2017
L-Imħabba Sħiħa Tkeċċi lill-Biża’ ‘l Barra
May 2017


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Mejju 2017

L-Imħabba Sħiħa Tkeċċi lill-Biża’ ‘l Barra

Ejjew inwarrbu fil-ġenb il-biżgħat tagħna u minflok ngħixu ħajja mimlija ferħ, umiltà, tama u kunfidenza sħiħa li l-Mulej jinsab magħna.

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, xi privileġġ u x’ ferħ kbir li aħna qed niltaqgħu bħala Knisja dinjija magħqudin ilkoll fil-fidi u fl-imħabba tagħna lejn Alla u lejn uliedu.

Jiena speċjalment grat għall-preżenza tal-profeta għażiż tagħna, Thomas S. Monson. President, aħna dejjem ngħożżu l-kliem tiegħek ta’ direzzjoni, kunsill u għerf. Aħna nħobbuk President Monson u dejjem nitolbu għalik.

Snin ilu, meta jien kont qed inservi bħala president tal-wited ġewwa Frankfurt, il-Ġermanja, waħda oħt għażiża iżda mdejqa ġiet fuqi fi tmiem waħda mil-laqgħat tal-wited li kellna.

“Mhijiex ħaġa terribbli?” qaltli hi. “Naħseb waqt id-diskors tiegħek kien hemm erba’ jew ħames minn nies reqdin fil-fond!”

Ħsibt ftit fuq dak li kienet qaltli u weġibtha, “Jiena ninsab ċert li, minn kull forma ta’ rqad, raqda fil-knisja hija fost l-aktar raqdiet li jagħmlulek tajjeb.”

L-għażiża marti, Harriet, semgħet din il-konverżazzjoni qasira ta’ bejnietna u aktar tard qaltli li jien kont tajt waħda mill-aktar tweġibiet ħelwin li qatt tajt.

Il-Qawmien il-Kbir

Ftit tas-sekli ilu fl-Amerka ta’ Fuq, moviment imsejjaħ “il-Qawmien il-Kbir” spiċċa biex infirex mal-pajjiż kollu. Wieħed mill-oġġettivi ewlenin tiegħu kien li jqajjem lin-nies li dehru li kienu jinsabu reqdin fejn jidħlu ħwejjeġ spiritwali.

Iż-żagħżugħ Joseph Smith kien influwenzat mill-ħwejjeġ li huwa kien sema’ mingħand dawk il-predikaturi li kienu jagħmlu parti minn dan il-qawmien reliġjuż. Kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn huwa ddeċieda li jfittex b’ ħerqa li jsir jaf x’ kienet ir-rieda tal-Mulej billi jmur jitlob b’ mod privat.

Dawk il-predikaturi kellhom verament stil drammatiku u emozzjonali kif huma jippridkaw b’ diskors ikkaratterizzat minn enfażi kbira fuq it-terrur tan-nar tal-infern li hemm jistenna lill-midinbin.1 Id-diskorsi tagħhom żgur li ma kinux iwasslu lin-nies biex jorqdu—iżda jista’ jkun li kienu jwasslu lil ħafna minnhom joħolmu ikrah. L-għan u l-istil tagħhom jidher li kien li jaraw kif jagħmlu biex ibeżżgħu lin-nies li kienu jkunu fil-knisja.

Il-Biża’ bħala Manipulazzjoni

Storikament, il-biża’ ntużat ħafna drabi bħala mezz li bih twassal lin-nies jaslu biex iwettqu xi ħaġa. Il-biża’ kienet l-arma li ħafna drabi l-ġenituri użaw ma’ wliedhom, l-arma li min iħaddem uża mal-impjegati, u l-politikanti mal-votanti.

L-esperti tal-markiting jifhmu l-qawwa tal-biża’ għalhekk spiss jużawha. B’ hekk xi riklami jidhru li jippruvaw iwasslu l-messaġġ viżiv li jekk aħna ma nixtrux iċ-ċireali tagħhom biex nikluhom bħala l-kolazzjon tagħna ta’ filgħodu jew inkella nibqgħu mingħajr l-aħħar logħba tal-kompjuter jew mowbajl li qed ibigħu, aħna nirriskjaw li ngħixu ħajja mill-aktar miżerabbli, u niċċansjaw li mmutu fis-solitudni u d-dwejjaq.

