Nirċievu Testimonjanza ta’ Dawl u Verità
It-testimonjanza personali tagħkom ta’ dawl u verità mhux biss tbierek lilkom u lil ulied uliedkom f’ din il-ħajja mortali, iżda tibqa’ magħkom ukoll tul l-eternità kollha.
Bħala pilota tal-ajru, jiena qattajt sigħat sħaħ intir fuq kontinenti u ibħra tul id-dalma tal-lejl. Filwaqt li minn ġo t-tieqa tal-kabina tiegħi kont inħares lejn is-sema ta’ bil-lejl, speċjalment lejn il-Galassja, ħafna drabi kont nispiċċa nimmeravilja ruħi bil-kobor u l-immensità tal-ħoqien ta’ Alla—dak li l-iskrittura tiddeskrivi bħala “dinjiet bla għadd.”1
Kien anqas minn seklu ilu li l-biċċa l-kbira tal-astronomi kienu jassumu li l-Galassja tagħna kienet l-unika galassja fl-univers.2 Kienu jaħsbu li kull ma kien hemm wara l-galassja tagħna kien biss baħħ immens, vojt infinit—spazju mingħajr xejn, kiesaħ, mingħajr kwiekeb, dawl u ħajja.
Hekk kif it-teleskopji bdew isiru aktar sofistikati—fosthom teleskopji li setgħu jintbagħtu fl-ispazju—l-astronomi bdew jaraw b’ għajnejhom verità spettakolari li kważi diffiċli timmaġinaha: l-univers huwa ferm u ferm akbar milli kienu jemmnu qabel, li s-smewwiet mimlijin b’ galassji bla għadd, ’il bogħod minna ferm aktar milli qatt nistgħu nimmaġinaw, ilkoll kemm huma għandhom fihom mijiet ta’ biljuni ta’ kwiekeb.3
Fi żmien verament qasir, l-għarfien tagħna tal-univers inbidel għal dejjem.
Illum nistgħu naraw uħud minn dawn il-galassji li huma tant ’il bogħod minna.4
Nafu li qegħdin hemm.
Ilhom hemm għal żmien twil ħafna.
Iżda qabel ma l-bniedem kellu f’ idejh strumenti tajbin biżżejjed li jakkumula dawl ċelestjali u jkun jista’ jara b’ għajnejh dawn il-galassji, ma konniex nemmu li xi ħaġa bħal din kienet possibbli.
L-immensità tal-univers ma nbidlitx f’ daqqa waħda, iżda l-abbiltà tagħna li naraw u nifhmu din il-verità nbidlet b’ mod drammatiku. U permezz ta’ dan id-dawl akbar, l-umanità setgħet tibda tara veduti glorjużi li qatt ma kienet timmaġina qabel.
Diffiċli Għalina li Nemmnu Dak li Ma Nistgħux Naraw
Immaġinaw tistgħu tivvjaġġaw lura fiż-żmien u taqbdu konverżazzjoni ma’ nies li għexu elf sena ilu jew saħansitra mitt sena ilu. Immaġinaw tippruvaw tiddeskrivulhom xi wħud mit-teknoloġiji moderni li intom u jiena ftit li xejn napprezzaw illum. Per eżempju, x’ jistgħu jaħsbu fuqna dawn in-nies jekk nirrakkontawlhom stejjer fuq ajruplani enormi, fran bil-microwave, strumenti li żżommhom f’ idejk li ġewwa fihom tista’ tqiegħed librerija enormi, u vidjos tan-neputijiet tagħna li f’ ħin mill-aktar qasir tista’ turihom lil miljuni ta’ nies madwar id-dinja?
Xi wħud jafu jemmnuna. Il-maġġoranza jiżżuffjettaw bina, jeħduha kontrina jew saħansitra anke jippruvaw jagħlqulna ħalqna jew iweġġgħuna. Oħrajn jippruvaw jużaw il-loġika, ir-raġuni u l-fatti kif jafuhom huma biex juruna li aħna qed niġu mqarrqa, li aħna boloh u saħansitra perikolużi. Jistgħu anke jikkundannawna talli qed nippruvaw niżgwidaw lil ħaddieħor.
