2016
Missierna, l-Imgħallem li Nafdaw Fih
Ġunju 2016


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ġunju 2016

Missierna, l-Imgħallem li Nafdaw Fih

Ġieli ftaħtu kaxxa kollha biċċiet separati, ħaristu lejn l-istruzzjonijiet, u għedtu bejnkom u bejn ruħkom, “Din ma tagħmel l-ebda sens”?

Xi kultant, minkejja l-intenzjoni tajba tagħna u l-kunfidenza kbira li jkollna, aħna naqbdu waħda minn dawk il-biċċiet u nistaqsu, “Din għalfejn qiegħda?” jew “Kif tiffittja mal-kumplament?”

Il-frustrazzjoni tagħna tikber hekk kif aħna nħarsu lejn il-kaxxa u ninnutaw avviż li jgħid, “Jeħieġ timmuntawhom flimkien—età minn 8 snin ‘il fuq.” Peress li xorta bqajna ma nistgħu nifhmu xejn, din żgur li ma għenitx biex tqawwi l-kunfidenza fina nfusna.

Xi kultant ngħaddu mill-istess esperjenza bl-evanġelju. Hekk kif inħarsu lejn parti biss minnu, aħna nibdew inħokku rasna u ninkwetaw dik il-parti għalfejn qiegħda. Jew, hekk kif neżaminaw parti oħra, nafu nindunaw li anke wara li għaddejna ħafna ħin nippruvaw nifhmu, xorta nibqgħu ma nistgħux naraw għalfejn dik il-parti kellha tkun inkluża.

Missierna huwa l-Imgħallem li Nafdaw Fih

Fortunatament, Missierna tas-Smewwiet tana struzzjonijiet mill-aqwa biex permezz tagħhom nistrutturaw ħajjitna u nagħmlu minnha l-aħjar li nistgħu. Dawn l-istruzzjonijiet jaħdmu hi x’inhi l-età tagħna u huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom. Huwa tana l-evanġelju u l-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Huwa tana l-pjan tal-fidwa, il-pjan tas-salvazzjoni, saħansitra il-pjan ta’ ferħ. Huwa ma ħalliniex weħidna qalb l-inċertezzi u l-isfidi tal-ħajja, u qalilna, “F’idejkom. Ir-riżq. Araw issibux tarf.”

Jekk aħna sempliċiment inkunu paċenzjużi u nħarsu ‘l quddiem b’ qalb umli u b’ moħħ miftuħ, aħna nsibu li Alla tana bosta għodda biex permezz tagħha nifhmu aħjar l-istruzzjonijiet komprensivi Tiegħu għall-ferħ f’ ħajjitna:

  • Huwa tana d-don imprezzabbli tal-Ispirtu s-Santu, li għandu l-potenzjal li jkun l-għalliem personali u divin tagħna hekk kif aħna nistudjaw il-kelma ta’ Alla u nippruvaw inġibu ħsibijietna u l-għemejjel tagħna f’ armonija mal-kelma Tiegħu.

  • Huwa tana 24 siegħa kuljum aċċess biex nikkomunikaw miegħu permezz tat-talb ta’ fidi u s-suppliki ta’ intenzjoni ġenwina.

  • Huwa tana appostli u profeti ta’ żmienna, li jiżvelaw il-kelma ta’ Alla fi żmienna u għandhom l-awtorità li jgħaqqdu jew jissiġillaw fid-dinja u fis-smewwiet.

  • Huwa rrestawra lill-Knisja Tiegħu—organizzazzjoni ta’ nies ta’ fidi li jaħdmu flimkien biex jgħinu lil xulxin hekk kif huma jħabirku għas-salvazzjoni tagħhom bil-biża’, tregħid u ferħ li m’hawnx bħalu.1

  • Huwa tana l-iskrittura mqaddsa—il-kelma miktuba Tiegħu għalina.

  • Huwa tana għadd kbir ta’ għodda b’teknoloġija moderna biex jgħinuna fit-triq tagħna bħala dixxipli. Bosta minn dawn l-istrumenti meraviljużi insibuhom fuq LDS.org.

Għalfejn Missierna tas-Smewwiet tana daqstant għajnuna? Għaliex Huwa jħobbna. U għaliex, kif qal fuqu nnifsu, “Din hija l-ħidma u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”2

Fi kliem ieħor, Missierna tas-Smewwiet huwa Alla tagħna, u Alla huwa l-imgħallem li nafdaw fih.

