2017
Infittxu lil Kristu fil-Milied
December 2017


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Diċembru 2017

Infittxu lil Kristu fil-Milied

Lil dawk kollha li jixtiequ jifhmu min huma verament il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, jiena nixtieq ngħinkom tibdew tifhmu permezz ta’ tliet kelmiet: Aħna nfittxu lil Kristu.

Aħna nfittxu li nitgħallmu minnu. Biex nimxu warajh. Biex insiru aktar bħalu.

Aħna nfittxuh kull jum ta’ matul is-sena. Iżda speċjalment f’ dan iż-żmien tas-sena—żmien il-Milied, meta aħna niċċelebraw it-twelid tal-maħbub Salvatur tagħna—qlubna jkunu aktar inklinati lejh.

Bħala parti mit-tħejjija tagħna biex niċċelebraw il-Milied, ejjew nikkunsidraw kif dawk li għexu elfejn sena ilu ħejjew irwieħhom għall-miġja tas-Salvatur.

Ir-Rgħajja

Aħna ftit li xejn nafu dwar ir-rgħajja, nafu biss li huma kienu “fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl.”1 Ir-rgħajja probabbilment kienu nies pjuttost ordinarji, bħal ħafna erwieħ twajbin li jgħaddu ħajjithom jaħdmu biex jaqilgħu l-ħobża tagħhom ta’ kuljum.

Huma jafu jirrappreżentaw nies li, f’ xi żmien f’ ħajjithom, forsi ma kenux qegħdin b’ mod attiv ifittxu lil Kristu, iżda li seħħet bidla f’ qalbhom meta s-smewwiet infetħu u Kristu ġie mxandar lilhom.

Dawn huma dawk li, wara li semgħu leħen il-messaġġiera mis-smewwiet, marru immedjatament Betlehem għaliex riedu jaraw b’ għajnejhom.2

L-Għorrief

L-Għorrief kienu nies akkademiċi li kienu ilhom jistudjaw il-wasla tal-Messija, Bin Alla. Permezz tat-tagħlim tagħhom, huma identifikaw is-sinjali li kienu qed juru t-twelid Tiegħu. Meta huma identifikawhom, huma ħallew djarhom u vvjaġġaw lejn Ġerusalemm, u staqsew, “Fejn hu dak li twieled Sultan tal-Lhud?”3

L-għarfien tagħhom tal-Messija ma baqax biss wieħed akkademiku. La darba huma kienu raw is-sinjali tat-twelid Tiegħu, huma aġixxew. Huma telqu jfittxu lill-Messija.

L-Għorrief jafu jirrappreżentaw lil dawk li jinsabu jfittxu lill-Messija permezz tat-tagħlim u l-istudju akkademiku. Id-devozzjoni tagħhom lejn il-verità eventwalment twassalhom biex huma jsibu lill-Messija u jadurawh bħala s-Sultan tas-slaten, is-Salvatur tal-umanità.4

Xmun u Anna

Xmun u Anna jistgħu jirrappreżentaw lil dawk li jfittxu lil Kristu permezz tal-Ispirtu. Dawn l-erwieħ meraviljużi kienu nies reliġjużi mill-aktar devoti u, permezz tas-sawn u t-talb u għaliex għexu ħajja devota u ubbidjenti, stennew b’ ħerqa li jaraw il-jum tal-miġja ta’ Iben Alla.

Permezz tal-fedeltà, l-umiltà u l-fidi, huma stennew bil-paċenzja kollha l-miġja tas-Salvatur.

Eventwalment, il-fedeltà tagħhom ġiet ippremjata hekk kif Marija u Ġużeppi ppreżentawlhom lit-tifel ċkejken tarbija li xi darba kellu jieħu fuqu d-dnubiet tal-umanità.5

Nies li emmnu minn fost in-Nefiti u l-Lamaniti

Fil-Ktieb ta’ Mormon insibu l-istorja kommoventi ta’ kif nies li emmnu fid-Dinja l-Ġdida stennew li jaraw is-sinjali tat-twelid tas-Salvatur.

Intom tiftakru li dawk li kellhom il-fidi fi Kristu ġew irredikulati u ppersegwitati. In-nies sofistikati ta’ dak iż-żmien akkużaw lill-fidili li huma kienu qed jemmnu f’ superstizzjonijiet ta’ bluha. Fil-fatt, dawk li ma kenux jemmnu tant bdew jagħmlu minn kollox biex isemmgħu leħinhom ħalli jirridikulaw lill-fidili li wasslu għal “irvell kbir” mal-pajjiż (3 Nephi 1:7). Huma kienu jħarsu b’ disprezz lejn dawk li kienu jemmnu li kien se jitwieled is-Salvatur.

Tant bdiet titqanqal fihom rabja u qilla li huma spiċċaw ossessjonati li jeqirdu għal kollox lil dawk li kienu jemmnu fis-Salvatur. Il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem dwar ir-reżoluzzjoni mill-aktar drammatika.6

Il-fidili li kienu jgħixu f’ dawk iż-żminijiet jistgħu jirrappreżentaw lil dawk kollha li jinsabu jfittxu lil Kristu anke meta ħaddieħor jiddieħaq jew jgħaddi ż-żmien bihom. Huma jfittxu lil Kristu anke meta oħrajn jippruvaw ipinġuhom bħala nies li mhumiex raffinati jew sofistikati jew inkella nies li jibilgħu kulma jisimgħu.

Iżda t-tmaqdir ta’ ħaddieħor ma jaqtax qalb il-dixxipli vera milli jfittxu lil Kristu.

Aħna Nfittxu lil Kristu

Matul is-sena, u speċjalment waqt dan iż-żmien tal-Milied, ikun ta’ benefiċċju għalina lkoll li aħna nistaqsu għal darb’oħra l-mistoqsija “Jiena kif qed infittex lil Kristu?”

Waqt żmien mill-aktar diffiċli f’ ħajtu, il-kbir Sultan David kiteb, “O Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex. Ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena.”7

Jista’ jkun li l-attitudni tiegħu li jfittex lil Alla kienet waħda mir-raġunijiet għaliex David ġie deskritt bħala bniedem skont qalb Alla.8

Matul dan l-istaġun tal-Milied u tul is-sena kollha, jalla aħna nfittxu b’ qalbna kollha u b’ ruħna kollha lis-Salvatur għażiż tagħna, il-Prinċep tal-Paċi, il-Qaddis ta’ Israel. Għax din ix-xewqa, fil-qalba tagħha, tiddefinixxi mhux biss min verament aħna bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem iżda aktar u aktar min verament aħna bħala dixxipli ta’ Kristu.

Ipprintja