Iżda m’hemmx dubju, li dawn in-nies ikunu verament żbaljati. Jista’ jkun li jkollhom intenzjoni tajba u jkunu sinċieri. Jista’ jkun li jkunu jħossuhom ċerti mill-opinjoni tagħhom. Iżda huma sempliċiment ma jkunux kapaċi jaraw ċar peress li jkunu għadhom ma rċevewx id-dawl komplet tal-verità.
Il-Wegħda tad-Dawl
Jidher li hi karatteristika umana li nassumu li għandna raġun anke meta nkunu żbaljati. U jekk dan huwa l-każ, x’ tama hemm għalina? Aħna ddestinati li nibqgħu ninġarru mingħajr direzzjoni fuq baħar ta’ informazzjoni konfliġġenti, mixħutin fuq ċattra li bnejna b’ mod xejn tajjeb mill-ideat żbaljati tagħna?
Huwa possibbli li nsibu l-verità?
L-iskop tar-rimarki tiegħi hu li nħabbar il-messaġġ ta’ ferħ li Alla nnifsu—il-Mulej tal-Eżerċti li jaf il-verità kollha—ta lil uliedu l-wegħda li huma jistgħu jsiru jafu huma stess il-verità.
Jekk jogħġobkom ikkunsidraw il-kobor ta’ din il-wegħda:
Alla l-Etern u s-Setgħan, il-Ħallieq ta’ dan l-univers vast, ikellem lil dawk li jersqu lejh b’ qalb sinċiera u intenzjoni ġenwina.
Huwa jkellimhom permezz tal-ħolm, viżjonijiet, ħsibijiet u sentimenti.
Huwa jitkellem b’ mod mill-aktar ċar u li jittraxxendi l-esperjenza umana. Huwa jagħtihom direzzjoni u tweġiba divina għall-ħajja personali tagħhom.
Bla dubju, se jkun hemm dawk li b’ disprezz jgħidu li din il-ħaġa mhux possibbli, li, li kieku jeżisti Alla, mhux se joqgħod jaħli l-ħin jisma’ u jwieġeb talba ta’ sempliċi persuna waħda.
Iżda jiena ngħidilkom dan: Alla jimpurtah minnkom. Huwa jisma’ u Huwa jwieġeb il-mistoqsijiet personali tagħkom. Ir-risposta għat-talb tagħkom tasal bil-mod li jrid Hu u fil-ħin li jrid Hu, u għalhekk, jeħtieġ titgħallmu tisimgħu l-vuċi Tiegħu. Alla jridkom sabiex issibu t-triq lura lejh, u s-Salvatur huwa t-triq.5 Alla jridkom titgħallmu dwar Ibnu, Ġesù Kristu, u tesperjenzaw il-paċi u l-hena profonda li jkollkom jekk timxu fit-triq divina li jimxu fiha d-dixxipli Tiegħu.
Għeżież ħbieb tiegħi, jeżisti esperiment xejn ikkumplikat, b’garanzija mingħand Alla, li nsibuh fi ktieb ta’ skrittura antika, li huwa disponibbli għal kull raġel, mara, tifel u tifla li lesti jippruvawh:
L-ewwel, tridu tfittxu l-kelma ta’ Alla. Dan ifisser li taqraw l-iskrittura u tistudjaw il-kliem tal-profeti tal-qedem kif ukoll dawk moderni dwar l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu—mhux b’ intenzjoni li tiddubitaw jew li tikkritikaw iżda b’ xewqa sinċiera li tiskopru l-verità. Xtarru dwar dak li tħossu, u ħejju moħħkom biex tirċievu l-verità.6 “Anke jekk kull ma għandkom hija biss ix-xewqa li temmnu, ħallu dik ix-xewqa taħdem fikom … ħalli tkunu tistgħu tħallu spazju għall-kelma ta’ Alla.”7
It-tieni, għandkom tikkunsidraw, tixtarru, u tippruvaw temmnu,8 u tkunu grati għal kemm il-Mulej kien ħanin ma’ wliedu minn żmien Adam sa żmienna billi pprovdielna profeti, bassara u rivelaturi biex imexxu l-Knisja Tiegħu u jgħinuna nsibu triqitna lura lejh.