Aħna nitbissmu meta nisimgħu xi ħaġa bħal din u naħsbu li aħna qatt mhu se naqgħu għal din it-tip ta’ manipulazzjoni, iżda fil-verità xi kultant nispiċċaw naqgħu. Agħar minn hekk, xi kultant aħna stess nużaw metodi simili biex nġiegħlu lil ħaddieħor jagħmel dak li rridu aħna.

Il-messaġġ tiegħi llum għandu żewġ għanijiet: L-ewwel għan hu li b’ ħerqa jitlobna sabiex nikkontemplaw u nikkunsidraw kemm aħna stess nużaw il-biża’ biex nimmotivaw lil ħaddieħor—inkluż lilna stess. It-tieni għan hu li nissuġġerixxi mod aħjar.

Il-Problema bil-Biża’

L-ewwel, ejjew nindirizzaw il-problema tal-biża’. Wara kollox, min fostna jista’ jgħid li ma kienx hemm mumenti f’ ħajtu meta sforz il-biża’ huwa spiċċa biex beda jiekol aħjar, beda jilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà, beda jeżerċita lilu nnifsu, beda jfaddal xi ftit flus jew saħansitra jindem mid-dnub?

Huwa veru li l-biża’ jista’ jkollha influwenza mill-aktar qawwija fuq l-għemejjel u l-imġieba tagħna. Iżda hemm tendenza li dik l-influwenza tkun waħda temporanja u superfiċjali. Il-biża’ rari ħafna għandha l-qawwa li tibdel il-qlub tagħna, u qatt ma twassalna biex nittrasformaw ruħna f’ nies li nħobbu dak hu tajjeb u li rridu verament nobdu lil Missierna tas-Smewwiet.

In-nies li jibżgħu jafu jgħidu u jagħmlu dak li huwa tajjeb, iżda huma ma jħossux dak li hu tajjeb. Ħafna drabi huma jħossuhom mitlufin u offiżi, u saħansitra rrabjati. Maż-żmien dawn is-sentimenti jafu jwasslu biex huma ma jibqgħux jafdaw lil ħaddieħor u finalment jispiċċaw jisfidaw u saħansitra jirribellaw.

Sfortunatament, dan il-metodu ħażin ta’ kif inħarsu lejn il-ħajja u lejn it-tmexxija mhuwiex limitat biss għad-dinja sekulari. Inħossni nitnikket meta jien nisma’ membri tal-Knisja jeżerċitaw kontroll mhux xieraq—kemm jekk f’ darhom, fis-sejħiet tagħhom tal-Knisja, fuq ix-xogħol jew inkella bil-mod kif huma jikkomunikaw ma’ ħaddieħor fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Ħafna drabi, in-nies ġieli jikkundannaw l-abbuż ta’ ħaddieħor, u madankollu ma jagħtux ħarsa lejn l-għemil abbużiv tagħhom stess. Huma jistennew li ħaddieħor jobdi r-regoli tagħhom, iżda meta xi ħadd ma jimxix ma’ dawn ir-regoli li joħorġu bihom huma stess, jispiċċaw biex huma jabbużaw minn dan ix-xi ħadd b’ mod verbali, emozzjonali u xi kultant anke b’ mod fiżiku.

Il-Mulej qal li “meta aħna … neżerċitaw kontroll jew dominju jew forza fuq ruħ ulied il-bnedmin, b’ kull mod li mhuwiex xieraq, … il-qawwiet tas-smewwiet jispiċċaw jirtiraw u jitnikket l-Ispirtu tal-Mulej.”2

Jista’ jkun li jiġu mumenti li fihom tiġina t-tentazzjoni li aħna niġġustifikaw għemilna billi nemmnu li dan aħna qed nagħmluh għall-aħjar ta’ dak li jkun. Aħna nafu naħsbu wkoll li jkun għall-aħjar tagħhom li aħna nikkontrollawhom, nimmanipulawhom u nkunu ħorox magħhom. Żgur li dan mhux minnu, għaliex il-Mulej għamilha ċara, li “Il-frott tal-Ispirtu hija l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-manswetudni u t-temperament.”3

