2023
Drawwiet Spiritwali
Ġunju 2023


Messaġġ mit-Tmexxija Reġjonali

Drawwiet Spiritwali

Li tiżviluppa u ttejjeb drawwiet spiritwali tajbin mhix xi ħaġa faċli, u lanqas xi ħaġa awtomatika, għall-biċċa l-kbira tan-nies. It-triq lejn l-iżvilupp spiritwali hija ta’ sikwit mħarbta u diffikultuża.

Meta kont qed nitħejja biex inservi missjoni, jien mort għand il-president tal-fergħa tiegħi biex nistaqsih x’kelli nagħmel ħalli nservi bl-unur. Huwa tani lista li kienet tinkludi l-istudju tal-iskrittura, it-tħejjija spiritwali u fiżika, u anki ħiliet ta’ tisjir. Hekk kif bil-qalb kollha bdejt nipprepara ruħi b’kull mod biex inkun ‘missjunarju kbir,’ jien innutajt li xi affarjiet kienu iħfef biex tagħmilhom minn oħrajn, u li xi wħud kienu pjuttost diffiċli. Madanakollu, għamilt l-almu tiegħi biex insir dak li l-Mulej kien jistenna minni li nsir, anki fost l-isfidi li kont qed niffaċċja dak iż-żmien.

It-tħejjija ma kinitx faċli, imma rriżultat f’barkiet veri li għadni ngwadi sal-lum. Hekk kif imxejt wara l-parir mingħand il-mexxejja tiegħi, għalkemm xi minn daqqiet diffiċli, l-istruzzjonijiet tagħhom għenuni biex insir il-missjunnarju li l-Mulej riedni li nkun u, matul iż-żmien, dawn saru pari minn ħajti u mill-esseru spiritwali tiegħi.

Bl-istess mod, meta nistinkaw biex niksbu riżultati li jitkejlu, fi kwalunkwe sfera li rridu nitjiebu fiha, xi drabi mhux faċli li nimxu wara d-direzzjonijiet, naderixxu ma’ regoli stretti jew sempliċiment nibqgħu ffukati. Per eżempju, jekk irridu nżommu l-ġisem fiżiku tagħna san u b’saħħtu, jeħtiġilna nagħmlu eżerċizzju frekwentament u nipprovduh b’ikel u xorb f’intervalli regolari. Jekk ma nagħmlux dan, se jkun hemm id-dgħufija, jew il-mard u, jekk ma noqogħdux attenti, saħansitra l-mewt.

L-istess prinċipji japplikaw għall-ġisem spiritwali tagħna, li għandu bżonn ikun imrawwem konsistentament biex jibqa’ san u vigoruż. Ir-reġim spiritwali għandu jinkludi drawwiet tajbin li jrawwem l-ispirtu iżda i għandu wkoll jevita drawwiet li jagħmlu ħsara lill-ispirtu.

Ir-reġim spiritwali għandu jinkludi eżerċizzji spiritwali fuq bażi regolari, bħal talb u studju tal-iskrittura ta’ kuljum, it-twettiq ta’ servizz u anki nutriment spiritwali ta’ kull ġimgħa, li jasal billi nieħdu sehem fis-sagrament, nattendu l-laqgħat tal-knisja, u nsumu kull xahar. Regolarment, aħna nġeddu r-rakkomandazzjoni tat-tempju tagħna biex naċċertaw irwieħna li l-elementi spiritwali tagħna kollha huma pprovduti f’miżura bbilanċjata biex nassiguraw li l-ġisem spiritwali huwa mrawwem b’mod adegwat. Xi drabi, se jkun meħtieġ li nsumu u nitolbu għall-għajnuna biex nipprovdu lill-ispirtu tagħna bil-qawwa u l-enerġija addizzjonali ħalli jiffaċċja sfidi speċifiċi.

Jien u niftakar l-esperjenza missjunarja tiegħi u kemm kienet diffiċli biex nitħejja, u, fl-istess ħin, kemm ġabitli hena, naħseb f’ulied Mosija li fehmu kemm kien importanti li jrawmu l-ispirtu tagħhom b’enerġja addizzjonali abbundanti miksuba minn drawwiet spiritwali.

“...għaliex kienu nies ta’ fehma soda, u kienu fittxew l‑iskrittura bil‑ħrara, biex isiru jafu l‑kelma ta’ Alla. Iżda dan mhux kollox; huma qattgħu ħafna minn ħinhom jitolbu, u jsumu; għalhekk huma kellhom l‑ispirtu tal‑profezija, u l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni, u meta għallmu, huma għallmu bil‑qawwa u l‑awtorità ta’ Alla.”1

Eżerċizzju spiritwali ta’ kuljum huwa wkoll meħtieġ biex immantnu t-testimonjanza u biex nassiguraw li wara d-dubju tasal ċ-ċertezza, għaliex dak li nippossedu llum, bħala testimonjanza, mhux se jibqa’ għada sakemm ma nagħmlux xi ħaġa biex immantnuh. L-istess kif, meta neżerċitaw il-muskoli fiżiċi, dan ikabbar is-saħħa u d-daqs tagħhom, sabiex nagħmlu testimonjanza b’saħħitha u dejjiema, neħtieġu konsistentament rutini spiritwali ta’ kuljum.

It-tendenza tal-bniedem naturali hija li dejjem jistenna iktar mill-Mulej u inqas minnu nnifsu. Hekk kif niżviluppaw drawwiet spiritwali iktar b’saħħithom u nesperjenzaw bidla qawwija fil-qalb billi nrawmu l-ispirtu tagħna b’mod frekewenti, regolarment u adegwatament, dawn id-drawwiet spiritwali jsiru partijiet integrali minna u nibdew nistennew iktar u iktar minna stess u inqas u inqas mill-Mulej.

Jalla nħabirku biex nħejju, nħarrġu u nrawmu l-ispirtu tagħna, eżatt kif nagħmlu b’ġisimna, billi niżviluppaw drawwiet spiritwali tajbin u nevitaw drawwiet destruttivi tad-dinja. Jaf ikun ta’ tbatija u iebes għall-bidu, iżda żgur li hu vallapena hekk kif ingawdu l-barkiet ta’ dan il-proċess spiritwali ta’ tkabbir u benesseri.

Ipprintja