“Fidi f’Ġesù Kristu,” Liahona, Apr. 2023.
Messaġġ ta’ Kull Xahar Liahona, April 2023
Fidi f’Ġesù Kristu
Li jkollna fidi f’Ġesù Krsitu huwa l-ewwel prinċipju tal-evanġelju (ara Articles of Faith 1:4). Il-fidi tagħna tgħinna nagħmlu għażliet li se jeħduna lura għand Missierna fis-Smewwiet. Aħna nistgħu naħdmu biex insaħħu l-fidi tagħna matul ħajjitna kollha.
X’inhi l-Fidi?
Il-fidi hija twemmin sod jew fiduċja soda f’xi ħaġa. Li jkollok il-fidi jinkludi li jkollok it-tama fi ħwejjeġ li huma vera u li temmen fihom, anki meta ma nistgħux narawhom jew nifhmuhom kompletament (ara Lhud 11:1; Alma 32:21).
Il-Fidi li Tiċċentra fuq Ġesù Kristu
Biex twassal għas-salvazzjoni, il-fidi tagħna trid tkun iċċentrata fuq Ġesù Kristu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Li jkollok il-fid fi Kristu jfisser li għandek kunfidenza fih. Ifisser li nafdaw fih kompletament—nafdaw fil-qawwa, l-intelliġenza u l-imħabba tiegħu. Dan jinkludi wkoll li nemmnu fit-tagħlim tiegħu u nimxu fuqu.
Inżidu l-Fidi Tagħna
Il-fidi hija don minn Alla, iżda aħna jeħtiġilna nfittxuha u naħdmu biex inżommuha qawwija. Nistgħu nżidu l-fidi tagħna billi nitolbu u nistudjaw l-iskrittura u t-tagħlim tal-profeti tal-aħħar jiem. Inqawwu wkoll il-fidi tagħna hekk kif ngħixu fis-sewwa u nħarsu l-patti tagħna.
Ngħixu bil-Fidi
Il-fidi hija ħafna aktar minn sempliċiment twemmin. Tinkludi li wieħed jaġixxi skont dak it-twemmin. Aħna nuru l-fidi tagħna bil-mod li ngħixu. Il-fidi f’Ġesù Kristu timmotivana sabiex nimxu wara l-eżempju perfett Tiegħu. Il-fidi tagħna twassalna biex nobdu l-kmandamenti, nindmu minn dnubietna, u nagħmlu l-patti u nżommuhom.
Il-Fidi Taf Twassal għal Mirakli
Il-fidi vera ġġib il-mirakli, li jafu jinkludu dehriet, ħolm, fejqan, u doni oħra li jiġu minn Alla. L-iskrittura għandha ħafna ġrajjiet ta’ nies li rċevew mirakli mingħand il-Mulej minħabba l-fidi fih. Ara “Miraklu” fil-Gwida għall-Iskrittura għal xi eżempji.
Il-Fidi Tista’ Ġġib il-Paċi
Li jkollona fidi f’Alla u fil-pjan ta’ salvazzjoni tiegħu jista’ jqawwina matul l-isfidi tagħna. Il-fidi tista’ tagħtina l-qawwa biex nimxu ’l quddiem u niffaċċjaw it-tbatijiet tagħna bi qlubija. Ukoll meta l-futur jaf jidher inċert, il-fidi tagħna fis-Salvatur tista’ tagħtina l-paċi.
Il-fidi f’Ġesù Kristu twassal għas-Salvazzjoni
Li neżerċitaw il-fidi fi Kristu twassal għas-salvazzjoni tagħna. Kristu ħejja t-triq għalina biex nirċievu l-ħajja eterna. Hekk kif ngħixu bil-fidi tagħna fih, aħna nistgħu ninħafru minn dnubietna u nirritornaw biex ngħixu ma’ Alla.
© 2023 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fl-Istat Uniti. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, March 2023. Language. 19006 159