Mod Aħjar

Aktar ma jien insir naf lill-Missieri tas-Smewwiet, aktar jien ninduna kemm Huwa jispira u jmexxi lil uliedu. Huwa mhux wieħed li jirrabja, jivvendika ruħu jew jirritalja.4 Il-veru għan Tiegħu—il-ħidma Tiegħu u l-glorja Tiegħu—hu li jiggwidana, jeżaltana u jmexxina lejn il-milja sħiħa Tiegħu.5

Ma’ Mosè, Alla ddeskriva lilu nnifsu bħala “mimli ħniena, grazzja u sabar, u abbundanti fit-tjubija u l-verità.”6

L-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet għalina, uliedu, tiżboq bil-kbir l-abbiltà tagħna li nifhmuha għal kollox.7

Allura dan ifisser li Alla jaċċetta jew jagħlaq għajnejh għal imġieba li tmur kontra l-kmandamenti Tiegħu? Le, żgur li le!

Iżda dak li jixtieq jibdel fina hija ferm aktar minn sempliċiment l-imġieba tagħna. Huwa jrid jibdel l-istess natura tagħna. Huwa jrid jibdel qlubna.

Huwa jridna ngħinu kemm nistgħu lil ħaddieħor u nżommu sod mal-bastun tal-ħadid, nikkonfrontaw il-biżgħat tagħna, u b’ kuraġġ nimxu ‘l quddiem b’ ħarsitna ‘l fuq fit-trejqa stretta u dejqa. Huwa jrid dan minna għaliex Huwa jħobbna u għax din hija l-unika triq li twassal għall-ferħ.

Mela fi żmienna, Alla kif jimmotiva lil uliedu biex huma jimxu warajh?

Alla Bagħat lil Ibnu!

Alla bagħat lil Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu, Ġesù Kristu, biex jurina l-aħjar triq.

Alla jimmotivana permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza, tal-manswetudni u tal-imħabba ġenwina.8 Alla jinsab fuq in-naħa tagħna. Huwa jħobbna, u meta aħna naqgħu, Huwa jridna nerġgħu nqumu, nerġgħu nippruvaw u nsiru aktar b’ saħħitna.

Huwa l-gwida ta’ fiduċja tagħna.

Huwa t-tama kbira u għażiża tagħna.

Huwa jixtieq jistimulana bil-fidi.

Huwa għandu fiduċja li aħna kapaċi nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u li naslu li nagħżlu t-tajjeb.

Din hija l-aħjar triq!9

Xi Ngħidu dwar il-Ħażen fid-Dinja?

Wieħed mill-modi kif Satana jridna nimmanipulaw lil ħaddieħor hu billi aħna noqogħdu niffukaw fuq il-ħażen tad-dinja u saħansitra nispiċċaw inkabbruh aktar milli hu.

Ċertament li d-dinja tagħna minn dejjem kienet u se tkompli tkun waħda imperfetta. Hawn wisq nies innoċenti li qegħdin isofru minħabba ċ-ċirkustanzi tan-natura kif ukoll minħabba l-krudeltà tal-bniedem. Il-korruzzjoni u l-ħażen fi żmienna huma verament uniċi u allarmanti.

Iżda minkejja dan kollu, jien ma nasalx impartat dan iż-żmien biex forsi ngħix f’ xi żmien ieħor fl-istorja tad-dinja. Aħna verament imberkin li qed ngħixu fi żmien ta’ prosperità u żmien daqshekk imdawwal u vantaġġjat b’ tali mod li d-dinja qatt ma esperjenzat qabel. Fuq kollox, aħna mberkin li għandna l-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li jagħtina perspettiva unika tal-periklu tad-dinja u jurina kif aħna nistgħu nevitaw jew nikkumbattu dan il-periklu.

Meta jien naħseb dwar dawn il-barkiet, jien inkun nixtieq ninxteħet għarkupptejja u nfaħħar lil Missierna tas-Smewwiet għall-imħabba bla qies li għandu għal uliedu kollha.

