2014
Ara Fejn Titfa’ Riġlek fi Triqtek
Novembru 2014


Ara Fejn Titfa’ Riġlek fi Triqtek

Filwaqt li nħarsu lejn Ġesù bħala l-Eżemplar tagħna u filwaqt li nimxu fuq il-passi Tiegħu, nistgħu nerġħu lura bla periklu għand Missierna tas-Smewwiet.

Għeżież ħuti, nieqaf quddiemkom dalgħodu b’ umiltà kbira. Nitlob għall-fidi u t-talb tagħkom f’ ismi hekk kif jiena naqsam magħkom il-messaġġ tiegħi.

Ilkoll kemm aħna bdejna vjaġġ sabiħ u essenzjali meta tlaqna mid-dinja tal-ispirtu u dħalna dan l-istadju, mimli sfidi, li jissejjaħ il-mortalità. L-għanijiet ewlenin tal-eżistenza tagħna fuq din id-dinja huma li niksbu ġisem tad-demm u l-laħam, niksbu esperjenza li stajna niksbuha biss billi nisseparaw ruħna mill-ġenituri tagħna tas-smewwiet, u naraw jekk aħniex lesti nżommu l-kmandamenti. Fil- ktieb ta’ Abraham kapitlu 3 naqraw: “U nippruvawhom ħalli naraw jekk jagħmlux dak kollu li jitlobhom jagħmlu l-Mulej Alla tagħhom.”1

Meta aħna ġejna fid-dinja, aħna ġibna magħna dak id-don kbir mingħand Alla—sewwasew l-għażla ħielsa tagħna. Wisq huma l-modi li fihom aħna privileġġati li nagħżlu għalina nfusna. Hawnhekk nitgħallmu mill-imgħallem iebes tal-esperjenza personali. Aħna niddixxernu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Aħna niddistingwu bejn il-morr u l-ħelu. Nitgħallmu li d-deċiżjonijiet jiddeterminaw destin.

Jiena ċert li aħna tlaqna lil Missierna b’xewqa mill-aktar kbira li nerġgħu lura ħdejh, li niksbu l-eżaltazzjoni li Huwa ppjana għalina u li aħna stess tant ridna. Għalkemm aħna tħallejna hawnhekk biex insibu u nimxu wara t-triq li twassalna lura għand Missierna tas-Smewwiet, Huwa ma bagħatniex hawn mingħajr ebda direzzjoni u gwida. Pjuttost, Huwa tana l-għodda kollha li neħtieġu, u Huwa jassistina hekk kif aħna nfittxu l-għajnuna Tiegħu u nippruvaw nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibqgħu sodi sal-aħħar u niksbu l-ħajja eterna.

Biex jiggwidana aħjar, aħna għandna l-kelma ta’ Alla u ta’ Ibnu kif tinsab fl-iskrittura mqaddsa. Għandna l-kunsill u t-tagħlim tal-profeti ta’ Alla. Ta’ importanza enormi, Huwa pprovdielna eżempju perfett biex nimxu warajh—sewwasew l-eżempju tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu—u ġejna mitlubin sabiex nimxu wara dan l-eżempju. Il-Mulej qal dan dwaru nnifsu: “Ejjew, imxu warajja.”2 “L-għemejjel li rajtuni nwettaq wettqu intom ukoll.”3 Huwa għamlilhom il-mistoqsija, “X’tip ta’ bnedmin għandkom tkunu?” U mbagħad Huwa wieġeb, “Fis-sewwa ngħidilkom, sewwasew kif jien jiena.”4 “Hu lesta l-mogħdija u lestielna t-triq.”5

Filwaqt li nħarsu lejn Ġesù bħala l-Eżemplar tagħna u filwaqt li nimxu fuq il-passi Tiegħu, nistgħu nerġħu lura bla periklu għand Missierna tas-Smewwiet biex ngħixu miegħu għal dejjem. Il-profeta Nefi qal, “Sakemm il-bniedem ma jibqax sod sat-tmiem, billi jimxi wara l-eżempju ta’ Iben Alla l-ħaj, huwa ma jistax isalva.”6

Waħda mara, kull darba li kienet tirrakonta l-esperjenzi li kellha meta żaret l-Art Imqaddsa, kienet tlissen, “Jiena mxejt fejn mexa Ġesù!”

Hija kienet fl-inħawi fejn għex u għallem Ġesù. Jista’ jkun li anke waqfet fuq xi blata li darba kien waqaf fuqha Hu jew ħarset lejn xi muntanji li kien darba ħares lejhom Hu. L-esperjenzi, minnhom infushom, kienu jimlewha b’ eċċitament kbir; iżda li timxi fiżikament fejn mexa Ġesù huwa anqas importanti milli timxi kif mexa Hu. Li nimitaw l-għemejjel Tiegħu u nimxu wara l-eżempju Tiegħu huwa ferm aktar importanti milli nippruvaw nittraċċaw il-fdalijiet tat-toroq li għadda minnhom fil-mortalità.

