“Ġesù Kristu Salvana mid-Dnub u mill-Mewt,” Liahona, April 2021
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, April 2021
Ġesù Kristu Salvana mid-Dnub u mill-Mewt
Minħabba s-sagrifiċċju tiegħu, aħna lkoll għandna ċ-ċans li nsibu s-sliem u l-ferħ etern.
Aħna nirreferu għal Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħna. Dan għaliex Huwa ħallas il-prezz għal dnubietna u għeleb il-qawwa tal-mewt. Huwa salvana! Is-sagrifiċċju tiegħu għalina, li nsejħulu l-Espjazzjoni, huwa l-aktar ġrajja importanti li qatt seħħet. Minħabba fih, il-mewt mhijiex it-tmiem. Minħabba fih, aħna nistgħu ninħafru minn dnubietna, nerġgħu nindafu, u nitjiebu kuljum.
Ġesù Kristu Kien l-Iben il-Kbir
Qabel ġejna fid-dinja, aħna konna ngħixu mal-ġenituri tagħna tas-smewwiet. Bħala l-Iben il-Kbir, Ġesù Kristu għen biex tinħoloq din id-dinja sabiħa. Huwa ġie magħżul biex ikun is-Salvatur tagħna u aċċetta li jitwieled f’din id-dinja ħalli jkun jista’ jkun ta’ eżempju perfett, jgħallem l-evanġelju tiegħu, u jġib fis-seħħ l-Espjazzjoni għalina.
Ġesù Kristu Ħallas għal Dnubietna
Meta Ġesù kien jaf li dalwaqt kien se jmut, Huwa mar fi ġnien jismu Ġetsemani biex jitlob. Waqt dik it-talba, Hu beda jħallas il-prezz għal dnubietna. Huwa bata minn jeddu ħalli aħna ma jkollniex għalfejn inbatu—jekk nindmu. Hekk kif niċħdu dnubietna u minflok nimxu wara s-Salvatur, aħna nistgħu nsibu l-maħfra u l-fejqan. Minħabba dak li Hu esperjenza fil-Ġetsemani, Ġesù fehem eżattament xi tfisser li tkun bħal kull wieħed u waħda minna. Huwa ħass in-niket, il-mard, u l-uġigħ tagħna kollu. Din hi l-ewwel parti tal-Espjazzjoni.
Ġesù Kristu Għeleb il-Mewt
Wara t-talba tiegħu fil-Ġetsemani, Ġesù ġie ttradut, arrestat, u kkundannat għall-mewt fuq is-salib. Minkejja li kien mill-aktar setgħan, Ġesù ppermetta li Huwa jmut fuq is-salib. Id-dixxipli tiegħu poġġew b’imħabba l-ġisem tiegħu f’qabar. Huma ma rrealizzawx li minkejja li ġismu kien mejjet, l-ispirtu tiegħu kien għadu ħaj fid-dinja tal-ispirti. Tliet ijiet wara, Ġesù reġa’ ħa l-ħajja u mar iżurhom, fejn ta prova li Hu seta’ jegħleb il-mewt. Dan ġab fis-seħħ l-Espjazzjoni sħiħa. Peress li Ġesù qam mill-imwiet, ilkoll kemm aħna se nerġgħu ngħixu mill-ġdid wara li mmutu.
It-Tifsira tal-Milied u tal-Għid
Il-parti l-kbira tad-dinja tiċċelebra żewġ festi li jgħinuna niftakru l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Matul il-Milied, aħna niftakru bi gratitudni li Ġesù kien lest li jaċċetta l-missjoni li jiġi fid-dinja, minkejja li dan kien jinkludu li Huwa jbati u jmut għalina. Fl-Għid niċċelebraw ir-rebħa tas-Salvatur fuq id-dnub u l-mewt, u dan jimliena bit-tama għal futur etern ta’ ferħ.
X’Tgħid l-Iskrittura dwar l-Espjazzjoni tas-Salvatur?
Peress li Ġesù jafna b’mod perfett, Hu jista’ “jassistina,” jew jgħinna (ara Alma 7:11–12).
Is-Salvatur jifhem in-niket u d-dulur tagħna (ara Isaija 53:2–5).
Alla bagħat lil Ġesù biex isalvana għax Alla jħobb lil kull wieħed u waħda minna (ara Ġwanni 3:16–17).
Ġesù talab għad-dixxipli tiegħu, inkluż għalina, biex inkunu protetti mill-ħażen u nkunu ħaġa waħda miegħu u ma’ Missierna fis-Smewwiet (ara Ġwanni 17).
Is-Salvatur tagħna jistedinna biex nimxu warajh u nerġgħu lura fil-preżenza tiegħu (ara Doctrine and Covenants 19:16–19, 23–24; 132:23).
© 2021 minn Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, April 2021. Maltese. 17467 000