Ma nemminx li Alla jrid li wliedu jgħixu ħajjithom beżgħana jew li jgħaddu ħinhom kollu jaħsbu dwar il-ħażen tad-dinja. “Għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan.”10

Huwa tana abbundanza ta’ raġunijiet għalfejn aħna għandna nkunu ferħanin. Jeħtieġ biss li aħna nagħrfuhom u nikkonoxxuhom. Il-Mulej spiss ifakkarna: “la tibżgħux,” “agħmlu l-qalb,”11 u “merħla ċkejkna, tibżgħu xejn.”12

Il-Mulej Jiġġieled il-Battalja Tagħna

Ħuti, aħna l-“merħla ċkejkna” tal-Mulej. Aħna l-Qaddisin tal-aħħar jiem. Permezz ta’ isimna aħna writna l-impenn li nħarsu ‘l quddiem lejn il-miġja tas-Salvatur u li nħejju lilna nfusna u lid-dinja biex nilqgħuh. Għalhekk, ejjew mela naqdu lil Alla u lil għajrna. Ejjew nagħmlu dan b’ kunfidenza naturali, b’ umiltà, u billi qatt ma nħarsu b’ disprezz lejn xi reliġjon oħra jew lejn xi grupp ieħor ta’ nies. Ħuti, aħna mitlubin biex nistudjaw il-kelma ta’ Alla u nagħtu kas tal-leħen tal-Ispirtu, biex inkunu nistgħu nsiru nafu “s-sinjali taż-żminijiet u s-sinjali tal-miġja ta’ Bin il-Bniedem.”13

Għalhekk aħna żgur ma nistgħux ngħidu li ma nafux dwar l-isfidi tad-dinja, jew li m’aħniex konxji tad-diffikultajiet ta’ żminijietna. Iżda dan ma jfissirx li kontinwament aħna għandna ngħabbu lilna nfusna u lil ħaddieħor bil-biża’. Minflok ma’ noqogħdu niffokaw fuq l-immensità tal-isfidi tagħna, ma jkunx aħjar jekk aħna niffokaw fuq il-kobor infinit u t-tjubija infinita u fil-qawwa assoluta ta’ Alla tagħna, nafdaw fih u niħejjew b’ qalb mimlija ferħ għar-ritorn ta’ Kristu Ġesù?

Bħala l-poplu Tiegħu tal-patt, jeħtieġ li aħna ma nipparalizzawx ruħna bil-biża’ għaliex f’ ħajjitna ngħaddu minn xi ħaġa xejn sabiħa. Minflok, aħna nistgħu nimxu ‘l quddiem bil-fidi, bil-kuraġġ, bid-determinazzjon u jeħtieġ nafdaw f’ Alla hekk kif aħna niffaċċjaw kemm l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet li jkollna quddiemna.14

Fit-triq tagħna bħala dixxipli aħna ma nimxux weħidna. “Il-Mulej Alla tiegħek … se jimxi miegħek; mhux se jiddiżappuntak, jew iħallik waħdek.”15

Il-Mulej jitqabad għalikom, mingħajr xejn ma tagħmlu intom.”16

Meta nħabbtu wiċċna mal-biża’, ejjew insibu l-kuraġġ, inħaddmu l-fidi tagħna u nafdaw fil-wegħda li “l-ebda arma magħmula kontrik ma tiswa.”17

Huwa veru li aħna qed ngħixu fi żmien ta’ periklu u nkwiet? Dażgur li veru.

Alla nnifsu qal, “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt lid-dinja.”18

Nistgħu aħna neżerċitaw fidi li twassalna biex nemmnu u naġixxu skont din l-istess fidi? Nistgħu aħna ngħixu leali għall-wegħdiet u l-patti sagri li aħna għamilna? Nistgħu aħna nżommu l-kmandamenti ta’ Alla anke f’ ċirkustanzi li jistgħu jkunu verament diffiċli? Dażgur li nistgħu!

Għaliex Alla wiegħed, “Fl-aħħar mill-aħħar, kollox se jseħħ għall-aħjar tagħkom, jekk intom timxu sewwa.”19 Għalhekk, ejjew inwarrbu fil-ġenb il-biżgħat tagħna u minflok ngħixu ħajja mimlija ferħ, umiltà, tama u kunfidenza sħiħa li l-Mulej hu magħna.

