal-Knisja waqt li nkunu qegħdin f’ diskursata ma’ ħaddieħor, tista’ tkun xi ħaġa faċli u pjaċevoli jekk jirnexxilna nagħmlu daqsxejn kuraġġ u nużaw daqsxejn sens komun.
Marti, Harriet, hija eżempju sabiħ ta’ dan. Meta konna qed ngħixu fil-Ġermanja, hija kienet issib mod kif tintroduċi ċerta suġġetti relatati mal-Knisja fil-konverżazzjonijiet tagħha mal-ħbieb u ma’ dawk li tiltaqa’ magħhom. Per eżempju, meta xi ħadd kien jistaqsiha dwar kif kienet għaddiet tmiem il-ġimgħa, hija kienet tirrispondi, “Nhar il-Ħadd kellna esperjenza mill-isbaħ fil-knisja! Darba ġuvni ta’ 16-il sena għamel diskors mill-isbaħ, quddiem 200 ruħ waqt kongregazzjoni minn tagħna, dwar li tgħix ħajja moralment nadifa.” Jew, “Sirt naf fuq mara ta’ 90 sena li ħadmet ’il fuq minn 500 kutra tas-suf u tathom għall-programm umanitarju tal-Knisja sabiex jintbagħtu lil min hu fil-bżonn madwar id-dinja.”
Aktar iva milli le, dawk li semgħu b’ dan riedu jkunu jafu aktar. Huma staqsew mistoqsijiet. U dan wassal għal opportunitajiet biex jiġi diskuss l-evanġelju b’ mod naturali, kunfidenti u mingħajr ma jiġi sfurzat ħadd.
Bil-wasla tal-internet u l-midja soċjali, illum huwa aktar faċli minn qatt qabel li tagħmel konverżazzjoni dwar dawn il-ħwejjeġ. Kull m’ għandna bżonn huwa l-kuraġġ li nagħmlu dan.
Kun Mimli Grazzja
Sfortunatament, huwa faċli ħafna li tkun spjaċevoli. Spiss jiġri li nispiċċaw nargumentaw, niddisprezzaw u nikkundannaw. Meta nkunu rrabjati, maledukati jew offensivi mal-oħrajn, l-aħħar ħaġa li jkunu jridu tkun li jitgħallmu aktar dwarna. Huwa impossibbli li tkun taf kemm nies telqu mill-Knisja jew qatt ma ngħaqdu magħha għaliex xi ħadd qal xi ħaġa li weġġgħathom jew ħassewhom offiżi.
Hawn wisq maledukazzjoni fid-dinja illum. Minħabba l-anonimità tal-Internet, huwa ferm aktar faċli minn qatt qabel li online tgħid ħwejjeġ velenużi jew li jweġġgħu. M’għandniex aħna, id-dixxipli fidili ta’ Kristu l-ħanin, ikollna standard aktar karitattevoli u ogħla? L-iskrittura tgħallem, “Ħa tkun dejjem il-kelma tagħkom kollha ħlewwa, imħawra bil-melħ tal-għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd” (Kolossin 4:6).
Togħġobni l-idea li kliemna jkun ċar daqs is-sema fil-bnazzi u mimli grazzja. Tistgħu timmaġinaw kif jistgħu jkunu l-familji, l-oqsma, il-ġnus u saħansitra d-dinja tagħna jekk aħna naddottaw dan il-prinċipju sempliċi?
Kun Mimli Fidi
Xi kultant nagħtu lilna nfusna wisq kredtu jew wisq tort fuq kemm ħaddieħor jaċċettax jew le l-evanġelju. Huwa importanti niftakru li l-Mulej ma jistennix li nkunu aħna li nikkonvertuhom.
Il-konverżjoni ma tiġix permezz ta’ kliemna iżda permezz tal-amministrazzjoni ċelestjali tal-Ispirtu s-Santu. Kultant kull ma jkun hemm bżonn tkun it-testimonjanza sempliċi tagħna jew rakkont ta’ esperjenza sabiex tibda tirtab il-qalb jew jinfetaħ il-bieb li jista’ jwassal sabiex dak li jkun jesperjenza l-verità sublimi permezz tas-suġġerimenti tal-Ispirtu.
Il-President Brigham Young (1801–77) qal li huwa sar jaf li l-evanġelju huwa vera meta huwa ra “raġel bla ebda elokwenza jew xi talent partikolari bħala kelliem, li kien jaf jgħid biss, ‘Jiena naf, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru, li Joseph Smith huwa Profeta tal-Mulej.” Il-President Young qal li meta huwa sema’ dik it-testimonjanza mill-aktar umli, “L-Ispirtu s-Santu li ġie pproċedut minn dak l-individwu dawwal l-għarfien tiegħi, u quddiemi rajt id-dawl, il-glorja u l-immortalità.”2
Ħuti, kabbru l-fidi. Il-Mulej jimmanjifika kliemkom u jagħtih il-qawwa. Alla ma jitlobkomx sabiex tikkonvertu iżda pjuttost li ssemmgħu leħinkom. Mhux f’ idejkom li tikkonvertu—dak f’ idejn il-persuna li qed tismagħkom u l-Ispirtu s-Santu.
Kull Membru Missjunarju
Għeżież ħbieb tiegħi, quddiemna llum għandna diversi modi kif nistgħu nsemmgħu leħinna u naqsmu ma’ ħaddieħor l-aħbar ta’ ferħ tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Hemm mod kif kulħadd — anke dak il-missjunarju li qed isibha xi ftit diffiċli— ikun jista’ jipparteċipa f’ din il-ħidma kbira. Ilkoll kemm aħna nistgħu nsibu mod kif nistgħu nużaw it-talenti u l-interessi partikolari tagħna biex nissapportjaw fil-ħidma li nimlew id-dinja bid-dawl u l-verità. Hekk kif nagħmlu dan, aħna nsibu l-ferħ li jiksbu dawk li huma fidili u kuraġġjużi biżżejjed “li jieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’ kull ħin” (Mosiah 18:9).
© 2013 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/12. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/12. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, February 2013. Maltese. 10662 159