Meta lil wieħed għani Ġesù għamillu l-istedina, “Ejja, imxi warajja,”7 L-intenzjoni Tiegħu ma kenitx sempliċiment li r-raġel għani jimxi warajh qalb l-għoljiet u l-widien tal-kampanja.

M’għandniex għalfejn nimxu ħdejn ix-xatt tal-Galilija jew qalb l-għoljiet tal-Ġudea biex nimxu fejn mexa Ġesù. Ilkoll kemm aħna nistgħu nimxu t-triq li mexa Hu meta, bi kliemu jidwi f’ widnejna, bl-Ispirtu Tiegħu jimla qlubna, u bit-tagħlim Tiegħu jiggwida ħajjitna, aħna nagħżlu li nimxu warajh waqt li nivvjaġġaw fil-mortalità. L-eżempju Tiegħu jdawwal it-triq. Huwa qal, “Jiena t-triq, il-verità, u l-ħajja.”8

Hekk kif neżaminaw it-triq li mexa fiha Ġesù, naraw li fiha kellu jgħaddi minn uħud mill-istess sfidi li nħabbtu wiċċna magħhom aħna fil-ħajja.

Per eżempju, Ġesù mexa t-triq tad-diżappunt. Għalkemm Huwa esperjenza bosta diżappunti, wieħed li verament iqanqlek deher fl-espressjoni kollha niket tiegħu dwar Ġerusalemm hekk kif kien wasal fi tmien il-ministeru pubbliku Tiegħu. Ulied Iżrael kienu abbandunaw is-sigurtà tal-ġwienaħ tal-protezzjoni li Huwa kien offrielhom. Hekk kif Huwa ħares lejn il-belt li ftit wara kellha tiġi abbandunata u meqruda, Huwa ħassu verament kommoss b’ niket mill-aktar profond. B’diqa ta’ qalb kbira Huwa għajjat, “Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol lill-profeti u tħaġġar lill-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx!”9

Ġesù mexa t-triq tat-tentazzjoni. Luċifru, kollu ħażen, ġabar il-forza kollha tiegħu u l-aktar gideb li jħajjar u ttanta lil Dak li kien għadu kif sam għal 40 jum u 40 lejl. Ġesù ma waqax; pjuttost, Huwa rreżista kull tentazzjoni. Il-kliem li temm jgħid kien: “Itlaq, Satana.”10

Ġesù mexa t-triq tal-uġigħ. Ġibu quddiem għajnejkom il-Ġetsemani, fejn Huwa kien “ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u … l-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa l-art.”11 U ħadd ma jista’ jinsa s-sofferenza Tiegħu fuq is-salib krudili.

Ilkoll kemm aħna se nimxu t-triq tad-diżappunt, forsi minħabba xi opportunità mitlufa, xi użu ħażin ta’ xi qawwa, xi għażliet ħżiena ta’ xi maħbubin tagħna, jew xi għażla ħażina li għamilna aħna stess. It-triq tat-tentazzjoni wkoll se tkun triq li se nkunu fiha aħna lkoll. Naqraw fid- 29 kapitlu tad-Duttrina u Patti: “U x-xitan se jitħalla jittanta lil ulied il-bnedmin, jew huma ma jkunux jistgħu jużaw l-għażla ħielsa tagħhom .”12

Bl-istess mod għandna nimxu fit-triq tal-uġigħ. Aħna, bħala qaddejja, ma nistgħux nistennew li għandna nkunu privileġġati aktar mill-Imgħallem, li għadda lil hinn minn din il-ħajja mortali biss wara li esperjenza uġigħ enormi u sofferenza kbira.

Filwaqt li fit-triq tagħna se nħabbtu wiċċna ma’ niket doloruż, nistgħu nsibu wkoll ferħ kbir.

Aħna, flimkien ma’ Ġesù, nistgħu nimxu t-triq tal-ubbidjenza. Mhux dejjem se tkun faċli, iżda ejjew il-motto tagħna jkun il-wirt li ħallielna Samwel: “Ara, l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji; is-smigħ, aħjar mix-xaħam tal-muntun.”13 Ejjew niftakru li r-riżultat aħħari tad-diżubbidjenza huwa l-jasar u l-mewt, filwaqt li l-premju tal-ubbidjenza huwa l-ħelsien u l-ħajja eterna.

Aħna, bħal Ġesù, nistgħu nimxu t-triq tas-servizz. Bħal torċ jiddi t-tjubija hija l-ħajja ta’ Ġesù hekk kif Huwa amministra fost il-bnedmin. Huwa rrestawra s-saħħa f’ riġlejn il-magħtub, id-dawl f’ għajnejn l-għomja, is-smigħ f’ widnejn it-torox.