L-Imħabba Sħiħa Tkeċċi lill-Biża’ ‘l Barra

Għeżież ħbieb tiegħi, għeżież ħuti fi Kristu, jekk aħna qatt nispiċċaw ngħixu maħkumin mill-biża’ u mill-anzjetà, jew jekk qatt insibu li l-istess kliemna, l-istess attitudni tagħna jew l-istess għemejjel tagħna qed jikkawżaw il-biża’ f’ ħaddieħor, jien nitlob bil-qawwa kollha ta’ ruħi li aħna niġu meħlusin minn din il-biża’ permezz tal-antidot kontra l-biża’ li ngħata lilna b’ mod divin: l-imħabba pura ta’ Kristu, għaliex “l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ‘l barra.”20

L-imħabba sħiħa ta’ Kristu tegħleb it-tentazzjonijiet li jista’ jkollna li nweġġgħu, nisfurzaw, nabbużaw jew noppressaw lil ħaddieħor.

L-imħabba sħiħa ta’ Kristu tagħtina ċ-ċans li nimxu b’ umiltà, b’ dinjità u b’ kunfidenza sħiħa bħala dixxipli tal-maħbub Salvatur tagħna. L-imħabba sħiħa ta’ Kristu tagħtina l-kunfidenza li nibqgħu għaddejjin minkejja l-biżgħat tagħna u nafdaw bis-sħiħ fil-qawwa u t-tjubija ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.

Fi djarna, fil-postijiet tagħna tan-negozju, fis-sejħiet tagħna tal-Knisja, fi qlubna, ejjew naraw li minflok bil-biża’ nimtlew bl-imħabba sħiħa ta’ Kristu. L-imħabba ta’ Kristu tibdel il-biża’ f’ fidi!

L-imħabba Tiegħu twassalna biex aħna nagħrfu, nafdaw u naslu biex ikollna l-fidi fit-tjubija ta’ Missierna tas-Smewwiet, fil-pjan divin Tiegħu, fl-evanġelju Tiegħu u fil-kmandamenti Tiegħu.21 L-imħabba tagħna lejn Alla u lejn għajrna twassal biex tibdel l-ubbidjenza tagħna għall-kmandamenti ta’ Alla f’ barka u mhux f’ tagħbija. L-imħabba ta’ Kristu tgħinna nsiru aktar ħanina, tgħina nkunu kapaċi naħfru u nħobbu aktar u nkunu aktar dedikati lejn il-ħidma Tiegħu.

Hekk kif aħna nimlew qlubna bl-imħabba ta’ Kristu, aħna għad nistenbħu mill-ġdid b’ friskezza spiritwali u ngħixu ħajjitna mimlijin ferħ, kunfidenza u ħajja fid-dawl u l-glorja tas-Salvatur għażiż tagħna, Ġesù Kristu.

Jiena nixhed, flimkien mal-Appostlu Ġwanni, “Fl-imħabba ta’ Kristu ma hemmx biża’.”22 Għeżież ħbieb tiegħi, Alla jafkom perfettament. Huwa jħobbkom perfettament. Huwa jaf x’hemm lest għalikom fil-futur. Huwa qalilkom biex “ma tibżgħux, iżda araw li temmnu”23 u “tibqgħu fl-imħabba sħiħa tiegħu.”24 Din hija t-talba u l-barka tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. George Whitefield u Jonathan Edwards huma żewġ eżempji prominenti ta’ dan it-tip ta’ predikatur.

  2. Doctrine and Covenants 121:37.

  3. Galatin 5:22–23

  4. F’ okkażżjoni minnhom, is-Salvatur ried jidħol ġo raħal tas-Samaritani, iżda n-nies ma tawx kas ta’ Ġesù u ma laqgħuhx fir-raħal tagħhom. Tnejn mid-dixxipli Tiegħu ħassewhom offiżi ħafna b’ dan u talbu, “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” Ġesù weġibhom permezz ta’ din it-twissija: “Intom ma tafux minn liema spirtu magħmulin. Għax Bin il-Bniedem ma ġiex biex jeqred il-ħajja tal-bnedmin, iżda biex isalvahom” (ara Luqa 9:51–56).