Missierna tas-Smewwiet jaf x’inhuma l-bżonnijiet ta’ wliedu aħjar minn kulħadd. Il-ħidma u l-glorja Tiegħu hi li jgħinna kontinwament, billi jagħtina riżorsi temporali u spiritwali meraviljużi biex jgħinuna fit-triq tagħna lejh.

Kull Missier Għandu Jkun Mgħallem li Ibnu Jafda Fih

F’ xi partijiet tad-dinja, il-missirijiet huma onorati mill-familji u mis-soċjetà fix-xahar ta’ Ġunju. Hija dejjem ħaġa tajba li nonoraw u nirrispettaw lill-ġenituri tagħna. Il-Missirijiet jagħmlu bosta ħwejjeġ tajbin għall-familji tagħhom u għandhom ħafna kwalitajiet ta’ min wieħed jammirahom. Żewġ irwoli mill-aktar importanti li l-missirijiet għanhom fil-ħajja ta’ wliedhom huma li jkunu ta’ eżempju tajjeb u mgħallmin li wliedhom jafdaw fihom. L-irwol tal-missirijiet huwa aktar milli sempliċiment jgħidu lil uliedhom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin; l-irwol tagħhom huwa aktar milli sempliċiment jagħtuhom manwal u jistennew li huma jitgħallmu weħidhom x’ għandhom jagħmlu.

Il-missirijiet iħarrġu t-tfal prezzjużi tagħhom u juruhom bl-eżempju tajjeb tagħhom kif għandhom jgħixu ħajja onesta. Il-missirijiet ma jħallux lil uliedhom weħidhom iżda jmorru jiġru biex jassistuhom, jgħinuhom iqumu fuq saqajhom kull darba li jaqgħu. U xi kultant meta jkun neċessarju, il-missirijiet jippermettu li wliedhom iħabbtu wiċċhom mad-diffikultajiet, għax jirrealizzaw li dak huwa l-aħjar mod biex huma jitgħallmu.

Aħna lkoll Mgħallmin li Għandna Min Jafda Fina

Filwaqt li l-missirijiet tad-dinja jagħmlu dan għal uliedhom, l-ispirtu li nkunu mgħallmin li ħaddieħor jista’ jafda fina huwa xi ħaġa li jeġtieġ li aħna noffru lil ulied Alla, irrispettivament x’inhi l-età tagħhom, minn fejn ġejjin, u ċ-ċirkustanzi jinsabu fihom. Ftakru, ulied Alla huma ħutna; aħna lkoll membri tal-istess familja eterna.

F’ dan is-sens, ejjew ilkoll inkunu mgħallmin li ħaddieħor jista’ jafda fina—lesti biex nilħqu u ngħinu lil xulxin biex noħorġu l-aħjar ta’ ġo fina. Peress li aħna wlied Alla, aħna għandna l-potenzjal li nsiru bħalu. Li nħobbu lil Alla u lil għajrna, inżommu l-kmandamenti ta’ Alla u nimxu wara l-eżempju ta’ Kristu huma t-triq dritta, dejqa u ta’ ferħ li twassalna lura fil-preżenza tal-ġenituri tagħna tas-smewwiet.

Jekk Alla tal-univers jimpurtah tant minna li Hu mgħallem li aħna nafdaw daqshekk fih, forsi mela aħna wkoll nistgħu nilħqu lil għajrna, hu x’inhu l-kulur u r-reliġjon tagħhom, hi x’inhi r-razza u l-lingwa tagħhom, u huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi soċjoekonomiċi tagħhom. Ejjew insiru dawk l-imgħallmin li ħaddieħor jista’ jafda fihom u li aħna nispiraw il-ħajja tagħhom—mhux biss ta’ wliedna iżda wkoll ta’ wlied Alla kollha madwar id-dinja.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Tafu tridu tibdew billi tistaqsu lil dawk li tgħallmu biex jaħsbu għal mument meta Missierhom tas-Smewwiet kien l-imgħallem li setgħu jafdaw fih. Tistgħu tistaqsuhom biex jaħsbu ftit dwar xi tixbih meta huma ħassew li bl-istess mod setgħu jafdaw f’ missierhom tad-dinja bħala l-imgħallem tagħhom. Stednuhom biex jiktbu dwar dan it-tixbih u b’liema mod huma ħassew li għandhom jafdaw fihom it-tnejn bħala l-imgħallmin tagħhom. Tistgħu tħeġġuhom biex jippruvaw jimitaw dak li huma kitbu fi sforz biex ikunu ta’ eżempju aħjar għal ħaddieħor.

Ipprintja