2013
Il-Patti tat-Tempju
April 2013


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, April 2013

Il-Patti tat-Tempju

Permezz tat-talb studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit reliefsociety.lds.org.

Il-motto tas-Soċjetà tal-Għajnuna

Fidi, Familja, Għajnuna

“Huma jifhmu li l-ordinanzi tas-salvazzjoni li nirċievu fit-tempju, li jagħtuna ċ-ċans li xi darba nerġgħu lura għand Missierna tas-Smewwiet bħala parti minn familja eterna u li permezz tagħhom ningħataw l-għotja mqaddsa li tgħinna niksbu barkiet kbar u qawwa mis-smewwiet, jiswew kull sagrifiċċju u kull sforz min-naħa tagħna,”1 qal il-President Thomas S. Monson. Jekk għadek ma mortx it-tempju, tista’ tibda titħejji sabiex tirċievi l-ordinanzi sagri tat-tempju billi:

  • Temmen fil-Missier tas-Smewwiet, f’ Ġesù Kristu u fl-Ispirtu s-Santu.

  • Tikkultiva t-testimonjanza tiegħek fl-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u fl-evanġelju rrestawrat.

  • Issostni u timxi wara l-profeta ħaj.

  • Tikkwalifika għal rakkomandazzjoni tat-tempju billi tħallas id-dieċmi, iżżomm ruħek moralment nadif, tkun onest, iżżomm il-Kelma tal-Għerf u tgħix f’ armonija mat-tagħlim tal-Knisja.

  • Tagħti ħinek, it-talenti tiegħek u r-riżorsi tiegħek sabiex tgħin fil-bini tas-saltna tal-Mulej.

  • Tipparteċipa fil-ħidma tal-istorja tal-familja.2

Barra minn hekk il-President Monson għallem, “Hekk kif niftakru fil-patti li nagħmlu [fit-Tempju], aħna nkunu kapaċi niffaċċjaw kull sfida u ngħelbu kull tentazzjoni.”3

Mill-Iskrittura

Doctrine and Covenants 14:7; 25:13; 109:22

Mill-Istorja Tagħna

“Folla ta’ aktar minn 5,000 Qaddis marru fit-Tempju ta’ Nauvoo wara d-dedikazzjoni tiegħu. …

“Il-qawwa u l-barkiet tal-patti tat-tempju [sostnew] lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem tul il-vjaġġ tagħhom [lejn il-punent] meta huma [sofrew] minn kesħa, sħana, ġuħ, povertà, mard, aċċidenti u mewt.”4

Bħal ħafna nisa mis-Soċjetà tal-Għajnuna, Sarah Rich serviet bħala ħaddiem tat-tempju. Hija tkellmet dwar l-esperjenza tagħha: “Li kieku ma kienx għall-fidi u l-għarfien li ġejna mberkin bihom ġewwa t-tempju permezz … tal-Ispirtu tal-Mulej, il-vjaġġ tagħna kien ikun bħal meta wieħed jaqbad jimxi fid-dlam. … Iżda aħna kellna fidi f’ Missierna tas-Smewwiet, … sentiment li aħna konna l-poplu magħżul Tiegħu … , u minflok in-niket, ħassejna li kellna nifirħu li jum il-ħelsien kien fl-aħħar wasal.”5

L-esodu ma kienx “pass fid-dlam” għan-nisa fidili Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Huma ġew sostnuti permezz tal-patti tagħhom tat-tempju.

Noti

  1. Thomas S. Monson, “The Holy Temple—a Beacon to the World,” Liahona, Mejju 2011, 92.

  2. Ara Daughters in My Kingdom: The History and Work of Relief Society (2011), 21.

  3. Thomas S. Monson, Liahona, Mejju 2011, 93.

  4. Daughters in My Kingdom, 29–30.

  5. Sarah Rich, f’ Daughters in My Kingdom, 30.

X’ Nista’ Nagħmel?

  1. Qiegħda mmur nagħti qima fit-tempju b’ mod regolari?

  2. Qiegħda nħeġġeġ lil ħuti sabiex jirċievu l-barkiet tat-tempju?