“L-Ispirtu s-Santu Jista’ Jgħinna,” Liahona, Ġunju 2023.
Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, Ġunju 2023
L-Ispirtu s-Santu Jista’ Jgħinna
L-Ispirtu s-Santu huwa t-tielet membru tad-Divinità. L-iskrittura tirreferi wkoll għalih bħala l-Ispirtu, l-Ispirtu s-Santu, jew il-Farraġ. Hekk kif nitgħallmu kif nisimgħu leħnu, Hu se jagħtina xhieda ta’ Ġesù Kristu u jgħinna nitgħallmu l-veritajiet dwar l-evanġelju.
Membru tad-Divinità
Alla l-Missier, Ġesù Kristu, u l-Ispirtu s-Santu huma d-Divinità. Huma jħobbuna u jaħdmu f’unità biex iġibu fis-seħħ il-pjan tas-salvazzjoni. Minkejja li l-Missier fis-Smewwiet u Ġesù Kristu għandhom ġisem tal-laħam u għadam, l-Ispirtu s-Santu m’għandux. Huwa spirtu.
Xhud tal-Missier u l-Iben.
L-Ispirtu s-Santu “jagħti xhieda tal‑Missier u tal‑Iben” (2 Nefi 31:18). Dan ifisser li aħna nistgħu nirċievu testimonjanza tal-Missier fis-Smewwiet u Ġesù Kristu permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Jagħti Xhieda tal-Verità
L-Ispirtu s-Santu jagħti xhieda tal-verità. Huwa jgħinna nifhmu li l-evanġelju—inkluż il-pjan tas-salvazzjoni, il-kmandamenti ta’ Alla, ir-Restawrazzjoni, u l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu—huma veri. Huwa jsaħħaħ it-testimonjanza ħalli aħna nibqgħu nitolbu, inħarsu l-kmandamenti, u nistudjaw l-evanġelju.
Jiggwidana u Jipproteġina
L-Ispirtu s-Santu jista’ jiggwidana fid-deċiżjonijiet tagħna u jipproteġina minn periklu fiżiku u spiritwali. Huwa jgħinna nsibu tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħna jekk aħna nitolbu u nippruvaw nagħmlu dak li hu sew. Huwa dejjem imexxina biex “nagħmlu t-tajjeb” (ara Duttrina u Patti 11:12).
Ifarraġna
L-Ispirtu s-Santu huwa xi minn daqqiet imsejjaħ bħala “il-Farraġ” (Ġwanni 14:26). Huwa jista’ jimliena “bit-tama u mħabba perfetta” (Moroni 8:26) meta aħna mġarrbin, imdejqin, jew imbeżżgħin. Hekk kif jgħinna nħossu l-imħabba ta’ Alla, aħna nistgħu negħlbu l-iskuraġġiment u nitqawwew fil-provi tagħna.
Id-Don tal-Ispirtu s-Santu
Wara li aħna nitgħammdu, aħna nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu f’ordinanza msejħa konferma. Ġaladarba nirċievu dan id-don, aħna jista’ jkollna s-sħubija kontinwa tal-Ispirtu s-Santu sakemm aħna ngħixu fis-sewwa.
Kif Nisimgħu l-Ispirtu s-Santu
L-Ispirtu s-Santu jikkomunika man-nies b’modi differenti. Dawn jistgħu jinkludu sentimenti ta’ paċi u faraġ jew għarfien dwar x’għandek tgħid jew tagħmel. Hekk kif nitolbu għalll-gwida u nisimgħu s-suġġerimenti tiegħu, aħna nistgħu nitgħallmu kif Huwa jitkellem magħna.
© 2023 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fl-Istat Uniti. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, March 2023. Language. 19026 159