Ġesù mexa t-triq tat-talb. Huwa għallimna kif nitolbu billi tana t-talba sabiħa li nafuha bħala t-Talba tal-Mulej. U min jista’ jinsa t-talba Tiegħu fil-Ġetsemani, “Ir-rieda tiegħek, u mhux tiegħi”?14

Struzzjonijiet oħra mogħtija mis-Salvatur jinsabu disponibbli għalina fl-iskrittura mqaddsa. Fid-Diskors Tiegħu fuq il-Muntanja, Huwa jgħidilna biex inkunu mimlija ħniena, umli, twajba, ta’ qalb pura, nies li jġibu l-paċi. Huwa talabna sabiex nieqfu b’kuraġġ għal dak li nemmnu fih, sewwasew anke meta nkunu qed niġu rredikulati u ppersegwitati. Huwa talabna sabiex inħallu d-dawl tagħna jiddi ħalli oħrajn ikunu jistgħu jarawh u b’ hekk ikunu jixtiequ jigglorifikaw lil Missierna fis-Smewwiet. Huwa jgħallimna sabiex inkunu moralment indaf kemm fi ħsibijietna kif ukoll f’ għemilna. Huwa qalilna li huwa ferm aktar importanti li nġemmgħu għalina teżori fis-sema milli fuq l-art.15

Il-parabboli Tiegħu jgħallmu bil-qawwa u l-awtorità. Bir-rakkont tas-Samaritan it-Tajjeb, Huwa jgħallimna biex inħobbu u naqdu lil għajrna.16 Fil-parabbola Tiegħu tat-talenti, Huwa jgħallimna sabiex intejbu lilna nfusna u naħdmu għall-perfezzjoni.17 Permezz tal-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, Huwa jgħallmina sabiex immorru nsalvaw lil dawk li ħarġu mill-mogħdija u tilfu triqthom.18

Hekk kif nagħmlu l-almu tagħna biex inpoġġu l-Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna billi nitgħallmu kliemu, nimxu wara t-tagħlim Tiegħu u nimxu fit-triq Tiegħu, Huwa wiegħed li jaqsam magħna l-ħajja eterna li biex niksbuha Huwa miet. M’hemmx ħidma ogħla minn din, li aħna nagħżlu li naċċettaw d-dixxiplina Tiegħu u nsiru dixxipli Tiegħu u nagħmlu l-ħidma Tiegħu matul ħajjitna. Xejn aktar, l-ebda għażla oħra li nistgħu nagħmlu, ma tista’ tagħmel minna dak li jista’ jagħmel Hu.

Hekk kif naħseb dwar dawk li ppruvaw verament jimxu wara l-eżempju tas-Salvatur u li mxew fit-triq Tiegħu, jiġu f’ moħħi l-ismijiet ta’ Gustav u Margarete Wacker—tnejn mill-aktar individwi li naf li ħajjithom tixbah lil dik ta’ Kristu. Huma Ġermaniżi nattivi li emigraw lejn il-lvant tal-Kanada, u ltqajt magħhom meta kont qed inservi bħala president tal-missjoni hemmhekk. Brother Wacker kien jaħdem bħala barbier. Għalkemm ma kellhomx xi dħul kbir, huma kienu jaqsmu dak kollu li kellhom ma’ ħaddieħor. Huma ma kellhomx tfal, iżda kienu jieħdu ħsieb lil kull min kien jidħol fid-dar tagħhom. Irġiel u nisa ta’ ċerta edukazzjoni u klassi kienu jfittxu lil dawn il-qaddejja ta’ Alla umli u bla skola u kienu jqisu lilhom infushom iffurtunati jekk kienu jqattgħu siegħa fil-preżenza tagħhom.

Id-dehra tagħhom kienet waħda mill-aktar ordinarja, l-Ingliż tagħhom ma tantx kien tajjeb u diffiċli tifhmu, id-dar tagħhom mill-aktar sempliċi. La kellhom karozza u lanqas televiżjoni, u ma kinux iqattgħu ħinhom fi ħwejjeġ li ħafna nies fid-dinja jehdew bihom. Madankollu l-fidili kienu jmorru wara biebhom sabiex igawdu mill-ispirtu li kien hemm f’ darhom. Id-dar tagħhom kienet bħas-smewwiet fl-art, u l-ispirtu li kien jgħammar hemm kien wieħed ta’ paċi pura u tjubija.

Aħna wkoll jista’ jkollna dak l-istess spirtu u nistgħu naqsmuh mad-dinja filwaqt li nimxu t-triq tas-Salvatur u nimxu wara l-eżempju perfett Tiegħu.

Naqraw fil-Proverbji t-twiddiba, “Ara fejn titfa’ riġlek fi triqtek.”19 Hekk kif nagħmlu dan, aħna jkollna l-fidi, sewwasew ix-xewqa, li nimxu fit-triq li mexa fiha Ġesù. Ma jkollna l-ebda dubju li nkunu ninsabu fit-triq li jridna nimxu fiha Missierna. L-eżempju tas-Salvatur jipprovdi struttura għal dak kollu li nagħmlu, u kliemu jipprovdi gwida li ma tfalli qatt. Triqtu toħodna lura d-dar bla periklu. Jalla din tkun il-barka tagħna, jiena nitlob f’ isem Ġesù Kristu, li jiena nħobb, li jiena nservi u li Tiegħu nagħti xhieda, amen.