Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Marzu 2016
Maħluqin fi Xbieha ta’ Alla
Bl-għajnuna tat-talb studja dan il-materjal u fittex sabiex tkun taf x’ għandek taqsam ma’ ħutek. Kif l-għarfien aħjar ta’ “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” jista’ jwassalkom biex tkabbru l-fidi tagħkom f’ Alla u tbierku lil dawk li intom responsabbli minnhom permezz tat-tagħlim taż-żjajjar? Għal aktar informazzjoni, żuru reliefsociety.lds.org.
“U qal Alla, Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna. …
“U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġenesi 1:26–27).
Alla huwa Missierna tas-Smewwiet, u Huwa ħalaqna fi xbieha Tiegħu. Dwar din il-verità, il-President Thomas S. Monson qal: “Alla Missierna għandu widnejn li permezz tagħhom jisma’ talbna. Għandu għajnejn li permezz tagħhom jara l-għemejjel tagħna. Għandu ħalq li permezz tiegħu jkellimna. Għandu qalb li permezz tagħha jħoss kompassjoni u mħabba lejna. Huwa reali. Huwa jgħix. Aħna wliedu maħluqin fi xbieha tiegħu. Aħna nixbhuh u huwa jixbahna.”1
“Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem iħarsu lejn in-nies kollha bħala wlied Alla fil-veru sens tal-kelma; huma jikkunsidraw li kull persuna hija divina fl-oriġini, fin-natura u fil-potenzjal tagħha.”2 Kull waħda hija “iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet.”3
“Il-Profeta Joseph Smith tgħallem ukoll li Alla jixtieq li wliedu jirċievu l-istess tip ta’ eżistenza eżaltata li jgawdi Huwa stess.”4 Kif qal Alla, “Għax araw, din hija l-ħidma tiegħi u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.” (Moses 1:39).
Skrittura Addizzjonali
Ġenesi 1:26-27; 1 Korintin 3:17; Doctrine and Covenants 130:1
Mill-Iskrittura
Ħu Ġared fil-Ktieb ta’ Mormon fittex xi dawl biex permezz tiegħu jdawwal it-tmien braken iddisinnjati biex iġorru lill-Ġarediti fuq l-ibħra sal-art imwiegħda. Huwa “qata’ minn blata sittax-il ġebla żgħira” u talab lil Alla biex “imiss dawn il-ġebliet“ b’ subgħajh “sabiex huma jiddu fid-dalma.” U Alla “wera jdejh u mess il-ġebel waħda waħda.” Il-velu kien tneħħa minn quddiem għajnejn ħu Ġared, u “huwa ra subgħajn il-Mulej; u kien qisu subgħajn bniedem. …
“U l-Mulej qallu: Temmen inti l-kliem li jiena se ngħid?
“U huwa wieġeb: Iva, Mulej.“
U “il-Mulej wera lilu nnifsu lil ħu Ġared” u qal, “Qed tara li inti ġejt maħluq fi xbieha tiegħi? Iva, saħansitra kull bniedem ġie maħluq mill-bidu nett fi xbieha tiegħi.” (Ara Ether 3:1-17.)
© 2016 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/15. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/15. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, March 2016. Maltese. 12863 159