2017
Ta’ Qalb Waħda
September 2017


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Settembru 2017

Ta’ Qalb Waħda

Bl-għajnuna tat-talb studjaw dan il-materjal u fittxu li tiksbu l-ispirazzjoni biex tkunu tafu x’ għandkom taqsmu ma’ ħutkom. Li jifhmu l-għan tas-Soċjetà tal-Għajnuna kif jista’ jħejji lill-ulied nisa ta’ Alla għall-barkiet tal-ħajja eterna?

Immaġni
Il-motto tas-Soċjetà tal-Għajnuna

Fidi, Familja, Għajnuna

“U l-Mulej sejjaħ lill-poplu tiegħu Sijon, għaliex huma kienu ta’ qalb waħda u moħħ wieħed, u għammru flimkien fi tjubija; u fosthom ma kienx hemm foqra” (Moses 7:18). Kif nistgħu nsiru ħaġa waħda?

Il-Presbiteru M. Russell Ballard tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu qal: “Fil-qalba tal-kelma Ingliża atonement hemm il-kelma one. Jekk l-umanità kollha tifhem dan, ma jkunx hawn persuna waħda li ma jimpurtaniex minnha, tkun xi tkun l-età, ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew il-qagħda soċjali u ekonomika tagħha. Aħna nkunu rridu nagħmlu l-almu tagħna biex nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur u qatt ma nkunu kefrin, indifferenti, jew insensittivi ma’ ħaddieħor, kif ukoll qatt ma nuru nuqqas ta’ rispett lejn xi ħadd.”1

Il-President Henry B. Eyring, l-Ewwel Kunsillier fl-Ewwel Presidenza, għallem: “Fejn in-nies ikollhom magħhom l-Ispirtu, huma għandhom jistennew li jkollhom l-armonija fosthom. … L-Ispirtu ta’ Alla qatt ma jwassal għat-tilwim (ara 3 Nephi 11:29). … Huwa jwassal għall-paċi personali u għal sentiment ta’ għaqda ma’ ħaddieħor.”2

Meta kienet qed titkellem dwar ċerti sfidi fil-familja, Carole M. Stephens, li serviet bħala l-Ewwel Kunsillier fil-President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, qalet: “Jiena f’ ħajti qatt ma esperjenzajt divorzju, l-uġigħ u l-inċertezza li wieħed iħoss meta jiġi abbandunat, u qatt ma esperjenzajt ir-responsabbiltà li ġġorr omm single. Jiena qatt ma esperjenzajt il-mewt ta’ xi ħadd minn uliedi, l-infertilità jew attrazzjoni lejn l-istess sess. Jiena qatt ma kelli niġġieled l-abbuż, xi marda kronaka jew xi vizzju. Jiena ma ġejtx ippruvata b’ dan il-mod.

“… Iżda permezz tal-isfidi personali tiegħi … jien sirt naf mill-viċin lil Dak li jifhem sew dawk l-isfidi kollha. … U barra minn hekk, jiena esperjenzajt l-isfidi kollha mortali li għadni kif semmejt permezz tal-lenti ta’ bint, ta’ omm, ta’ nanna, ta’ oħt, ta’ zija u ta’ ħabiba.

“L-opportunità tagħna bħala wlied ta’ Alla li nżommu l-patti tagħna mhijiex biss li nitgħallmu minn dawn l-isfidi tagħna; hija li aħna ningħaqdu flimkien fl-empatija u l-kompassjoni hekk kif aħna nissapportjaw lil membri oħra tal-familja ta’ Alla fl-isfidi tagħhom.”3

Skrittura u Informazzjoni Addizzjonali

Ġwanni 17:20–23; Efesin 4:15; Mosiah 18:21–22; 4 Nephi 1:15

reliefsociety.lds.org

Noti

  1. M. Russell Ballard, “The Atonement and the Value of One Soul,” Liahona, Mejju 2004, 86.

  2. Henry B. Eyring, “That We May Be One,” Ensign, Mejju 1998, 67.

  3. Carole M. Stephens, “The Family Is of God,” Liahona, Mejju 2015, 11–12.

Ipprintja