2017
Il-Qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon
May 2017


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Mejju 2017

Il-Qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon

Il-President Thomas S. Monson

Jiena nħeġġeġ lilna lkoll sabiex bl-għajnuna tat-talb aħna kuljum nistudjaw u nixtarru l-Ktieb ta’ Mormon.

Għeżież ħuti, nilqagħkom b’ imħabba hekk kif qed nerġgħu niltaqgħu għal konferenza ġenerali meraviljuża oħra tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Qabel ma nibda biex naqsam magħkom il-messaġġ formali li għandi għalikom illum, jien nixtieq inħabbar ħames tempji ġodda li se jinbnew fil-postijiet li ġejjin: Brasília, il-Brasil; iz-zona akbar ta’ Manila, il-Filippini; Nairobi, il-Kenja; Pocatello, Idaho; u Saratoga Springs, Utah, l-Istati Uniti tal-Amerika.

Dalgħodu jien se nitkellem dwar il-qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon u l-bżonn kritiku li aħna għandna bħala membri ta’ din il-Knisja li nistudjaw, nixtarru u napplikaw it-tagħlim tiegħu f’ ħajjitna. L-importanza li jkollna testimonjanza soda u ċerta tal-Ktieb ta’ Mormon ma nixbgħu qatt nenfasizzawha.

Aħna ninsabu ngħixu fi żmien ta’ nkwiet u ħażen kbir. X’ inhi dik il-ħaġa li tista’ tipproteġina mid-dnub u mill-ħażen li llum tant huma prevalenti fid-dinja? Jiena nisħaq li t-testimonjanza b’ saħħitha tagħna tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, u tal-evanġelju Tiegħu tiggwidana qalb il-periklu. Jekk intom m’intomx qed taqraw kuljum il-Ktieb ta’ Mormon, jekk jogħġobkom araw li tagħmlu dan. Jekk intom taqrawh bl-għajnuna tat-talb u b’ xewqa sinċiera li tkunu tafu l-verità, l-Ispirtu s-Santu jurikom il-verità kollha tiegħu. Jekk huwa veru—u jien b’ mod solenni nixhed li hekk hu—mela Joseph Smith kien verament profeta li ra lil Alla l-Missier u lil Ibnu, Ġesù Kristu.

Peress li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija l-Knisja tal-Mulej fid-dinja, u s-saċerdozju mqaddes ta’ Alla ġie rrestawrat għall-benefiċċju u l-barka ta’ wliedu.

Jekk intom għad m’għandkomx testimonjanza soda biżżejjed dwar dawn il-ħwejjeġ, araw li tagħmlu dak kollu neċessarju biex intom tiksbuha. Huwa essenzjali li intom ikollkom testimonjanza li hija verament tagħkom f’ dawn iż-żminijiet diffiċli, għax it-testimonjanza ta’ ħaddieħor hemm limitu kemm tista’ tgħinkom. Madankollu, la darba intom tiksbu din it-testimonjanza, jeħtieġ li żżommuha b’ saħħitha u ħajja permezz tal-ubbidjenza kontinwa tagħkom lejn il-kmandamenti ta’ Alla u permezz tat-talb ta’ kuljum u l-istudju tal-iskrittura.

Għeżież kollegi tiegħi fil-ħidma tal-Mulej, jiena nħeġġeġ lilna lkoll biex bl-għajnuna tat-talb aħna nistudjaw u nixtarru kuljum il-Ktieb ta’ Mormon. Hekk kif aħna nagħmlu dan, aħna nkunu f’ pożizzjoni li nisimgħu l-leħen tal-Ispirtu, nirreżistu t-tentazzjoni, negħlbu d-dubju u l-biża’ u nirċievu l-għajnuna tas-smewwiet f’ ħajjitna. Dwar dan jiena nixhed, b’ qalbi kollha f’ isem Ġesù Kristu, amen.