  5. Ara Moses 1:39; ara wkoll Efesin 3:19.

  6. Eżodu 34:6.

  7. Ara Efesin 3:19.

  8. Ara Doctrine and Covenants 121:41. M’hemmx dubju jekk Alla jistenna li aħna, l-ulied mortali Tiegħu, naġixxu bejnietna b’ dan il-mod, Hu—l-esseru perfett li jippossedi kull virtù—huwa l-mudell ta’ din it-tip ta’ mġieba.

  9. Il-Kunsill primortali fis-Sema huwa eżempju tajjeb li jurina b’ mod ċar il-karattru ta’ Alla. Hemmhekk Missierna tas-Smewwiet ppreżenta l-pjan Tiegħu għall-progress etern tagħna. L-elementi ewlenin ta’ dak il-pjan jinkludu l-għażla ħielsa, l-ubbidjenza u s-salvazzjoni permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu. Luċifru, madankollu, ippropona xi ħaġa differenti. Huwa ta garanzija li kulħadd kien se jkollu jobdi—biex ħadd ma jintilef. L-uniku mod biex dan seta’ jitwettaq kien permezz tal-oppressjoni u l-forza. Iżda Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna ma ppermettix dan it-tip ta’ pjan. Huwa kien jgħożż ferm l-għażla ħielsa ta’ wliedu. Huwa kien jaf li tul it-triq tagħna kien jeħtieġ li aħna nwettqu ċerti żbalji jekk aħna rridu verament nitgħallmu. U kien għalhekk li Huwa pprovdielna Salvatur, li s-sagrifiċċju etern Tiegħu jista’ jnaddafna mid-dnub u jagħtina ċ-ċans li nerġgħu nidħlu lura fis-saltna ta’ Alla.

    Allura meta Missierna tas-Smewwiet ra li ħafna minn uliedu l-għeżież kienu ġew imqarrqin minn Luċifru, Huwa sfurzahom biex jimxu wara l-pjan Tiegħu? Huwa intimida jew hedded lil dawk li kienu qed jagħmlu għażla mill-aktar terribbli? Le. Alla tagħna li jista’ kollox seta’ faċilment waqqaf din ir-ribelljoni. Huwa seta’ sforza r-rieda Tiegħu fuq id-dissidenti u ġegħilhom sabiex jaqblu bilfors. Iżda minflok, Huwa ta ċ-ċans lil uliedu biex huma jagħżlu għalihom infushom.

  10. 2 Timothy 1:7.

  11. Ara, per eżempju, Ġożwè 1:9; Isaija 41:13; Luqa 12:32; Ġwanni 16:33; 1 Pietru 3:14; Doctrine and Covenants 6:36; 50:41; 61:36; 78:18.

  12. Luqa 12:32.

  13. Doctrine and Covenants 68:11.

  14. Il-kunsill ta’ Mosè għan-nies ta’ żmienu għadu jgħodd sal-ġurnata tal-lum: “Tibżgħux. … Araw is-salvazzjoni li se jġibilkom illum il-Mulej” (Eżodu 14:13).

  15. Dewteronomju 31:6.

  16. Eżodu 14:14, Verżjoni Ġdida ta’ King James.

  17. Isaija 54:17.

  18. Ġwanni 16:33.

  19. Doctrine and Covenants 90:24; ara wkoll 2 Korintin 2:14; Doctrine and Covenants 105:14.

  20. 1 Ġwanni 4:18.

  21. Ejjew niftakru li s-Salvatur ma ġiex “fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġwanni 3:17). Fil-fatt, “hu xejn ma jagħmel jekk ma jkunx ta’ benefiċċju għad-dinja; għaliex huwa jħobb lid-dinja, u saħansitra hu ta ħajtu biex iressaq lill-bnedmin kollha lejh” (2 Nephi 26:24).

  22. 1 Ġwanni 4:18; ara wkoll 1 Ġwanni 4:16.

  23. Mark 5:36.

  24. Ġwanni 15:10.