2023
Mela Isma’ Int fl-Ismewwiet
Frar 2023


Messaġġ tat-Tmexxija Reġjonali

Mela Isma’ Int fl-Ismewwiet

Wieħed mill-iktar rigali prezzjużi li l-ġenituri tiegħi qasmu miegħi matul tfuliti kien l-imħabba tagħhom għat-tempju. Ix-xewqa tagħhom li jqimu fid-Dar tal-Mulej kienet kostanti u qatt ma tinbidel, minkejja d-distanza twila u l-ispiża għolja biex jivvjaġġaw sal-eqreb tempju.

Fl-aħħar tas-snin 80, matul ir-renovazzjoni tat-Tempju ta’ Bern fl-Isvizzera, il-familja tiegħi vvjaġġat sa Frankfurt, il-Ġermanja. Għadni niftakar tajjeb il-ġurnata meta wasalna fit-tempju. Kien għad kelli disa’ snin u, għalkemm jien u ħija konna akkumpanjajna lill-ġenituri tagħna fit-tempju bosta drabi qabel, din l-esperjenza kienet waħda differenti għalija. Hekk kif dħalna fl-intrata tal-akkomodazzjoni tal-patruni, jien ħassejt sens hena u appartenenza li qatt ma kont esperjenzajt qabel. Niftakarni bilqiegħda hemmhekk b’sensazzjoni li kienet ġdida għalija, mimli b’imħabba tal-għaġeb. Niftakar lil ommi tispjegali li dawk is-sentimenti kienu mogħtija mill-Ispirtu tal-Mulej, li kien qed jixhed miegħi li jien kont fid-dar qaddisa tiegħu. Anki jekk ma kontx qed nifhem kollox dak il-waqt, kien jidher ċar għalija li dak li kont qed inħoss kien don personali mingħand il-Mulej.

Fl-10 seklu QK, wara bosta ġenerazzjonijiet, il-poplu ta’ Iżrael kien fl-aħħar bena tempju lill-Mulej. Il-ktieb tas-Slaten ifakkar it-talba dedikatorja li kienet offruta mis-sultan Salamun. Is-sultan kien ġabar lill-poplu biex iħejji ċerimonja dedikatorja u festa f’ġieħ il-Mulej. Wara li poġġew l-arka tal-patt fil-“post il-qaddis”1, sħaba niżlet fuq it-tempju u “il-glorja tal-Mulej... kienet imliet it-tempju tal-Mulej”2. Bħal ma għamel għal missirijiethom huma u jaqsmu d-deżert, il-Mulej kien qed joffri lill-poplu tiegħu manifestazzjoni distinta tal-preżenza tiegħu fit-tempju3. Il-Mulej ma kien għamel l-ebda distinzjoni bejn tabernaklu temporanju tad-drapp u wieħed prezzjuż magħmul mill-ġebel; it-tnejn kienu aċċettati minnu, peress li kienu jirrapreżentaw l-aqwa sagrifiċċju li l-poplu seta’ joffri f’dak iż-żmien.

Bħala parti mit-talba dedikatorja, is-sultan Salamun jitlob bosta drabi “agħti widen għas-supplika tal-qaddej tiegħek”4 u biex jisma’ lill-poplu tiegħu kull darba li huma jindmu u jduru lejn id-dar tiegħu. Waqt li Salamun jitlob, huwa jaf li t-tempju mhux biss ibierek lill-popli u n-nazzjonijiet, iżda speċjalment individwi u familji, u għaldaqstant iżid “Imqar jekk bniedem waħdu jonkella l-poplu tiegħek kollu ta’ Iżrael, jitlob u jitkarrab bil-ħniena… kull meta xi ħadd jistqarr il-ġrieħi ta’ qalbu u jiftaħ idejh lejn din id-dar.

Isma’ int mis-smewwiet fejn tgħammar, u aħfer, u agħmel u agħti lil kulħadd skont imġibtu; int tagħraf qalbu, għax int waħdek tagħraf il-qalb ta’ kull bniedem”5.

Matul is-snin, l-hena personali u l-imħabba li jien ħassejt dakinhar fi Frankfurt, kibru biex saru għerf u għarfien ikbar tal-Missier tagħna fis-Smewwiet, u pprovdewni bil-barkiet ta’ meta tesperjenza l-imħabba tiegħu u l-parir mfassal propju għalik. Fit-tempju, jien wasalt biex nifhem li l-Mulej jaf “il-ġrieħi ta’ qalbi”, u li jismagħni meta jien ndur lejn it-tempju bil-fidi. Xi ħaġa oħra li tgħallimt huwa li li tibni relazzjoni personali ma’ Kristu u li tibni għarfien tiegħu fit-tempju jeħtieġu sagrifiċċju, fidi, u xewqa. Fi kliem il-Presbiteru Bednar: “Hemm differenza bejn membri li jmorru l-knisja u jħallsu d-dieċmi u li kultant jidħu b’għaġġla fit-tempju biex jieħdu sehem f’sessjoni, u dawk il-membri li b’fidi u konsistenza jqimu ġewwa t-tempju.”6

Il-President Nelson żied ukoll “Il-bini ta’ dawn it-tempji jaf ma jwassalx biex jibdel ħajjitkom, iżda l-ħin li intom tgħaddu fit-tempju żgur jasal biex jagħmel dan”7. Jalla aħna niskopru l-ferħ meta nqimu fid-dar qaddisa tiegħu, fejn Alla jaf “il-ġrieħi ta’ qalba(na)”5 u se jagħti widen għas-suppliki tagħna4.

Notes

  1. 1 Slaten 8:6.

  2. 1 Slaten 8:10-11.

  3. Eżodu 33:7-11.

  4. 1 Slaten 8:28-30.

  5. 1 Slaten 8:38-40.

  6. Il-Presbiteru David A. Bednar, Honorably Hold a Name and Standing, Konferenza Ġenerali April 2009.

  7. Il-President Russell M. Nelson, Insiru Qaddisin tal-Aħħar Żmien Eżemplari, Konferenza Ġenerali Ott. 2018.

Ipprintja