2016
Tgħallmu Minni
Marzu 2016


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Marzu 2016

“Tgħallmu Minni”

Fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna lkoll ngħallmu u nitgħallmu. Ilkoll kemm aħna rċevejna din l-istedina ġentili mingħand il-Mulej tagħna: “Tgħallmu minni … u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.”1

Jiena nistieden lilna l-Qaddisin tal-Aħħar Jiem kollha sabiex nixtarru ftit dwar l-isforzi tagħna li ngħallmu u nitgħallmu, u kif, meta nagħmlu dan, għandna nħarsu lejn is-Salvatur bħala l-Gwida tagħna. Aħna nafu li dan “l-imgħallem mibgħut minn Alla”2 kien ferm aktar minn sempliċiment għalliem. Huwa li għallimna biex inħobbu lill-Mulej Alla tagħna b’ qalbna kollha, b’ ruħna kollha, b’ moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha, u li nħobbu lil għajrna bħalna nnifisna, huwa l-Għalliem Prim u l-Eżemplar tal-ħajja perfetta.

Huwa Hu li ddikjara: “Ejjew, imxu warajja.”3 “Jiena tajtkom eżempju.”4

Jekk Intom Ma Tikkonvertux

Ġesù għallem verità sempliċi, madankollu profonda, kif naqraw f’ Mattew. Wara li Hu u d-dixxipli Tiegħu niżlu minn fuq l-Għolja tat-Trasfigurazzjoni, huma waqfu fil-Galilija u mbagħad marru Kafarnahum. Hemmhekk id-dixxipli marru fuq Ġesù u staqsewh:

“Min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?”

“Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom,

“U qalilhom, Tassew ngħidilkom, Jekk intom ma tikkonvertux, u ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.”5

Fil-Knisja, l-għan tat-tagħlim tal-evanġelju mhuwiex biex jimla l-moħħ ta’ wlied Alla b’ informazzjoni, kemm jekk dan isir fid-dar, fil-klassi jew fl-għalqa tal-missjoni. Mhuwiex biex nuru kemm hu bravu l-ġenitur, l-għalliem jew il-missjunarju. U lanqas mhuwa biss biex inkabbru l-għarfien tagħna dwar is-Salvatur u l-Knisja Tiegħu.

L-għan ewlieni tat-tagħlim hu biex aħna ngħinu lil ulied Missierna tas-Smewwiet jerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu u jgawdu l-ħajja eterna Miegħu. Biex isir dan, it-tagħlim tal-evanġelju għandu jħeġġiġhom tul it-triq tagħhom ta’ kuljum, triq li minnha jgħaddu d-dixxipli li jwettqu ċerti patti sagri. L-għan hu li l-individwi jiġu ispirati sabiex jaħsbu, iħossu u mbagħad jagħmlu xi ħaġa dwar l-għixien tal-prinċipji tal-evanġelju. L-oġġettiv hu li jiżviluppaw il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu u jikkonvertu verament għall-evanġelju Tiegħu.

It-tagħlim li jbierek, jikkonverti u jsalva huwa t-tagħlim li jsegwi l-eżempju li tana s-Salvatur. L-għalliema li jsegwu l-eżempju tas-Salvatur iħobbu u jaqdu lil dawk li huma jgħallmu. Huwa jispiraw lil dawk li jisimgħuhom bil-lezzjonijiet eterni tal-verità divina. Huma jgħixu ħajja denja li tispira lill-oħrajn.

Ħobbu u Servu

Il-ministeru sħiħ tas-Salvatur huwa eżempju ta’ kif għandha tkun l-imħabba lejn il-proxxmu. Verament, l-imħabba u s-servizz Tiegħu spiss kienu jkunu l-lezzjoni Tiegħu. Bl-istess mod, l-aktar għalliema li jiena bqajt niftakar huma dawk l-għalliema li kienu jafu lill-istudenti tagħhom, li ħabbewhom, u li kien verament jimpurtahom minnhom. Huma fittxew in-nagħġa l-mitlufa. Huma għallmu lezzjonijiet tal-ħajja li jiena bqajt niftakar tul ħajti kollha.

Waħda minn dawn l-għalliema kienet Lucy Gertsch. Kienet taf lil kull wieħed u waħda mill-istudenti tagħha. Hija dejjem kienet iċċempel lil dawk li nhar ta’ Ħadd ma kenitx tara. Aħna konna nafu li hija kien jimpurtaha minna. Aħna lkoll la qatt insejna lilha u lanqas il-lezzjonijiet li hija għallmet.

Bosta snin wara, meta Lucy kienet waslet lejn l-aħħar ta’ ħajjitha, jiena mort inżurha. Aħna bdejna niftakru flimkien f’dawk il-ġranet ħafna żmien ilu meta hija kienet l-għalliema tagħna. Tkellimna dwar il-membri kollha tal-klassi tagħna u ddiskutejna dak li kull wieħed u waħda minnhom kienu qed jagħmlu f’ ħajjithom illum. Baqgħet tħobbna u tieħu ħsiebna tul ħajjitha kollha.

