Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Settembru 2017
Profeti biex Jiggwidawna
Ftit tas-snin ilu, jiena kont ninsab bilqiegħda fil-kamra li hemm ġewwa t-Tempju ta’ Salt Lake li fiha darba fil-ġimgħa niltaqgħu flimkien bħala l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Jiena għamilt ħin inħares lejn il-ħajt li jiġi faċċata tal-Ewwel Presidenza, u qgħadt nosserva r-ritratti ta’ kull President tal-Knisja.
Hekk kif bdejt inħares lejhom, lejn il-predeċessuri tiegħi—mill-Profeta Joseph Smith (1805–44) sal-President Gordon B. Hinckley (1910–2008)—jiena għidt bejni u bejn ruħi, “Kemm inħossni grat għall-gwida li kull wieħed minnhom tawna.”
Bdejt inħares lejn irġiel meraviljużi li dejjem baqgħu sodi u qatt ma qatgħu qalbhom. Dawn huma nies ta’ Alla. Hekk kif nieqaf naħseb fuq il-profeti ta’ żmienna li jiena tant ħabbejt u li kont naf personalment, ma nistax ma naħsibx dwar ħajjithom, dwar il-kwalitajiet tagħhom u t-tagħlim ispirat tagħhom.
Il-President Heber J. Grant (1856–1945) kien il-President tal-Knisja meta jiena twelidt. Hekk kif jiena noqgħod nikkontempla dwar ħajtu u t-tagħlim tiegħu, jien nemmen li waħda mill-kwalitajiet li l-President Grant dejjem wera kienet dik tal-persistenza—persistenza f’ dak kollu li hu tajjeb u nobbli.
Il-President George Albert Smith (1870–1951) kien il-President tal-Knisja fiż-żmien li fih jiena qdejt bħala isqof tal-qasam tiegħi ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake. Huwa osserva li kien hemm logħba taħraq tal-ġbid tal-ħabel bejn il-Mulej u l-avversarju. “Jekk intom tibqgħu fuq in-naħa tal-Mulej,” għallem hu, “intom tkunu taħt l-influwenza tiegħu u ma jkollkom l-ebda xewqa li tagħmlu l-ħażin.”1
Jiena ġejt imsejjaħ bħala membru tal-Kworum tat-Tnax fl-1963 mill-President David O. McKay (1873–1970). Huwa għallem li aħna għandu jimpurtana minn ħaddieħor bil-mod li bih aħna ngħixu ħajjitna. “Il-vera Kristjanità,” huwa qal, “hija meta l-imħabba nuruha b’ għemilna.”2
Il-President Joseph Fielding Smith (1876–1972), wieħed mill-aktar kittieba prolifiċi tal-Knisja, kellu bħala prinċipju li jiggwidah f’ ħajtu l-istudju tal-evanġelju. Huwa kien jaqra l-iskrittura bla waqfien u kien familjari mat-tagħlim u d-duttrina li nsibu fil-paġni tagħha aktar minn kull bniedem ieħor li jien kont naf.
Il-President Harold B. Lee (1899–1973) serva bħala l-president tal-wited tiegħi meta jiena kont għadni tifel. Il-kwotazzjoni favorita tiegħu kienet “Ieqfu f’ postijiet qaddisa, u tiċċaqilqux.”3 Huwa ħeġġeġ lill-Qaddisin biex jirrispondu għal-leħen sieket tal-Ispirtu s-Santu u jkunu f’ armonija miegħu.
Jien nemmen li prinċipju li jiggwidana mill-ħajja tal-President Spencer W. Kimball (1895–1985) huwa d-dedikazzjoni. Huwa kien b’ mod assolut, u b’ konvinzjoni, iddedikat għall-Mulej. Huwa kien iddedika ruħu li jgħix l-evanġelju.
Meta l-President Ezra Taft Benson (1899–1994) sar il-President tal-Knisja, huwa sejjaħli biex inservi bħala t-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza. L-imħabba kienet il-prinċipju li jiggwidah, li hija rappreżentata fil-kwotazzjoni favorita tiegħu, imlissna mis-Salvatur: “X’ tip ta’ bnedmin għandkom tkunu? Fis-sewwa ngħidilkom, sewwasew kif jien jien.”4
Il-President Howard W. Hunter (1907–95) kien bniedem li dejjem kien ifittex li jara t-tajjeb f’ dak li jkun. Huwa kien verament raġel mill-aktar umli. Kien privileġġ għalija li nservi bħala t-Tieni Kunsillier tiegħu.
Il-President Gordon B. Hinckley għallimna biex dejjem nagħmlu l-almu tagħna. Huwa qasam it-testimonjanza qawwija tiegħu dwar is-Salvatur u l-missjoni Tiegħu. Huwa għallimna b’ imħabba. Kien unur u barka għalija li jiena servejt bħala l-Ewwel Kunsillier tiegħu.
Is-Salvatur jibgħat il-profeti fostna għaliex iħobbna. Tul il-konferenza ġenerali ta’ Ottubru li ġej, l-Awtoritjiet Ġenerali tal-Knisja se jerġa’ jkollhom il-privileġġ li jaqsmu ma’ ħaddieħor il-kelma Tiegħu. Aħna nidħlu għal din ir-responsabbiltà b’ solennità u umiltà kbira.
Kemm aħna mberkin li l-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu tinsab fid-dinja u li l-Knisja hija mibnija fuq il-blata tar-rivelazzjoni. Ir-rivelazzjoni kontinwa hija l-vera assenza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
Jalla aħna nitħejjew biex nirċievu r-rivelazzjoni personali li nistgħu niksbuha b’ abbundanza waqt il-konferenza ġenerali. Jalla qlubna jimtlew b’ determinazzjon profonda hekk kif aħna ngħollu jdejna biex insostnu l-profeti u l-appostli ħajjin. Jalla aħna nħossuna mdawlin, edifikati u msaħħin hekk kif nisimgħu l-messaġġi tagħhom. U jalla aħna nkunu lesti li nirrikommettu ruħna għall-Mulej Ġesù Kristu—l-evanġelju Tiegħu u l-ħidma Tiegħu—u li ngħixu b’ riżoluzzjoni mġedda li aħna lesti nżommu l-kmandamenti Tiegħu u nwettqu r-rieda Tiegħu.
© 2017 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/17. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/17. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, September 2017. Maltese. 97929 159