2021
Alla Qalilna biex Nitgħammdu
Frar 2021


“Alla Qalilna biex Nitgħammdu,” Liahona, Frar 2021

Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona , Frar 2021

Alla Qalilna biex Nitgħammdu

Ġesù Kristu tana eżempju meta tgħammed minn xi ħadd li għandu l-awtorità ta’ Alla.

Minkejja li ma tantx għandna dettalji dwar il-ħajja personali ta’ Ġesù Kristu, aħna nafu li Hu tgħammed meta kellu madwar 30 sena (ara Luqa 3:23). Dawn huma xi affarijiet li nitgħallmu dwar il-magħmudija mill-eżempju tiegħu.

Għal Kull Persuna

Jekk aħna kbar biżżejjed u maturi biżżejjed biex nagħrfu d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, Missierna fis-Smewwiet iridna nitgħammdu (ara Doctrine and Covenants 18:42). Ġesù kien perfett, iżda Hu xorta waħda għażel li jitgħammed biex jimxi wara l-kmandamenti ta’ Alla (ara Mattew 3:13–17; 2 Nephi 31:7). Anke dawk li diġà mietu jistgħu jaċċettaw il-magħmudija. Aħna noffruha lilhom billi nitgħammdu f’isimhom fit-tempji. (Ara Doctrine and Covenants 128:15–18.)

magħmudija

Saret bl-Awtorità

Ġesù ma ġiex mgħammed minn xi ħadd, kien min kien. Hu speċifikament mar għand kuġinuh Ġwanni, li kellu l-awtorità tas-saċerdozju mingħand Alla. Wara li Ġesù miet u d-dixxipli tiegħu nqatlu, dik l-awtorità tas-saċerdozju ttieħdet mid-dinja. Imbagħad, fl-1829, Ġwanni l-Battista deher lil Joseph Smith u tah l-awtorità li jgħammed f’isem Alla. Minħabba dik ir-restawrazzjoni, illum aħna nistgħu nitgħammdu b’dik l-istess awtorità.

restawrazzjoni tas-Saċerdozju ta’ Aron

Wegħda Bejn Tnejn

Il-magħmudija tinkludi wegħda bejn tnejn, jew patt, bejna u bejn Alla. Aħna nwiegħdu:

  1. Li nieħdu fuqna l-isem ta’ Kristu.

  2. Li dejjem niftakru fih.

  3. Li nżommu l-kmandamenti tiegħu.

Min-naħa tiegħu, Alla jwiegħed li l-Ispirtu tiegħu dejjem ikun magħna. Il-kliem tat-talb tas-sagrament kull ġimgħa jfakkarna f’dan il-patt. (Ara Doctrine and Covenants 20:77, 79.)

familja waqt laqgħa tas-sagrament

Li Nirċievu l-Ispirtu s-Santu Hi Parti Importanti mill-Magħmudija

Wara li Ġesù tgħammed, l-Ispirtu s-Santu deher f’forma ta’ ħamiema (ara 2 Nephi 31:8). Illum, wara li n-nies jitgħammdu, huma jiġu kkonfermati. Dan ifisser li jirċievu barka speċjali li fiha jiġu mistiedna biex jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu li jnaddafhom spiritwalment (ara 2 Nephi 31:17). L-Ispirtu s-Santu jista’ jwissina dwar il-periklu, ifarraġna, jiggwidana biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin, u jgħinna nħossu l-imħabba ta’ Alla (ara Doctrine and Covenants 39:6).

mara qed tiġi kkonfermata

Aħna Dejjem Nistgħu Nindmu

Alla kien jaf li aħna konna se niżbaljaw. Minkejja l-akbar sforzi tagħna, aħna nidinbu u ma jirnexxilniex ngħixu għal kollox skont il-wegħdiet li għamilna fil-magħmudija. Għalhekk Hu jagħti lil kull wieħed u waħda minna ċ-ċans li nindmu. (Ara Doctrine and Covenants 18:13.) Kuljum aħna nistgħu nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex niskużaw ruħna u nsewwu l-ħażin. Nistgħu nitolbu għall-maħfra ta’ Alla. Imbagħad, meta nieħdu s-sagrament b’qalb umli, ikun jista’ jkollna magħna l-Ispirtu s-Santu (ara 3 Nephi 18:11).

Mara titlob ħdejn is-sodda

X’Tgħid l-Iskrittura dwar il-Magħmudija?

Il-ġenituri għandhom jgħinu lil uliedhom jitħejjew għall-magħmudija (ara Doctrine and Covenants 68:25).

Dawk li għad m’għandhomx tmien snin m’għandhomx bżonn jitgħammdu (ara Moroni 8).

Meta nitgħammdu, aħna nwiegħdu li se “nibku ma’ dawk li jibku; … infarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ, u nieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox, u kullimkien” (Mosiah 18:9).