It-tielet, għandkom tistaqsu lil Missierkom tas-Smewwiet, f’ isem Ġesù Kristu, sabiex jurikom il-verità tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Itolbu b’ qalb sinċiera u b’intenzjoni ġenwina, b’fidi fi Kristu.9
Hemm ukoll ir- raba’ pass, mogħti lilna mis-Salvatur: “Min irid jagħmel ir-rieda tiegħu jaf jekk dan it-tagħlim huwiex minn Alla jew jekk qed ngħid xi ħaġa minn tiegħi.”10 Fi kliem ieħor, meta qed tippruvaw tivverifikaw il-verità tal-prinċipji tal-evanġelju, l-ewwel li għandkom tagħmlu hu li tgħixuhom. F’ ħajjitkom araw li tittestjaw id-duttrina tal-evanġelju u t-tagħlim tal-Knisja. Agħmlu dan b’ intenzjoni ġenwina u b’ fidi kontinwa f’Alla.
Jekk tagħmlu dan, ikollkom wegħda mingħand Alla—li dejjem iżomm il-kelma Tiegħu11 —li Huwa jurikom il-verità bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Huwa jagħtikom dawl akbar li jwassalkom biex tħarsu qalb id-dalma u taraw b’ għajnejkom veduti glorjużi ferm aktar milli l-għajnejn mortali qatt jistgħu jimmaġinaw.
Xi wħud jafu jgħidu li dawn il-passi diffiċli wisq jew li huma mhux denji biex jagħmlu dan. Iżda jiena nissuġġerixxi li din it-testimonjanza personali tal-evanġelju u tal-Knisja hija l-aktar ħaġa importanti li intom qatt tistgħu tiksbu f’ din il-ħajja. Mhux biss tberikkom u tiggwidakom tul din il-ħajja, iżda se jkollha effett dirett fuq il-ħajja tagħkom tul l-eternità.
Il-Ħwejjeġ tal-Ispirtu Jistgħu Jinftiehmu Biss permezz tal-Ispirtu
Ix-xjenzati kienu qed isibuha diffiċli jifhmu l-kobor tal-univers, sakemm l-istrumenti saru sofistikati biżżejjed li jakkumulaw dawl akbar ħalli jkunu jistgħu jifhmu verità aktar sħiħa.
L-Appostlu Pawlu għallem prinċipju simili dwar l-għarfien spiritwali. “Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla,” huwa kiteb lill-Korintin, “għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu.”12
Fi kliem ieħor, jekk tridu tagħrfu l-verità spiritwali, tridu tużaw l-istrumenti xierqa. Ma jistax ikollkom għarfien tal-verità spiritwali jekk tużaw strumenti li mhux kapaċi jagħrfuha.
Is-Salvatur fiż-żmienna qalilna, “Dak li ġej minn Alla huwa dawl; u dak li jirċievi d-dawl, u jibqa’ viċin Alla, jirċievi aktar dawl; u dak id-dawl jikber u jikber fid-dija tiegħu sa dak il-jum perfett.”13
Aktar ma aħna ndawru qlubna u moħħna lejn Alla, aktar id-dawl tas-smewwiet jippurifika ruħna. U kull darba li minn jeddna aħna b’ ħerqa nfittxu dak id-dawl, aħna nuru lil Alla li aħna lesti li nirċievu aktar dawl. Gradwalment, ħwejjeġ li qabel għalina kienu mċajpra, mudlama u remoti jsiru ċari, mdawla u familjari.
Bl-istess raġuni, jekk aħna nitbiegħdu mid-dawl tal-evanġelju, l-istess dawl tagħna jibda jonqos—mhux wara xi ġurnata jew ġimgħa iżda gradwalment maż-żmien—sakemm inħarsu lura u ma nkunux nistgħu nifhmu sewwa kif qatt konna nemmnu li l-evanġelju kien veru. L-għarfien li kellna qabel jista’ anke jibda jidher għalina bħala bluha peress li dak li darba kien tant ċar reġa’ sar imċajpar u diffiċli nifmuh.
Għalhekk Pawlu nsista tant li l-messaġġ tal-evanġelju huwa bluha għal dawk li qed jintilfu, “imma għal dawk li jsalvaw hu l-qawwa ta’ Alla.”14
M’hemmx Indikatur Partikolari
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija post għal nies b’ kull tip ta’ testimonjanza. Hawn membri tal-Knisja li t-testimonjanza tagħhom hija waħda ċerta u tinsab taqbad ġewwa fihom. Oħrajn għadhom qed jippruvaw isiru jafu għalihom infushom. Il-Knisja hija dar fejn ilkoll ninġabru flimkien, hi kemm hi b’ saħħitha t-testimonjanza tagħna. Jiena qatt ma rajt xi tabella fuq il-bibien tad-djar tal-laqgħat tagħna li tgħid, “It-testimonjanza tiegħek trid tkun kbira daqshekk biex tidħol.”