Verament jogħġobni l-kunsill tal-Mulej li nsibu fid-Duttrina u Patti:

“Jiena nagħtikom kmandament li għandkom tgħallmu lil xulxin id-duttrina tas-saltna.

“Għallmu b’ diliġenza u l-grazzja tiegħi tkun magħkom.”6

Lucy Gertsch għallmet b’ diliġenza għaliex hija ħabbet kontinwament.

Offru t-Tama u l-Verità

L-Appostlu Pietru għallem, “Kunu dejjem imħejjijin biex twieġbu lil kull min jistaqsikom għalfejn għandkom daqshekk tama ġewwa fikom.”7

Forsi l-akbar tama li għalliem jista’ joffri hija t-tama li nsibu fil-veritajiet tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

“U għalxiex għandna nittamaw?” Staqsa Mormon. “Araw jiena ngħidilkom li intom għandkom ikollkom it-tama permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu u l-qawwa tal-qawmien Tiegħu mill-imwiet, biex ilkoll tqumu għall-ħajja eterna, u dan minħabba l-fidi tagħkom fih.”8

Intom l-għalliema, għollu leħinkom u ixhdu dwar in-natura vera tad-Divinità. Iddikjaraw ix-xhieda tagħkom dwar il-Ktieb ta’ Mormon. Tkellmu dwar il-veritajiet glorjużi u sbieħ li nsibu fil-pjan tas-salvazzjoni. Użaw materjal approvat mill-Knisja, speċjalment l-iskrittura, biex intom tgħallmu l-veritajiet tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu fil-purità u s-sempliċità tiegħu. Ftakru fil-kunsill tas-Salvatur li ħeġġeġ biex “tistudjaw l-iskrittura, għax fiha hemm il-ħajja ta’ dejjem; u tiegħi hija tagħti xhieda.”9

Għinu lil ulied Alla jifhmu l-ħwejjeġ verament ġenwini u importanti f’ din il-ħajja. Għinuhom jiżviluppaw il-qawwa li jagħżlu toroq li jżommuhom ’il bogħod mill-periklu fi triqthom lejn il-ħajja eterna.

Għallmu l-verità u l-Ispirtu s-Santu jbierek l-isforzi tagħkom.

“Tgħallmu Minni”

Peress li Ġesù Kristu kien perfettament ubbidjenti u sottomess lejn Missieru, Huwa “baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.”10 Għandna aħna d-determinazzjon li nagħmlu l-istess? L-istess kif Ġesù “irċieva grazzja wara grazzja,”11 aħna għandna bil-paċenzja u l-persistenza kollha nfittxu d-dawl u l-għarfien mingħand Alla fl-isforzi tagħna li nitgħallmu l-evanġelju.

Li nisimgħu huwa element essenzjali biex aħna nitgħallmu. Meta nkunu qed nitħejjew biex niġu mgħallmin, aħna għandna permezz tat-talb infittxu l-ispirazzjoni u l-konferma mill-Ispirtu s-Santu. Aħna nixtarru, nitolbu, napplikaw il-lezzjonijiet tal-evanġelju u nfittxu x’ inhi r-rieda tal-Missier għalina.12

Ġesù “għallem … ħafna ħwejjeġ bil-parabboli,”13 u dan jeħtieġ widnejn li jisimgħu, għajnejn li jaraw u qlub li jifhmu. Hekk kif aħna ngħixu denji, aħna nkunu nistgħu nisimgħu aħjar il-leħen sieket tal-Ispirtu s-Santu, li jista’ jgħallimna kollox u jgħinna niftakru kollox.”14

Meta aħna nwieġbu għall-istedina ġentili tal-Mulej, “Tgħallmu minni,” aħna nkunu nistgħu nieħdu s-sehem tagħna mill-qawwa divina Tiegħu. Mela ejjew, għalhekk, nimxu ’l quddiem fl-ispirtu ta’ ubbidjenza, fejn nimxu wara l-Eżemplar tagħna billi ngħallmu kif iridna ngħallmu Hu u nitgħallmu kif iridna nitgħallmu Hu.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

Il-President Monson jistedinna sabiex “nixtarru ftit dwar l-isforzi tagħna li ngħallmu u nitgħallmu u kif nagħmlu dan aħna nħarsu lejn is-Salvatur bħala l-Gwida tagħna.” Tafu forsi tikkunsidraw tfittxu l-iskrittura ma’ dawk li intom iżżuru biex flimkien intom tixtarru l-modi li permezz tagħhom Ġesù Kristu għallem u tgħallem. Tistgħu tibdew b’ xi wħud mill-iskrittura li semma l-President Monson, bħal Mattew 11:29, Ġwanni 5:30, u Mark 4:2. Tistgħu tiddiskutu kif dak li intom tgħallimtu dwar Kristu jista’ jgħinkom “tieħdu s-sehem tagħkom mill-qawwa divina Tiegħu.”