“Kien Hemm Bżonn ta’ Tfajjel biex Ġie Salvat Raħal,” Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Apr. 2021, 10–11.
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, April 2021
Kien Hemm Bżonn ta’ Tfajjel biex ġie Salvat Raħal
Tom Fanene kellu biss 12-il sena, iżda meta marda devastanti laqtet ir-raħal tiegħu fis-Samoa, hu ġie msejjaħ biex jagħmel ħwejjeġ kbar.
Kif tgħidilna t-tema taż-żgħażagħ ta’ din is-sena, intom qegħdin “tħejju l-pedament ta’ ħidma kbira” (Doctrine and Covenants 64:33). Tul l-istorja tal-Knisja, iż-żgħażagħ spiss kellhom irwol essenzjali fi żminijiet mill-aktar kritiċi fil-bini tas-saltna ta’ Alla. Ħa nagħtikom eżempju.
Epidemija fuq Gżira
Aktar minn 100 sena ilu, fil-Gżejjer tas-Samoa fl-Oċean Paċifiku, wieħed żagħżugħ jismu Tom Fanene kellu rwol importanti waqt sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt għall-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.
Tom kien jgħix f’raħal jismu Sauniatu, li kien twaqqaf mill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien f’dawk l-inħawi bħala post fejn huma jinġabru u joħolqu komunità. Bħall-Qaddisin ta’ Alla fi żminijiet u postijiet oħra, huma esperjenzaw għadd ta’ sfidi kif ukoll mirakli hekk kif ħadmu flimkien biex jibnu s-saltna ta’ Alla. Sfida minnhom seħħet fl-1918, meta r-raħal intlaqat minn pandemija tal-influwenza.
Hekk kif daħlet il-marda, mill-ewwel dehret li kienet devastanti, u nfirxet malajr. Kważi kull raġel u mara minn fost l-400 raħħal kollha spiċċaw morda fis-sodda minħabba fiha. Tnejn biss fosthom kienu jifilħu biżżejjed biex jibqgħu fuq saqajhom: raġel anzjan u Tom li kellu 12-il sena.
Fidi u Xogħol Iebes
Il-membri tal-familja ta’ Tom kienu diġà wrew il-fidi tagħhom meta kienu ffaċċjati bil-mard fil-passat u b’riżultat ta’ dan kienu raw il-mirakli jseħħu. Snin qabel, Ailama, ħu Tom iż-żgħir, kien marid. Missierhom, Elisala, kellu ħolma li fiha ġie mogħti ċerta direzzjoni speċifika x’kellu jagħmel biex jieħu ħsieb ta’ Ailama: li jsib siġra tal-wili-wili, ineħħilha ftit mill-qoxra, u jieħu l-meraq tagħha. Elisala għamel dan u ta l-meraq lil Ailama, li xorbu u ma damx ma’ għaddielu. Għalhekk Tom kien ra b’għajnejh stess li meta wieħed jaġixxi bil-fidi jista’ jegħleb il-mard.
Waqt l-epidemija tal-influwenza tal-1918, Tom eżerċita l-fidi hekk kif ħadem bla heda biex jieħu ħsieb tan-nies tar-raħal. “Kull filgħodu kont immur minn dar għall-oħra biex nitma’ u nnaddaf lin-nies u nara min kien miet,” huwa qal.
Hu kien jimla bramel sħaħ tal-ilma minn fawwara u jmur jieħu l-ilma f’kull dar. Hu kien jitla’ mas-siġar tal-ġewż tal-indi, jaqta’ l-ġewż tal-indi, iqaxxarhom, u jiftaħhom biex joħdilhom il-meraq ħalli jagħtih lill-morda. Huwa qatel ukoll it-tiġieġ kollu fir-raħal biex jagħmel is-soppa għal kull familja.
Għamel Differenza
Waqt din il-pandemija, madwar kwart tan-nies kollha fis-Samoa mietu bl-influwenza. Xi ftit min-nies tar-raħal ta’ Tom mietu wkoll. Tom għen iħaffer l-oqbra u jidfen aktar minn 20 persuna minnhom, fosthom lill-istess missieru, Elisala.
Iżda grazzi għall-ħidma iebsa u l-imħabba ta’ Tom, ħafna nies fir-raħal baqgħu ħajjin. Hu għamel differenza kbira fil-ħajja ta’ dawk in-nies u biex jibni s-saltna tal-Mulej fis-Samoa. Hu kien qed “iħejji l-pedament ta’ ħidma kbira.”
U bil-mod tagħkom, anke intom.
Jista’ jkun li intom ma ġejtux imsejħin biex tagħmlu t-tip ta’ affarijiet li għamel Tom, iżda intom fil-fatt qegħdin teżerċitaw il-fidi tagħkom b’diversi modi li se jagħmel differenza għalikom, għal oħrajn, u għall-ħidma tal-bini tas-saltna ta’ Alla.
Intom qed tagħtu eżempju tajjeb lill-familja u lill-ħbieb tagħkom, u lil ħaddieħor billi turuhom il-virtù, il-paċenzja, it-tjubija, u l-imħabba. Intom qed isservu lil ħaddieħor. Intom qed tgħaddu ħinkom tistudjaw l-iskrittura u titlobu. Intom qed taqsmu l-veritajiet tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.
Tul din is-sena li għaddiet, ħafna minnkom għamiltu dawn l-affarijiet filwaqt li kontu qed tikkumbattu l-effetti ta’ pandemija. Jista’ jkun li ma mortux iġġorru l-ilma u l-ġewż tal-indi u dduru b’xi 400 ruħ biex huma jfiequ, iżda intom kontu dawk li wassaltu lin-nies il-faraġ, it-tama, il-ferħ, u l-paċi f’bosta modi oħra.
L-età tagħkom kienet anqas importanti mill-fidi tagħkom u mir-rieda tagħkom li taħdmu u sservu lil ħaddieħor. Eżempji mill-passat, bħal ta’ Tom Fanene, jistgħu jgħinukom taraw li intom meħtieġa fil-bini tal-pedament tal-ħidma kbira ta’ Alla.
© 2021 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly For the Strength of Youth Message, April 2021. Maltese. 17467 159