Il-Knisja mhijiex biss għal nies perfetti iżda għal dawk kollha li jridu “jersqu lejn Kristu u jipperfezzjonaw ruħhom fih.”15 Il-Knisja hija għal nies bħalkom u bħali. Il-Knisja hija post fejn tħossukom milqugħin u sostnuti, mhux isseparati jew kritikati. Hija post fejn aħna nilħqu lil xulxin sabiex ninkuraġġixxu, nelevaw u nsostnu lil xulxin hekk kif inkunu għaddejjin bit-tfittxija individwali tagħna għall-verità divina.
Wara kollox, aħna lkoll pellegrini li qed infittxu d-dawl ta’ Alla hekk kif qed nivvjaġġaw fit-triq tagħna bħala dixxipli. Ma nikkundannawx lil oħrajn għal kemm għandhom jew m’għandhomx dawl; minflok, għandna nsostnu u ninkuraġġixxu d-dawl kollu li hemm sakemm jikber fiċ-ċarezza, fid-dija u fil-verità.
Wegħda lil Kulħadd
Ejjew nagħrfu li ħafna drabi li niksbu testimonjanza mhijiex xi ħaġa ta’ minuta, siegħa jew ġurnata. Mhix xi ħaġa li għamilnieha darba u daqshekk. Il-proċess biex inkabbru d-dawl spiritwali huwa ħaġa li nibqgħu naħdmu għalih ħajjitna kollha.
It-testimonjanza tagħkom tal-Iben Ħaj ta’ Alla u tal-Knisja rrestawrata Tiegħu, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, taf ma tiksbuhiex malajr kemm tixtiequ, iżda nwegħedkom: jekk tagħmlu l-parti tagħkom, tiksbuha żgur.
U tkun waħda glorjuża.
Noffrilkom ix-xhieda personali tiegħi li l-verità spiritwali timla qalbkom u twassal id-dawl lill-ispirtu tagħkom. Tiżvelalkom intelliġenza pura flimkien ma’ ferħ mill-isbaħ u paċi divina. Esperjenzajt dan għalija nnifsi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Kif twegħedna l-iskrittura antika, il-preżenza li diffiċli tfissirha bil-kliem tal-Ispirtu ta’ Alla twassalkom biex tkantaw l-għanja tal-imħabba feddejja,16 titfgħu għajnejnkom lejn is-sema, u tgħollu leħinkom f’tifħir lil Alla l-Għoli, ir-Refuġju tagħkom, it-Tama tagħkom, il-Protettur tagħkom, il-Missier tagħkom. Is-Salvatur wiegħed li jekk tfittxu, issibu.17
Jiena nixhed li dan kollu minnu. Jekk tfittxu l-verità ta’ Alla, dak li bħalissa jidher imdallam, sfukat u għadu ’l bogħod, ftit ftit jiġi żvelat, iċċarat u jersaq viċin ta’ qalbek pemezz tad-dawl tal-grazzja ta’ Alla. Veduti spiritwali glorjużi, li l-għajn umana lanqas biss timmaġinahom, jiġu żvelati lilkom.
Hija t-testimonjanza tiegħi li dan id-dawl spiritwali jistgħu jiksbuh l-ulied kollha ta’ Alla. Idawwal moħħkom u jġib il-fejqan f’qalbkom u l-ferħ f’ ħajjitkom. Għeżież ħbieb tiegħi, jekk jogħġobkom toqogħdux titnikkru biex tibdew tfittxu u ssaħħu t-testimonjanza personali tagħkom tal-ħidma divina ta’ Alla, sewwasew il-ħidma tad-dawl u l-verità.
It-testimonjanza personali tagħkom ta’ dawl u verità mhux biss tbierek lilkom u lil ulied uliedkom f’ din il-ħajja mortali, iżda tibqa’ magħkom ukoll tul l-eternità kollha, qalb dinjiet bla tmiem. Ta’ dan jiena nixhed u nagħtikom il-barka tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.
© 2014 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/14. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/14. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, November 2014. Maltese. 10871 159