“Il-Waqgħa Kienet Parti mill-Pjan ta’ Alla,” Liahona, Jannar 2022
Messaġġ ta’ Kull Xahar Liahona, Jannar 2022
Il-Waqgħa Kienet Parti mill-Pjan ta’ Alla
Minħabba l-Waqgħa, nistgħu niġu fid-dinja u nistgħu xi darba nirritornaw ma’ Missierna fis-Smewwiet.
Fil-Ġnien tal-Għeden, Alla kkmanda lil Adam u Eva sabiex ma jiklux minn frott is-siġra li kellha l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. Imbagħad qalilhom, “Int tista’ tagħżel għalik innifsek, … iżda, ftakar li jien nipprojbixxi dan” (Moses 3:17). Satana ħajjar lil Eve sabiex tiekol il-frott tas-siġra. Qalilha, “Intom tkunu bħall-allat, billi tafu t-tajjeb u l-ħażin”(Moses 4:11). Hija kielet il-frotta u mbagħad tat minnha lil Adam. Alla keċċiehom mill-Ġnien tal-Għeden.
Il-Waqgħa
Meta Adam u Eva ħallew il-Ġnien tal-Għeden, huma ma baqgħux iżjed fil-preżenza ta’ Alla. Din it-tip ta’ separazzjoni minn Alla tissejjaħ mewt spiritwali. It-tluq tagħhom mill-ġnien fisser ukoll li Adam u Eva saru mortali u b’hekk setgħu jmutu. Anki jekk Adam u Eva ma kenux iżjed ma’ Alla u issa kienu mortali, kienu ferħanin u mimlijin tama meta raw li jistgħu jagħmlu progress (ara Moses 5:10–11). “Adam waqa’ sabiex jinħoloq il-bniedem; u l-bniedem maħluq, biex ikun ferħan” (2 Nephi 2:25).
Żmien ta’ Prova
Meta nitwieldu, aħna ngħixu separatament minn Alla, bħalma ġralhom Adam u Eva wara l-Waqgħa. Satana jħajjarna nagħmlu għażliet ħżiena. Dawn it-tentazzjonijiet jagħtuna ċ-ċans niġu pprovati u nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin (ara Alma 12:24). Kull darba li nidinbu u ma nindmux, aħna nitbiegħdu iktar minn Missierna fis-Smewwiet. Iżda jekk nindmu, aħna nersqu dejjem eqreb lejn Missierna fis-Smewwiet.
Il-Mewt Fiżika
Id-dinja nħolqot għalina (ara 1 Nephi 17:36). Il-waqgħa għamlitha possibbli għal Adam u Eva biex iwettqu l-kmandament ta’ Alla li jkollhom it-tfal, u b’hekk aħna stajna niġu fid-dinja f’ġisem fiżiku. Ġisimna xi darba se jmut, iżda l-ispirtu tagħna se jkompli jgħix. Il-ġisem u l-ispirtu tagħna se jerġgħu jingħaqdu flimkien meta aħna nqumu mill-imwiet.
Salvati minn Ġesù Kristu
Permezz tal-qawwa tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù, aħna nistgħu negħlbu l-mewt fiżika u spiritwali. Minħabba li Kristu kien imqajjem mill-imwiet, kull min jitwieled fid-dinja se jkun imqajjem mill-imwiet u se jgħix għal dejjem. U minħabba li Kristu bata għal dnubietna, aħna nistgħu nindmu u niġu maħfura ħalli nkunu nistgħu ngħixu mill-ġdid ma’ Missierna fis-Smewwiet.
© 2021 minn Intellectual Reserve, Inc. Drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, January 2022. Maltese. 18295 159