Liahona
L-Evanġelju huwa t-Tweġiba tal-Mistoqsijiet u l-Problemi kollha tal-Ħajja
Marzu 2024


Messaġġ tat-Tmexxija tar-Reġjun

L-Evanġelju huwa t-Tweġiba tal-Mistoqsijiet u l-Problemi kollha tal-Ħajja

Meta jien u marti żorna l-Belt ta’ Salt Lake riċentament, kellna bżonn insibu ATM fuq barra. Kif konna qed infittxu waħda, smajna vuċi ġejja minn karozza pparkjata warajna, li staqsietna, “Qed tfittxu xi ħaġa?Għandkom bżonn xi għajnuna?” Dar-raġel, li qalilna li kien jismu Mike, żied jgħid bi tbissima li probabbli kienet ħaġa stramba għalina biex xi ħadd li ma nafuhx joħroġ rasu mill-karozza u jgħajjat b’ħanġra daqsiex fid-direzzjoni tagħna, iżda li xi ħaġa hekk f’Utah ma kellhiex tissorprendina. Staqsiena minn fejn konna u meta sema’ li konna minn Praga, għajnejh xegħlu. Riċentament kien tkellem ma’ ħabiba tiegħu li kellha xi problema biex tikseb informazzjoni dwar l-antenati tagħha mir-Repubblika Ċeka, u għalhekk staqsiena minnufih jekk stajniex nagħmlu xi ħaġa biex ngħinuha. Aħna weġibnieh li jkun ta’ pjaċir għalina li nibgħatulu l-kuntatt ta’ aħwa minn tagħna li kienu qed jagħmlu l-ġenealoġija f’pajjiżna. Irringrazzjana, sellimnielu, u reġa’ daħal fil-karozza. Kif konna mexjin, innutajna li Mike kien reġa’ ħareġ mill-karozza u kien miexi lejna. Din id-darba, madanakollu, flok it-tbissima ferriħija kien hemm l-emozzjoni.

Bid-dmugħ f’għajnejh, qalilna kemm kien grat għal-laqgħa qasira ta’ bejnietna u li kien ħassu mħeġġeġ biex joħroġ mill-karozza. Għal ħafna żmien kien ipprova jgħin lil ħabibtu fil-ġenealoġija fil-Bohemia, imma kien kollu għalxejn, u minħabba l-età avvanzata tagħha, kienet kważi tilfet it-tama li ssib lill-antenati tagħha fil-Bohemia. Anki Mike kien kważi se jaqta’ qalbu, imma l-jum ta’ qabel meta kien żar it-tempju huwa kien ħass li s-soluzzjoni kellha tasal — u kienet waslet permezz tagħna. U għalhekk xtaq jaqsam magħna l-hena u l-gratitudni li kien ħass għal testimonjanza oħra ta’ kemm il-gwida ta’ Alla f’ħajjitna taħdem b’mod tal-għaġeb.

Nafu mill-iskrittura l-wegħda ta’ Moroni dwar il-mod kif wieħed ikun jaf is-sewwa tal-Ktieb ta’ Mormon, meta qal: “U bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tistgħu tkunu tafu s-sewwa tal-ħwejjeġ kollha.”1 Abbażi ta’ din il-wegħda, aħna nistennew li niksbu għarfien, għerf spiritwali, u tweġibiet għal mistoqsijiet fundamentali dwar il-fidi, il-verità tal-iskrittura, jew ir-restawrazzjoni tal-evanġelju permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Iżda din il-wegħda tmiss ukoll il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna fil-ferħ u n-niket ta’ kuljum. Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tgħinna biex nagħrfu s-suġġerimenti ta’ Alla u t-tifsira propja ta’ avvenimenti li jiġrulna jew jgħinuna nieħdu d-deċiżjonijiet. Kull membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu wara l-magħmudija, u aħna għandna l-privileġġ li ngawdu s-sħubija Tiegħu. Iżda aħna għandna lkoll il-volontà ħielsa li niddeċiedu kemm l-influwenza ta’ dan l-Ispirtu se tkun immanifestata f’ħajjitna. Sew jekk se nħossu u se nifhmu l-gwida Tiegħu jekk ngħixu b’safa u nagħmlu mill-aħjar biex ngħixu skont l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, jew bil-kuntrarju, jekk xi drabi l-għemejjel u l-ħsibijiet tagħna se jbegħduh minna. Il-President Russell M. Nelson għallimna, “Aħna nisimgħuh ukoll b’aktar ċarezza hekk kif nirraffinaw l-abbiltà tagħna biex nagħrfu t-tfesfis tal-Ispirtu s-Santu. Qatt daqs illum ma kien daqstant importanti li tkunu tafu kif ikellimkom l-Ispirtu. Fid-Divinità, l-Ispirtu s-Santu hu l-messaġġier. Hu jpoġġi f’moħħkom il-ħsibijiet li l-Missier u l-Iben iridkom tirċievu.”2

Il-laqgħa tagħna ma’ Mike hija eżempju ta’ kif l-Ispirtu jaħdem. Mike għamel sforz biex jisma’ s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu u permezz tar-rieda tiegħu biex jgħin nies li għalih kienu totalment stranġieri, huwa eventwalment irċieva mhux biss l-għajnuna għall-ħabiba tiegħu, iżda aħna lkoll rċevejna testimonjanza oħra ta’ kif Alla, permezz tal-Ispirtu, jagħtina tweġibiet u jġibilna soluzzjonijiet. Iva, kienet xi ħaġa żgħira, iżda huwa minn ħwejjeġ żgħar u ċkejknin bħal dawn li l-mużajk kbir ta’ għarfien spiritwali jiġi magħmul f’ħajjitna.

Alma qal li “permezz ta’ ħwejjeġ żgħar u sempliċi jiġu fis‑seħħ ħwejjeġ kbar”3. Jiena nixhed magħkom li m’hemm xejn ikbar u iktar importanti f’ħajjitna minn dak li permezz ta’ dawn l-esperjenzi żgħar mal-Ispirtu aħna naslu biex nagħrfu l-imħabba, l-attenzjoni u l-grazzja ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu. Jien naf li Alla huwa hawn, u naf li Ibnu, Ġesù Kristu, ġie mqajjem mill-mewt u jgħix. Huwa s-Salvatur tagħkom u tiegħi, u dan jimlieli qalbi bl-hena u l-gratitudni.Jalla li l-mod li ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum jippermetti lill-Ispirtu li jgħaddilna dak li l-Missier u l-Iben jixtiequ għalina. Jalla naslu biex insiru nafuhom iktar u iktar billi nifhmu dawn il-messaġġi għaliex “din il-ħajja hija eterna, sabiex jistgġu jagħrfuk li inti l-Alla veru l-waħdieni, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”4

F’Isem Ġesù Kristu, Ammen.

Noti

  1. Moroni 10:4-5.

  2. Il-President Russell M. Nelson, Isimgħuh, Konferenza ġenerali 04/2020.

  3. Alma 37:6.

  4. Jan 17:3.

Ipprintja